Ninġabru Flimkien biex Infaħħru lil Jehovah
1. X’inhi t-tema tal-konvenzjoni, u Jehovah għala jistħoqqlu t-tifħir tagħna?
1 Jehovah għandu qawwa assoluta, huwa għaref b’mod infinit, perfett fil-ġustizzja, u hu l-personifikazzjoni taʼ l-imħabba. Bħala l-Ħallieq, id-Donatur tal-Ħajja, u s-Sovran Universali, hu biss jistħoqqlu l-qima tagħna. (Salm 36:10 [36:9, NW]; Apk. 4:11; 15:3, 4) Dan is-sajf, il-Konvenzjoni Distrettwali “Agħtu Glorja lil Alla” se ssaħħilna d-deċiżjoni tagħna li nfaħħruh bħala l-uniku Alla veru.—Salm 86:8-10.
2, 3. Ippjanar tajjeb kif se jgħinna nibbenefikaw bis-sħiħ?
2 Hemm Bżonn taʼ Ppjanar Tajjeb: Biex aħna nibbenefikaw bis-sħiħ mill-festa spiritwali li Jehovah għandu lesta għalina, ippjanar tajjeb hu essenzjali. (Efes. 5:15, 16) Lestejt int l-arranġamenti tiegħek għat-trasport, u biex tieħu permess biex ma tmurx ix-xogħol jew l-iskola? Tħallix dawn l-affarijiet importanti għall-aħħar minuta. Jekk iddum biex tieħu permess, jistaʼ jkun li titlef xi parti minn din l-okkażjoni tant ferrieħa. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn inkunu preżenti għal kull sessjoni.
3 Agħmilha l-mira tiegħek li tasal kmieni fil-post tal-konvenzjoni kuljum. Dan se jgħinek tissetilja f’postok qabel l-għanja tal-ftuħ u jgħinek ikollok il-burdata t-tajba biex tirċievi t-tagħlim li se jingħata. Il-bibien jinfetħu fit–8:00 a.m. kuljum. Jekk jogħġbok iżżommx postijiet ħlief għal dawk tal-familja immedjata tiegħek jew dawk li jivvjaġġaw fil-karozza miegħek.
4. Kif nistgħu nibdew nippreparaw qlubna għall-konvenzjoni?
4 Ismaʼ u Tgħallem: Bit-talb Esdra pprepara qalbu biex jirċievi l-kelma t’Alla. (Esd. 7:10) Hu mejjel qalbu għat-tagħlim mingħand Jehovah. (Qwiel 2:2, Saydon) Aħna nistgħu nibdew nippreparaw qlubna għall-konvenzjoni anki qabel ma nitilqu mid-dar billi nimmeditaw fuq it-tema tal-konvenzjoni u niddiskutuha mal-familja tagħna.
5. X’jistaʼ jgħinna nżommu l-attenzjoni tagħna fuq il-programm? (Ara l-kaxxa.)
5 F’awditorju kbir, jistaʼ jkun hemm ħafna ċaqliq u ħsejjes li jistgħu jeffettwaw l-attenzjoni tagħna. Aljenazzjonijiet bħal dawn jistgħu malajr itellfuna minn dak li jkun qed jgħid il-kelliemi. Meta jiġri dan, nitilfu informazzjoni prezzjuża. Is-suġġerimenti li hemm fil-kaxxa jistgħu jgħinuna ntejbu l-konċentrazzjoni tagħna.
6, 7. Kif nistgħu nuru konsiderazzjoni għal oħrajn?
6 Uri Konsiderazzjoni għal Oħrajn: Kameras tar-ritratti u vidjo kameras jistgħu jintużaw waqt il-programm, imma biex tevita li ttellef lil ħaddieħor, użahom biss minn postok. Telefons ċellulari u pagers għandhom jiġu ssettjati biex ma jtellfux lil ħaddieħor.
7 Kemm inħarsu ’l quddiem biex ninġabru flimkien u nfaħħru lil Jehovah! Jalla nkunu determinati li nigglorifikawh billi nattendu kull sessjoni, nisimgħu b’attenzjoni, u napplikaw dak li nitgħallmu.—Dt. 31:12.
[Kaxxa f’paġna 7]
Kif Tismaʼ fil-Konvenzjonijiet
▪ Aħseb dwar it-titli tat-taħditiet
▪ Fittex l-iskritturi
▪ Ħu noti qosra
▪ Ħu nota speċjali tal-punti li trid tapplika
▪ Irrivedi dak li titgħallem