Żgħażagħ—Aħżnu Teżor Sabiħ għal li Ġej
1. Iż-żgħażagħ Kristjani għala għandhom bżonn jiżviluppaw fidi soda?
1 X’inhu l-iktar importanti għalik? Dwar xiex taħseb? Huma l-ħsibijiet prinċipali tiegħek fuq l-affarijiet preżenti, jew huma fuq il-futur u ffokati fuq dak li wiegħed Alla? (Mt. 6:24, 31-33; Lq. 8:14) Bħalma jintwera mill-eżempji taʼ Abraham u Mosè, biex naġixxu fuq il-wegħdi t’Alla hemm bżonn fidi soda. (Lhud 11:8-10, 24-26) Kif tistaʼ tiżviluppa fidi bħal din u taħżen ‘teżor sabiħ għal li ġej’?—1 Tim. 6:19.
2. X’nitgħallmu mill-eżempju tas-Sultan Ġosija?
2 Fittex lil Jehovah: Jekk għandek rutina t’attività spiritwali mal-familja tiegħek, taʼ min ifaħħrek. Imma tikkonkludix li rutina bħal din se ssaħħaħlek il-fidi awtomatikament. Sabiex issib “it-tagħrif taʼ Alla,” għandek bżonn tfittex personalment lil Jehovah. (Prov. 2:3-5; 1 Kron. 28:9) Is-sultan żagħżugħ Ġosija hekk għamel. Minkejja li trabbaʼ f’ambjent li ma tantx kien spiritwali, “beda jfittex lil Alla taʼ David, missieru” meta kellu 15-il sena.—2 Kron. 34:3.
3. Iż-żgħażagħ Kristjani kif jistgħu jfittxu lil Jehovah illum?
3 Kif tistaʼ tfittex lil Jehovah? Billi teżamina bir-reqqa dak li temmen u ‘tagħraf’ int stess li hija tassew il-verità. (Rum. 12:2) Per eżempju, tistaʼ tispjega x’tgħid il-Bibbja dwar id-demm jew tagħti prova li s-Saltna t’Alla bdiet issaltan fis-sema fl-1914? Parti importanti biex taħżen teżor sabiħ għal li ġej hija li tikseb għarfien eżatt dwar il-verità.—1 Tim. 2:3, 4.
4. Il-pubblikaturi mhux mgħammdin kif jistgħu juru li mexjin ’il quddiem?
4 It-tfittxija taʼ Ġosija għal Jehovah ipproduċiet riżultati tajba. Qabel ma għalaq l-20 sena, aġixxa b’kuraġġ biex jeħles lill-art mill-qima falza. (2 Kron. 34:3-7) Bl-istess mod, il-progress spiritwali tiegħek se jkun jidher mill-azzjonijiet tiegħek. (1 Tim. 4:15) Jekk int pubblikatur mhux mgħammed, stinka biex ittejjeb il-kwalità tal-ministeru tiegħek. Tkunx kuntent biss li toffri l-letteratura. Agħmilha l-mira tiegħek biex tuża l-Bibbja, biex tirraġuna man-nies, u biex tikkultiva l-interess li ssib. (Rum. 12:7) Dan se jgħinek tikber spiritwalment.
5. X’opportunitajiet għandhom il-Kristjani mgħammdin biex jespandu l-ministeru tagħhom?
5 Agħti lil Jehovah l-Aħjar Tiegħek: Meta tissimbolizza d-dedikazzjoni tiegħek lil Jehovah billi titgħammed, int issir ministru ordnat t’Alla. (2 Kor. 3:5, 6) Dan jiftaħlek opportunitajiet biex taqdi lil Jehovah full-time. Dawn jinkludu s-servizz taʼ pijunier, kif ukoll is-servizz taʼ Betel, is-servizz missjunarju, u s-servizz internazzjonali. Jerġaʼ modi oħra kif tespandi l-ministeru huma billi titgħallem lingwa oħra jew tmur taqdi fejn il-bżonn huwa akbar.
6. Kif tistaʼ taħżen teżor sabiħ għal li ġej?
6 Naturalment, mhux kulħadd jistaʼ jieħu sehem f’dawn il-privileġġi taʼ servizz, iżda kull wieħed minna jistaʼ jagħti l-aħjar li jistaʼ lil Jehovah. (Mt. 22:37) Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tiegħek, iffoka ħajtek fuq li taqdi lil Jehovah. (Salm 16:5) Billi tagħmel hekk, tkun qiegħed taħżen għalik teżor sabiħ għal li ġej.