Uri li Int Grat
1 Għalkemm ngħixu fi “żmien iebes,” aħna għandna ħafna raġunijiet għalxiex inkunu grati lejn Jehovah. (2 Tim. 3:1) Waħda mill-iktar għotjiet li aħna grati għalihom hija l-għotja prezzjuża taʼ Ibnu għalina. (Ġw. 3:16) Iżjed minn hekk, filwaqt li dawk f’reliġjon falza qed ibatu minn ġuħ spiritwali, aħna qed ingawdu abbundanza taʼ ikel spiritwali. (Is. 65:13, 14 [65:13, New World Translation]) Aħna nagħmlu parti minn fratellanza globali u għandna l-privileġġ li nieħdu sehem fit-tkabbir eċċitanti tal-qima vera. (Is. 2:3, 4; 60:4-10, 22) Kif nistgħu nuru lil Jehovah li aħna grati għall-barkiet li hu jagħtina b’abbundanza?—Kol. 3:15, 17.
2 Servizz mill-Qalb bil-Ferħ: Meta kien qed jitkellem dwar l-għoti taʼ l-affarijiet materjali, l-appostlu Pawlu kiteb: “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” (2 Kor. 9:7) Dan il-prinċipju japplika wkoll għas-servizz tagħna lil Alla. Aħna nuru l-gratitudni tagħna bl-entużjażmu li għandna għall-verità, il-ferħ tagħna fil-laqgħat Kristjani, iż-żelu tagħna fil-ministeru taʼ l-għalqa, u l-ferħ li nuru meta nwettqu r-rieda t’Alla.—Salm 107:21, 22; 119:14; 122:1; Rum. 12:8, 11.
3 F’Iżrael tal-qedem, il-Liġi ma talbitx ammont speċifiku għal ċerti offerti. Kulmin kien jagħti qima lil Alla setaʼ juri l-gratitudni tiegħu billi jagħti ‘skond il-barka li jkun tah il-Mulej.’ (Dt. 16:16, 17) B’mod simili llum, qalb grata se tqanqalna nagħmlu dak kollu li nistgħu skond iċ-ċirkustanzi tagħna fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. Ix-xhur tas-sajf spiss jagħtuna iktar opportunitajiet biex nuru li aħna grati. Xi wħud jieħdu vantaġġ mill-ġranet meta ma jkunux xogħol jew mill-vaganzi taʼ l-iskola u mill-fatt li l-ġranet ikunu itwal biex iżidu l-ħin tagħhom fis-servizz taʼ l-għalqa, anki biex jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Tistaʼ żżid fil-ħin li tqattaʼ fil-ministeru dan is-sajf?
4 Imtlew bil-Gratitudni: Mod importanti ħafna li bih nuru l-gratitudni tagħna huwa t-talb lil Jehovah. (1 Tess. 5:17, 18) Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex ‘nissaħħu fil-fidi, u nimtlew bil-gratitudni.’ (Kol. 2:7) Anki meta jkollna ħafna x’nagħmlu jew inkunu stressati, għandna dejjem nuru l-gratitudni tagħna fit-talb tagħna taʼ kuljum. (Flp. 4:6) Iva, permezz tal-ministeru tagħna kif ukoll bit-talb, jalla ‘nnisslu kotra taʼ radd il-ħajr lil Alla.’—2 Kor. 9:12.