Skeda tal-Familja—Laqgħat tal-Kongregazzjoni
1 Jekk int ġenitur Kristjan, int trid li wliedek jikbru bħala wħud li jħobbu u jaqdu lil Ġeħova u, fl-aħħar mill-aħħar, jiksbu l-ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida mwiegħda minn Alla. Kif tistaʼ tgħinhom jagħmlu l-qima taʼ Ġeħova l-ewwel post f’ħajjithom? Il-mod ewlieni hu bl-eżempju tiegħek. (Prov. 20:7) Meta ftakret fl-eżempju t’ommha li kienet Xhud, waħda oħt qalet: “Qatt ma konna niddubitaw jekk hux se mmorru għal-laqgħat jew le.” Dan ħalla effett dejjiemi fuqha.
2 Tifhem il-familja tiegħek l-iskop tal-laqgħat tal-kongregazzjoni? It-tagħlim li nirċievu f’dawn il-laqgħat jagħtina s-saħħa biex nibqgħu nagħmlu r-rieda t’Alla, u s-sħubija li ngawdu maʼ ħutna hija sors taʼ inkuraġġiment imprezzabbli. (Is. 54:13; Rum. 1:11, 12) Però, l-iskop primarju taʼ dawn il-laqgħat hu li jitlaʼ tifħir għand Ġeħova minn fost il-“ġemgħat.” (Salm 26:12) Il-laqgħat Kristjani jagħtuna l-opportunità biex nuru mħabbitna lil Ġeħova u biex inqimuh.
3 “Oqogħdu Attenti bis-Sħiħ”: L-apprezzament għall-iskop sagru tal-laqgħat tagħna se jqanqalna ‘noqogħdu attenti bis-sħiħ’ li ma niżviluppawx bil-mod il-mod id-drawwa li nitilfu l-laqgħat minħabba affarijiet li huma inqas importanti. (Efes. 5:15, 16; Ebr. 10:24, 25) Meta tagħmel l-iskeda għall-familja tiegħek, għandek mnejn tibda billi timmarka l-ħinijiet għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Imbagħad, oqgħod attent li ma tħallix attivitajiet oħra jiħdulhom posthom. Kun ċert li l-attendenza għall-laqgħat tkun prijorità għall-familja tiegħek.
4 Ma nħossuniex imqanqlin meta naqraw dwar ħutna li jegħlbu l-ostakli sabiex jattendu l-laqgħat u l-assembleat? Għalkemm iċ-ċirkustanzi tiegħek jistgħu jkunu inqas drammatiċi, probabbilment int ukoll tiffaċċja l-isfidi. Satana dejjem qed jagħmilha iktar diffiċli għall-poplu t’Alla biex iqim lil Ġeħova. Però, ibqaʼ ċert li wliedek żgur se jinnotaw l-isforz b’determinazzjoni li l-familja qed tagħmel biex tattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Tabilħaqq, jekk tagħmel hekk, tistaʼ tagħtihom għotja spiritwali li ma se jinsewha qatt.