Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—Is-Sebaʼ Parti
Nitolbu fl-Istudju
1. (a) Għala huwa xieraq li tiftaħ u tagħlaq studju tal-Bibbja b’talba? (b) Kif nistgħu nintroduċu t-talb fi studju tal-Bibbja?
1 Sabiex l-istudenti tal-Bibbja jagħmlu progress spiritwali, hemm bżonn il-barka taʼ Ġeħova. (1 Kor. 3:6) Għalhekk, meta l-istudju jkun ġie stabbilit, ikun xieraq li tiftaħ u tagħlaq b’talba. Ħafna drabi nistgħu nagħmlu dan saħansitra mill-ewwel studju li jkollna maʼ nies li jkunu reliġjużi. M’oħrajn, għandu mnejn ikollna nużaw id-dehen biex nagħrfu meta jkun il-waqt li nintroduċulhom it-talb. Tistaʼ tuża Salm 25:4, 5 u l-1 Ġwanni 5:14 biex tgħin lill-istudent jara għala għandu jsir it-talb u uża wkoll Ġwanni 15:16 biex tispjega l-importanza li nitolbu lil Ġeħova permezz taʼ Ġesù Kristu.
2. Jekk fuq studju tal-Bibbja oħt ikollha magħha ħu mgħammed jew pubblikatur mhux mgħammed, min għandu jgħid it-talba?
2 Min għandu jgħid it-talba fi studju tal-Bibbja? Jekk ħu mgħammed imur fuq l-istudju maʼ oħt, hu għandu jgħid it-talba, għalkemm l-oħt tistaʼ tikkonduċi l-istudju filwaqt li tilbes għata fuq rasha. (1 Kor. 11:5, 10) Min-naħa l-oħra, jekk pubblikatur tas-Saltna mhux mgħammed imur fuq l-istudju maʼ oħt, hi għandha tgħid it-talba. F’sitwazzjoni bħal din, l-oħt għandha tilbes għata fuq rasha kemm meta titlob u kemm meta tikkonduċi l-istudju.
3. Liema affarijiet xierqa għandu jinkludi t-talb li jsir fi studju tal-Bibbja?
3 X’Tistaʼ Tgħid fit-Talb: It-talb fi studju tal-Bibbja m’għandux għalfejn ikun twil, però għandu jkun speċifiku. Minbarra li nitolbu għall-barka t’Alla fuq l-istudju u nirringrazzjawh għall-veritajiet mgħallma, huwa xieraq li nfaħħru lil Ġeħova bħala s-Sors tat-tagħlim. (Is. 54:13) Nistgħu ninkludu wkoll espressjonijiet li juru l-interess sinċier tagħna fl-istudent u l-apprezzament tagħna għall-organizzazzjoni li qed juża Ġeħova. (1 Tess. 1:2, 3; 2:7, 8) Il-fatt li nitolbu għall-barka taʼ Ġeħova fuq l-isforzi taʼ l-istudent biex japplika dak li qed jitgħallem jistaʼ jgħinu jara kemm hu importanti li jkun wieħed ‘li jagħmel il-kelma.’—Ġak. 1:22.
4. Liema benefiċċji jkun hemm meta tagħlaq u tiftaħ studju tal-Bibbja bit-talb?
4 Il-benefiċċji tat-talb huma ħafna. It-talb iġib il-barka t’Alla. (Lq. 11:13) Jenfasizza s-serjetà taʼ l-istudju tal-Kelma t’Alla. Meta l-istudent jismaʼ t-talb tagħna, ikun qed jitgħallem kif jitlob. (Lq. 6:40) Iktar minn hekk, it-talb li joħroġ minn qalb mimlija mħabba u gratitudni lejn Alla għall-kwalitajiet tiegħu li ma tistaʼ tqabbilhom maʼ xejn jistaʼ jgħin lill-istudent jiżviluppa relazzjoni persunali maʼ Ġeħova.