Is-Sabar Iġib Barkiet
1 “Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (Lq. 21:19) Dan il-kliem, li jifforma parti mill-profezija taʼ Ġesù dwar “tmiem id-dinja,” juri ċar li biex aħna nibqgħu nżommu l-integrità, irridu nkunu lesti li niffaċċjaw ħafna provi. Imma bis-saħħa taʼ Jehovah, kull wieħed minna jistaʼ “jżomm sħiħ sa l-aħħar” u “jsalva.”—Mt. 24:3, 13; Flp. 4:13.
2 Kull jum li jgħaddi jistaʼ jkun prova fih innifsu minħabba persekuzzjoni, problemi taʼ saħħa, diffikultajiet finanzjarji, u wġigħ emozzjonali. Madankollu, ma rridu qatt ninsew li Satana qed jipprova jkisser l-integrità tagħna lejn Jehovah. Kull jum li nibqgħu leali lejn Missierna huwa jum ieħor li bih inkunu tajna sehemna biex nagħtu tweġiba għall-isfida li għamel it-Tentatur. X’sodisfazzjon inħossu għall-fatt li nafu li d-“dmugħ” li nxerrdu minħabba l-provi m’huwiex minsi! Dan hu prezzjuż għal Jehovah, u l-integrità tagħna tferraħlu qalbu!—Salm 56:9 (56:8, New World Translation); Prov. 27:11.
3 Irfinuti bil-Provi: Il-problemi jistgħu jikxfu dgħjufija fil-fidi jew difett fil-personalità, bħall-kburija jew in-nuqqas taʼ paċenzja. Minflok ma naraw kif se nevitaw jew intemmu l-provi b’mezzi mhux skritturali, irridu nagħtu kas il-parir tal-Kelma t’Alla biex ‘inħallu s-sabar ikollu l-milja tiegħu fina.’ Għala? Għax jekk nissaportu l-provi bil-fedeltà nkunu nistgħu nsiru “perfetti u sħaħ.” (Ġak. 1:2-4) Is-sabar jistaʼ jgħinna nikkultivaw kwalitajiet imprezzabbli, bħar-raġunevolezza, l-empatija, u l-ħniena.—Rum. 12:15.
4 Il-Fidi Tgħaddi mill-Prova: Meta nissaportu t-tiġrib, aħna niksbu fidi li tkun għaddiet mill-prova u li ssir prezzjuża ħafna f’għajnejn Alla. (1 Pt. 1:6, 7) Fidi bħal din tgħammarna biex nibqgħu sodi matul provi oħra fil-futur. Iktar minn hekk, inkunu nistgħu nħossu l-approvazzjoni t’Alla, u dan isaħħilna t-tama tagħna u jagħmilhielna iktar reali.—Rum. 5:3-5.
5 L-aqwa barka li tirriżulta mis-sabar hija enfasizzata f’Ġakbu 1:12, li jgħid: “Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqlaʼ l-kuruna tal-ħajja.” Għaldaqstant, ejja nibqgħu sodi fiddevozzjoni tagħna lejn Jehovah, fiduċjużi li hu se jbierek bl-abbundanza “lil dawk li jħobbuh.”