Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—L-Għaxar Parti
Inħarrġu lill-Istudenti fil-Ministeru minn Dar għal Dar
1 Meta l-anzjani jiddeterminaw li student tal-Bibbja jikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed, dan jistaʼ jibda jieħu sehem mal-kongregazzjoni fix-xogħol taʼ l-ippridkar pubbliku. (Ara Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda taʼ Ġeħova, pġi 79-81.) Kif nistgħu ngħinu lill-istudent jilħaq il-mira li jippriedka minn dar għal dar?
2 Nippreparaw Flimkien: M’hemm xejn aħjar minn preparazzjoni tajba. Uri lill-istudent fejn jistaʼ jsib suġġerimenti taʼ preżentazzjonijiet fil-Ministeru tas-Saltna u fil-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq il-Bibbja, u għinu jagħżel preżentazzjoni sempliċi li hi adattata għat-territorju lokali. Mill-bidunett, inkuraġġih biex juża l-Bibbja fil-ministeru.—2 Tim. 4:2.
3 Sessjonijiet taʼ prattika huma ferm taʼ benefiċċju għal pubblikatur ġdid. Hekk kif l-istudent jipprattika l-preżentazzjoni tiegħu, urih kif jistaʼ jwieġeb bit-tattika għar-reazzjonijiet li huma komuni fit-territorju. (Kol. 4:6) Aċċertah li bħala ministri Kristjani m’għandniex għalfejn inkunu nafu t-tweġiba għal kull mistoqsija li jistgħu jistaqsu n-nies. Spiss l-aħjar mod kif nittrattaw mistoqsijiet bħal dawn ikun li noffru li nagħmlu r-riċerka u li nerġgħu mmorru darb’oħra biex inkomplu niddiskutu s-suġġett.—Prov. 15:28.
4 Nippridkaw Flimkien: L-ewwel darba li l-istudent jieħu sehem fil-ministeru minn dar għal dar, ħallih josservak hekk kif int tagħmel il-preżentazzjoni li tkunu ppreparajtu flimkien. Imbagħad involvih fid-diskussjoni. F’ċerti każi, l-aħjar ħaġa tkun li l-pubblikatur il-ġdid jagħmel biss parti mill-preżentazzjoni, bħal li jaqra xi skrittura u jikkummenta fuqha. Żomm f’moħħok x’personalità u abbiltajiet għandu l-istudent. (Flp. 4:5) Faħħar spiss lill-istudent filwaqt li tkompli tħarrġu bil-mod il-mod fid-diversi aspetti tax-xogħol taʼ l-ippridkar.
5 Importanti li tgħin lill-pubblikatur il-ġdid biex jagħmel skeda ħalli jkun jistaʼ jieħu sehem regolarment fil-ministeru, jekk jistaʼ jkun kull ġimgħa. (Flp. 3:16) Agħmel arranġamenti speċifiċi biex taħdem miegħu fis-servizz, u inkuraġġih jaħdem ukoll m’aħwa żelużi oħra. L-eżempju u s-sħubija tagħhom se jgħinuh isir iktar effettiv u jieħu gost fl-ippridkar minn dar għal dar.