Ilbsu l-Umiltà
1 Ragħaj żagħżugħ jafda f’Jehovah u jirbaħ lil gwerrier b’saħħtu. (1 Sam. 17:45-47) Raġel sinjur bil-paċenzja jissaporti hemm kbir. (Ġob 1:20-22; 2:9, 10) L-Iben t’Alla jagħti l-kredtu kollu lil Missieru għat-tagħlim tiegħu. (Ġw. 7:15-18; 8:28) F’kull wieħed minn dawn l-eżempji, l-umiltà kienet fattur importanti. Bl-istess mod illum, l-umiltà hija vitali minħabba s-sitwazzjonijiet li niffaċċjaw.—Kol. 3:12.
2 Meta Nippridkaw: Bħala ministri Kristjani, aħna bl-umiltà naqsmu l-aħbar tajba maʼ nies taʼ kull tip, mhux naqbdu u niġġudikawhom skond ir-razza, il-kultura, jew l-ambjent tagħhom. (1 Kor. 9:22, 23) Jekk xi wħud ikunu psataż jew b’mod arroganti jirrifjutaw il-messaġġ tas-Saltna, aħna ma naġixxux bħalhom, imma bil-paċenzja nkomplu nfittxu lil dawk l-uħud li jixirqilhom. (Mt. 10:11, 14) Minflok ma nipprovaw nimpressjonaw lill-oħrajn bl-għarfien jew bl-edukazzjoni li għandna, aħna nitfgħu l-attenzjoni fuq il-Kelma t’Alla, billi nirrikonoxxu li din hija iktar persważiva minn dak kollu li nistgħu nipprovaw ngħidu. (1 Kor. 2:1-5; Lhud 4:12) Bħal Ġesù, aħna nagħtu t-tifħir kollu lil Jehovah.—Mk. 10:17, 18.
3 Fil-Kongregazzjoni: Il-Kristjani wkoll għandhom ‘jilbsu l-umiltà maʼ xulxin.’ (1 Pt. 5:5) Jekk nikkunsidraw lill-oħrajn bħala li huma aħjar minna, aħna nfittxu modi kif nistgħu naqdu lil ħutna flok ma nistennew li jaqduna huma. (Ġw. 13:12-17; Flp. 2:3, 4) Aħna ma nħossuniex li m’għandniex għalfejn nagħmlu ċertu xogħol bħal li nnaddfu s-Sala tas-Saltna.
4 L-umiltà tgħinna biex ‘naħmlu u nħobbu ’l xulxin,’ u b’hekk jiżdiedu l-paċi u l-unità fil-kongregazzjoni. (Efes. 4:1-3) L-umiltà tgħinna biex inkunu sottomessi lejn dawk li huma maħturin biex jieħdu t-tmexxija. (Lhud 13:17) Timmotivana biex naċċettaw kull parir jew dixxiplina li nistgħu ningħataw. (Salm 141:5) U l-umiltà ġġagħalna nistrieħu fuq Jehovah meta nieħdu ħsieb xi privileġġ li nistgħu nirċievu fil-kongregazzjoni. (1 Pt. 4:11) Bħal David, aħna nirrikonoxxu li s-suċċess ma jiddependix mill-abbiltà tal-bniedem imma milli jkollna l-barka taʼ Jehovah.—1 Sam. 17:37.
5 Quddiem Alla Tagħna: Fuq kollox, aħna rridu ‘nkunu umli taħt l-id setgħana taʼ Alla.’ (1 Pt. 5:6) Jekk qed nissieltu maʼ l-iktar ċirkustanzi diffiċli jistaʼ jkun li qed nistennew bil-ħerqa dak il-ħelsien li se ġġib is-Saltna. Imma aħna bl-umiltà neżerċitaw il-paċenzja, u nistennew lil Jehovah biex iwettaq il-wegħdi tiegħu fiż-żmien xieraq tiegħu. (Ġak. 5:7-11) Kif kien veru fil-każ taʼ Ġob li żamm l-integrità, l-iktar li jinteressana hu li “jkun imbierek isem il-Mulej.”—Ġob 1:21.
6 Il-profeta Danjel ‘iċċekken quddiem Alla tiegħu’ u kien imbierek bil-favur taʼ Jehovah u b’ħafna privileġġi sbieħ. (Dan. 10:11, 12) Jalla aħna bl-istess mod nilbsu l-umiltà, billi nafu li “min jiċċekken u jibżaʼ mill-Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.”—Prov. 22:4.