Nippridkaw lil tal-Familja—Kif?
1. Għala hemm bżonn id-dixxerniment biex tippriedka lil tal-familja?
1 Liema ferħ akbar jistaʼ jkollna milli nidħlu fid-dinja l-ġdida mal-maħbubin tagħna, magħqudin magħhom fil-qima taʼ Ġeħova! Billi nippridkaw lil tal-familja, dan il-prospett taʼ ferħ jistaʼ jsir realtà. Madankollu, sabiex nagħmlu dan b’mod rifreskanti jeħtieġ id-dixxerniment. Indokratur li jivvjaġġa osserva: “L-aħjar riżultati jintlaħqu minn dawk li jqajmu l-kurżità tal-familjari tagħhom billi jippridkawlhom kultant żmien.” Kif nistgħu nagħmlu dan?
2. Kif jistaʼ interess sinċier f’dawk tal-familja tagħna jgħinna nqajmu l-kurżità tagħhom?
2 Qajmilhom il-Kurżità: Aħseb sew dwar kif tistaʼ tqanqal l-interess taʼ dawk fil-familja tiegħek. (Prov. 15:28) X’inhu dak li jinkwetahom? Liema sfidi qed jiffaċċjaw? Forsi tkun tistaʼ taqsam magħhom artiklu jew issemmi skrittura inkuraġġanti dwar suġġett li hu taʼ interess speċjali għalihom. Jekk dawk li jiġu minnek ma jgħixux viċin id-dar tiegħek, forsi tkun tistaʼ tagħmel dan permezz taʼ ittra jew telefonata. Mingħajr ma tibbombardjahom, iżraʼ ż-żerriegħa tal-verità, u dur lejn Ġeħova biex ikabbar dawk iż-żrieragħ.—1 Kor. 3:6.
3. Kif jistaʼ l-interess li għandhom fina dawk li jiġu minna joħloq opportunità biex nagħtu xiehda?
3 Ġesù qal hekk lil wieħed raġel li minnu keċċa ħafna demonji: “Mur id-dar għand qrabatek, u għidilhom dak kollu li Ġeħova għamel miegħek u l-ħniena li wriek.” (Mk. 5:19) Immaġina l-impressjoni li dan żgur ħalla fuq dawk tal-familja tiegħu! Għalkemm forsi ma tesperjenzax xi ħaġa daqshekk drammatika, x’aktarx li dawk li jiġu minnek għandhom interess fl-attivitajiet tiegħek jew dawk taʼ wliedek. Billi ssemmi taħdita li kellek fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, xi konvenzjoni li attendejt, żjara f’xi Betel, jew ġrajja persunali sinifikanti, int tistaʼ toħloq opportunità biex taqsam magħhom xi ħaġa iktar dwar Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu.
4. Liema affarijiet għandna nevitaw meta nkunu qed nagħtu xiehda lil xi ħadd tal-familja?
4 Uri d-Dixxerniment: Meta tippriedka lil tal-familja, evita li tgħidilhom kollox f’daqqa. Billi jiftakar iż-żmien meta hu beda jistudja l-Bibbja, wieħed ħu ammetta: “Imbagħad ibbombardjajt lil ommi għal sigħat sħaħ bi spjegazzjonijiet dwar kważi dak kollu li kont tgħallimt mill-Bibbja, u dan spiss wassal għal argumenti, speċjalment maʼ missieri.” Anki meta xi ħadd mill-familja juri interess fil-messaġġ tal-Bibbja, wieġeb b’tali mod li l-individwu jkun irid isir jaf iktar. (Prov. 25:7) Dejjem uri r-rispett, il-qalb tajba, u l-paċenzja, daqslikieku qed titkellem maʼ stranġier fil-ministeru.—Kol. 4:6.
5. X’għandna nagħmlu jekk dawk li jiġu minna ma jwiġbux b’mod favorevoli meta nagħtuhom xiehda?
5 Darba minnhom, il-familja taʼ Ġesù ħasbet li hu kien iġġennen. (Mk. 3:21) Madankollu, iktar tard xi wħud saru jemmnu. (Atti 1:14) Jekk l-isforzi inizjali tiegħek biex taqsam il-verità maʼ dawk li jiġu minnek ma rnexxewx, taqtax qalbek. Iċ-ċirkustanzi u l-attitudnijiet jistgħu jinbidlu. Kompli fittex opportunità oħra biex taqsam magħhom punt li jistaʼ jqajmilhom il-kurżità. Forsi tesperjenza l-ferħ li tgħinhom jibdew fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem.—Mt. 7:13, 14.