Dehra Persunali Safja u taʼ Min Ifaħħarha
1 “Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma l-aħjar nies! In-nies tagħkom għandhom qalbhom tajba u jilbsu modest, u huma juru rispett profond.” Hekk qal rappreżentant taʼ lukanda dwar l-aħwa li attendew konvenzjoni distrettwali s-sena l-oħra. F’konvenzjoni oħra, waħda li taħdem ġo lukanda qalet: “Jidher ċar li n-nies tagħkom jilbsu għal Alla.” Iva, id-delegati tal-konvenzjoni jiġu notati minn oħrajn. Għalhekk, irridu nilbsu “kif jixraq lill-Evanġelju,” u ħafna drabi dan iqanqal lil dawk li m’humiex Xhieda jikkumplimentawna u jagħmilha ovvja li aħna l-ministri t’Alla. (Flp. 1:27) Hekk kif nippreparaw għall-konvenzjoni, huwa xieraq li naħsbu bil-quddiem kif se tkun id-dehra tagħna.
2 “L-għerf li ġej mis-sema . . . safi,” kiteb id-dixxiplu Ġakbu. (Ġak. 3:17) Għandu mnejn ikun taʼ sfida li nuru s-safa fl-apparenza tagħna. Id-dinja immorali taʼ Satana tinfluwenza lin-nies sabiex jadottaw stili immodesti, senswali, u strambi li m’humiex xierqa. (1 Ġw. 2:15-17) Għalhekk, meta nieħdu deċiżjonijiet rigward l-ilbies u d-dehra tagħna, irridu nagħtu kas it-twissija tal-Bibbja sabiex “inwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja biex ngħixu [“b’moħħ f’loku,” NW] . . . f’dan iż-żmien.” (Titu 2:12) Qatt ma rridu nfixklu lil oħrajn bid-dehra tagħna, kemm jekk dawn ikunu ħutna, impjegati taʼ xi lukanda jew restorant, jew osservaturi oħrajn.—1 Kor. 10:32, 33.
3 Ilbies Modest u Xieraq: Meta tkun qed tipprepara għall-konvenzjoni, staqsi lilek innifsek: ‘Huwa l-ilbies tiegħi modest, jew qed jiġbed wisq attenzjoni lejja nnifsi? Juri rispett għas-sentimenti t’oħrajn? Huma l-flokkijiet tiegħi skullati jew qosra? Huma l-ilbiesi tiegħi trasparenti jew inkaxxati? Huwa l-ilbies tiegħi nadif u mingħajr xi rwejjaħ li jdejqu lil ħaddieħor? X’ħin inkun qed nirrilassa wara l-konvenzjoni, se jkolli jien dehra pulita u nadifa li turi li jien ministru Kristjan, jew l-ilbies tiegħi se jkun traskurat, każwali żżejjed, esaġerat f’dik li hi moda, u mhux xieraq għal delegati taʼ konvenzjoni li jkunu lebsin il-badge? Il-mod kif inkun liebsa se jġagħalni nħossni imbarazzata biex nagħti xiehda waqt il-ħin tar-rikreazzjoni?’—Rum. 15:2, 3; 1 Tim. 2:9.
4 Aħna nibbenefikaw mill-osservazzjonijiet taʼ Kristjani maturi. In-nisa għandhom jistaqsu lil żwieġhom dwar kif ilbieshom għandu mnejn jidher f’għajnejn oħrajn. Ġenituri li jibżgħu minn Alla jistgħu jgħinu lil uliedhom li huma adoloxxenti f’dan ir-rigward. Iktar minn hekk, in-nisa akbar spiritwali jistgħu “jdarru n-nisa żgħażagħ . . . ikunu [“moħħhom f’loku,” NW] [u] safja” fid-dehra tagħhom “ħalli l-kelma taʼ Alla ma titkasbarx.” (Titu 2:3-5) Il-pubblikazzjonijiet tagħna jipprovdu għajnuna permezz taʼ l-istampi li juru lbies modest u xieraq.
5 Inġibu Tifħir lil Jehovah: Il-konvenzjonijiet distrettwali jipprovdu opportunità eċċellenti għalina lkoll sabiex infaħħru lil Jehovah, u mhux biss għal dawk li jkollhom sehem fil-programm. M’għandniex xi ngħidu, il-kliem u l-kondotta Kristjana tagħna se jonorawh. Imma l-ewwel ħaġa li ħafna osservaturi jinnotaw dwarna hi l-ilbies u d-dehra tagħna. Jalla lkoll kemm aħna nġibu tifħir lil Jehovah bid-dehra safja u taʼ min ifaħħarha tagħna.—Salm 148:12, 13.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
1. Meta nkunu qed nippreparaw għall-konvenzjoni, għala għandna nikkunsidraw bil-quddiem kif se tkun id-dehra tagħna?
2. Għala hija sfida li jkollna lbies u dehra safjin?
3. Liema mistoqsijiet se jgħinuna neżaminaw id-dehra persunali tagħna?
4. Oħrajn kif jistgħu jgħinuna biex ikollna dehra safja?
5. Kif nistgħu lkoll kemm aħna nġibu tifħir lil Jehovah matul il-konvenzjoni? (km-E 4/04)
[Kaxxa f’paġna 4]
Għajnuna Sabiex Ikollna Dehra taʼ Min Ifaħħarha
◼ Il-Kelma t’Alla
◼ Eżami tagħna nfusna
◼ L-osservazzjonijet t’oħrajn
◼ Il-pubblikazzjonijiet Kristjani