Uri Apprezzament Lejn ir-Riżorsi Teokratiċi
1 Meta kien qed iħejji biex isewwi t-tempju, is-Sultan Ġosija faħħar lil dawk li kienu inkarigati biex jagħmlu x-xogħol, billi qalilhom: “Ma għandhomx jitolbuhom kontijiet tan-nefqa tal-flus għax qegħdin jaħdmu bis-sewwa.” (2 Slat. 22:3-7) L-apprezzament li kellhom dawk l-irġiel lejn l-affarijiet sagri kien evidenti mill-mod kif ħadu ħsieb ir-riżorsi li ġew fdati f’idejhom. Illum, hekk kif nieħdu sehem fix-xogħol qaddis taʼ l-Evanġelju t’Alla, aħna wkoll għandna bżonn nuru fedeltà meta nieħdu ħsieb ir-riżorsi li ngħatawlna.
2 Fil-Ministeru taʼ l-Għalqa: L-apprezzament lejn il-messaġġ vitali li hemm fil-pubblikazzjonijiet tagħna u li nkunu konxji taʼ l-ispejjeż involuti biex dawn isiru jġagħluna nistmawhom ħafna. M’għandniex noffru lletteratura tagħna bl-addoċċ lil dawk li ma juru ebda apprezzament veru lejn il-messaġġ tal-Bibbja. Jekk xi ħadd ma tantx juri interess fl-aħbar tajba, nistgħu noffrulu fuljett minflok letteratura oħra.
3 Qassam il-letteratura li jkollok b’tali mod li juri apprezzament lejn il-valur tagħha. Titlaqhiex f’postijiet pubbliċi fejn sempliċement tiġi mitfugħa ’l hawn u ’l hinn. Biex tevita l-ħala, ara x’baqagħlek id-dar qabel ma tikseb letteratura oħra. Jekk regolarment ikollok iż-żejjed f’kull ħarġa tar-rivisti, ara jekk tridx tnaqqas l-ordni tiegħek.
4 Pubblikazzjonijiet għal Użu Persunali: Għandna nordnaw biss dawk il-pubblikazzjonijiet li se jkollna bżonn. Għandna nkunu moderati b’mod speċjali meta nordnaw Bibbji deluxe, Reference Bibles, u pubblikazzjonijiet kbar oħrajn, bħalma huma l-Concordance, l-Index, il-volumi Insight, u l-ktieb Proclaimers, li kollha jsiru bi spejjeż konsiderevoli.
5 Għandek int id-drawwa li tikteb ismek u l-indirizz fil-kopji persunali tal-pubblikazzjonijiet tiegħek? Dan jgħin biex inaqqas il-ħtieġa li tikseb kopji oħrajn għal pubblikazzjonijiet li ma tkunx taf fejn ħallejthom. Jekk titlef xi ktieb taʼ l-għanjiet, xi Bibbja, jew xi pubblikazzjoni taʼ studju, għandek mnejn issibha fost l-oġġetti mitlufin li jinġabru mis-Sala tas-Saltna jew mill-post fejn issir l-Assemblea.—Lq. 15:8, 9.
6 Ejja nistinkaw biex inkunu għaqlin kif nużaw il-letteratura tagħna. Dan huwa mod kif nuru l-fedeltà tagħna meta nieħdu ħsieb ir-riżorsi tas-Saltna li Jehovah fdalna f’idejna.—Lq. 16:10.