Uża l-Ħin Tiegħek bil-Għaqal
1 Ix-xewqa tagħna li nogħġbu lil Ġeħova tqanqalna niffokaw ħajjitna fuq l-attivitajiet spiritwali. Il-Kelma tiegħu tistruwina biex ‘nibqgħu nfittxu l-ewwel is-saltna’ u ‘naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti.’ (Mt. 6:33; Flp. 1:10) Kif nistgħu nużaw il-ħin bl-aħjar mod għall-interessi tas-Saltna u nżommu l-attivitajiet li huma inqas importanti f’posthom?—Efes. 5:15-17.
2 Żomm l-Attivitajiet tas-Saltna l-Ewwel: Agħmel skeda biex tqassam il-ħin tiegħek ħalli ma taħlihx fuq affarijiet mhux neċessarji. Xi wħud jibdew kull xahar billi jimmarkaw ħinijiet speċifiċi fuq il-kalendarju tagħhom għall-ministeru taʼ l-għalqa tagħhom. Imbagħad joqogħdu attenti li ma jħallux affarijiet oħra jfixklu dawn il-pjanijiet. Tistaʼ ssir listess ħaġa biex nużaw il-ħin bl-aħjar mod għal-laqgħat, l-istudju persunali, u l-konvenzjonijiet. Fl-iskeda taʼ kuljum tagħhom, ħafna jibdew jew jispiċċaw bil-qari tal-Bibbja. Warrab ħin speċifiku għal kull attività importanti, u tħallix affarijiet oħra jfixkluk bla bżonn.—Koħ. 3:1; 1 Kor. 14:40.
3 Nużaw id-Dinja b’Mod Limitat: F’xi pajjiżi, l-isports, id-divertiment, ir-rikreazzjoni, il-passatempi, u attivitajiet oħra malajr issibhom disponibbli. Ħafna jqattgħu ammont esaġerat taʼ ħin jaraw it-televixin jew jużaw il-kompjuters. Madankollu, jekk nimlew moħħna b’attivitajiet taʼ divertiment u bit-teknoloġija l-ġdida li toffri din id-dinja żgur li se nispiċċaw diżappuntati. (1 Ġw. 2:15-17) Għaldaqstant, l-Iskrittura tħeġġiġna biex ma nużawx id-dinja bis-sħiħ. (1 Kor. 7:31) Jekk tagħti kas dan il-parir għaqli, int tistaʼ turi lil Ġeħova li l-qima tiegħu għandha l-ewwel post f’ħajtek.—Mt. 6:19-21.
4 Iż-żmien li baqgħalha din is-sistema dalwaqt se jispiċċa. Dawk li jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel se jkunu kuntenti u se jiksbu l-favur t’Alla. (Prov. 8:32-35; Ġak. 1:25) Mela, jalla nużaw bil-għaqal din il-ħażna prezzjuża li għandna, il-ħin tagħna.