“Hieni l-Bniedem li Jibqaʼ Jissaporti t-Tiġrib”
1 Il-Kristjani kollha jridu jiffaċċjaw it-tiġrib. (2 Tim. 3:12) It-tiġrib li rridu nħabbtu wiċċna miegħu jistaʼ jkun nuqqas taʼ saħħa, diffikultà ekonomika, tentazzjoni, persekuzzjoni, jew ħafna affarijiet oħrajn. It-tiġrib li Satana jgħabbina bih huwa maħsub biex inaqqsilna l-pass, biex iġagħalna nittraskuraw il-ministeru Kristjan tagħna, jew saħansitra biex iwaqqafna milli naqdu lil Alla. (Ġob 1:9-11) Il-fatt li nissaportu t-tiġrib kif iwassalna biex ikollna l-hena?—2 Pt. 2:9.
2 Ipprepara Ruħek għat-Tiġrib: Ġeħova pprovda l-Kelma tiegħu tal-verità, inkluż rekord tal-ħajja u t-tagħlim taʼ Ġesù. Hekk kif nisimgħu l-kliem taʼ Ġesù u nagħmluh, aħna se nħejju pedament sod, u b’hekk nippreparaw ruħna għat-tiġrib. (Lq. 6:47-49) Se niksbu saħħa wkoll minn provvedimenti oħrajn—ħutna l-Kristjani, il-laqgħat tal-kongregazzjoni, u l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja provduti mill-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli. Aħna nużaw spiss ir-rigal li tana Alla tat-talb.—Mt. 6:13.
3 Ġeħova tana wkoll tama. Meta nibnu fidi soda fil-wegħdi taʼ Ġeħova, it-tama tagħna ssir “ankra għal ruħna, żgura u soda.” (Ebr. 6:19) Fiż-żminijiet Bibliċi, il-vapuri qatt ma kienu jħallu l-port mingħajr ankra, saħansitra f’temp sabiħ. Jekk ikollha tinqalaʼ tempesta għal għarrieda, jitfgħu l-ankra, u b’hekk jevitaw li l-vapur jinkalja mal-blat. B’mod simili, jekk nibnu l-fidi fil-wegħdi t’Alla minn issa dan se jżommna stabbli meta jiġu fuqna tempesti taʼ inkwiet. It-tiġrib jistaʼ jiġi tassew għal għarrieda. Għalkemm l-attività taʼ l-ippridkar taʼ Pawlu u Barnaba f’Listra għall-ewwel kienet milqugħa tajjeb, is-sitwazzjoni nbidlet f’daqqa waħda meta ġew l-opponenti Lhud.—Atti 14:8-19.
4 Is-Sabar Iġib l-Hena: Jekk inkomplu nippridkaw minkejja l-oppożizzjoni jkollna l-paċi tal-moħħ. Aħna nifirħu meta nitqiesu denji li niġu diżonorati minħabba isem Kristu. (Atti 5:40, 41) Il-fatt li nissaportu ttiġrib jgħinna niżviluppaw kwalitajiet bħall-umiltà, l-ubbidjenza, u s-sabar iktar bis-sħiħ. (Dt. 8:16; Ebr. 5:8; Ġak. 1:2, 3) Jgħallimna nistrieħu fuq Ġeħova, nafdaw fil-wegħdi tiegħu, u nistkennu fih.—Prov. 18:10.
5 Aħna nafu li t-tiġrib huwa temporanju. (2 Kor. 4:17, 18) It-tiġrib jagħtina opportunitajiet biex nuru kemm hi kbira mħabbitna għal Ġeħova. Hekk kif nissaportu, aħna nistgħu nwieġbu għall-akkużi taʼ Satana. Għalhekk, m’għandniex naqtgħu qalbna! “Hieni l-bniedem li jibqaʼ jissaporti t-tiġrib, għaliex meta jiġi approvat jirċievi l-kuruna tal-ħajja.”—Ġak. 1:12.