Assalt minn Kavallerija li Jinvolvi Lilek
1, 2. Il-qaddejja t’Alla llum kif inhuma involuti fit-twettiq tal-viżjoni profetika mniżżla f’Apokalissi 9:13-19?
1 “Is-sitt anġlu daqq it-tromba.” Wara dan, “mitejn miljun” jiġru ’l quddiem b’ħoss li jriegħed. Dan mhux xi eżerċtu militari tas-soltu. “L-irjus taż-żwiemel kienu qishom irjus taʼ ljun.” Nar, duħħan, u kubrit kienu ħerġin minn fommhom, u “denbhom kien qisu serp bir-ras.” Bħala konsegwenza, din il-kavallerija simbolika tħalli ħerba. (Apk. 9:13-19) Taf kif int involut fit-twettiq taʼ din il-viżjoni profetika impressjonanti?
2 Il-membri tal-fdal midluk u sħabhom, in-nagħaġ oħra, flimkien jagħmlu magħruf il-ġudizzji taʼ Jehovah. Dan jirriżulta fil-kxif totali tal-kundizzjoni spiritwali mejta tal-Kristjaneżmu. Ejja neżaminaw żewġ aspetti tal-viżjoni profetika li jenfasizzaw għala l-ministeru tal-qaddejja t’Alla huwa daqshekk effettiv.
3. Liema taħriġ irċivejt biex titkellem dwar il-messaġġ t’Alla b’mod effettiv?
3 Imħarrġin u Armati biex Inwasslu l-Messaġġ t’Alla: Permezz taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u laqgħat oħra tal-kongregazzjoni, il-ministri t’Alla tħarrġu biex jitkellmu dwar il-messaġġ t’Alla b’awtorità. Bħalma għamlu Ġesù u d-dixxipli tiegħu, huma jmorru u jfittxu lil dawk li jistħoqqilhom, jippridkaw kulfejn jinsabu n-nies. (Mt. 10:11; Mk. 1:16; Lq. 4:15; Atti 20:18-20) Kemm kien effettiv dan il-metodu Bibliku taʼ ppridkar!
4. Liema għodda hija disponibbli għal ħafna pubblikaturi sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom?
4 Huma u jwettqu l-inkarigu minn Alla biex jippridkaw, ministri Kristjani qassmu biljuni taʼ Bibbji, kotba, browxers, u rivisti. Dawn il-pubblikazzjonijiet ġew provduti fi kważi 400 lingwa, ikopru varjetà kbira taʼ suġġetti, u jużaw metodi li jappellaw għal nies differenti. Qiegħed tagħmel użu effettiv minn dawn l-istrumenti?
5, 6. X’jindika li l-poplu taʼ Jehovah għandu appoġġ minn Alla?
5 Appoġġ u Direzzjoni mis-Sema: Il-viżjoni profetika turi ċar ukoll li l-attività rappreżentata mill-kavallerija simbolika għandha appoġġ divin. (Apk. 9:13-15) Ix-xogħol taʼ l-ippridkar globali ma jitwettaqx permezz taʼ għerf jew poter uman, imma permezz taʼ l-ispirtu t’Alla. (Żak. 4:6) Jehovah qed juża l-anġli biex jidderieġu dan ix-xogħol. (Apk. 14:6) Għaldaqstant, flimkien maʼ l-isforzi tax-Xhieda umani tiegħu, Jehovah jipprovdi appoġġ mis-sema biex jiġbed lil uħud ġwejdin lejh.—Ġw. 6:45, 65.
6 Peress li l-poplu taʼ Jehovah huwa mħarreġ, armat sew biex iwassal il-messaġġ t’Alla, u qiegħed ukoll jaħdem taħt id-direzzjoni taʼ l-anġli, dan huwa eżerċtu li ma jistax jitwaqqaf. Ejja nkomplu nagħtu sehemna fit-twettiq taʼ din il-viżjoni profetika.