Kompli Xandar il-Kelma t’Alla bil-Qlubija
1 Bħala ministri Kristjani, aħna nafu li mhux kulħadd se jilqaʼ l-ippridkar tagħna. (Mt. 10:14) Madankollu, aħna ma nħallux lil dawk li ma jwiġbux b’mod favorevoli jżommuna lura milli niddikjaraw l-aħbar tajba. (Prov. 29:25) X’jgħinna nibqgħu nxandru l-kelma t’Alla bil-qlubija?
2 L-appostlu Pawlu fehem “il-valur imprezzabbli taʼ l-għarfien dwar Kristu Ġesù.” Dan qanqlu biex jitkellem “b’konvinzjoni sħiħa.” (Flp. 3:8; 1 Tess. 1:5) Għalkemm xi wħud ħarsu lejn il-messaġġ li ppriedka bħala li hu dgħajjef u bla sens, hu kien jaf li hu “l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni taʼ kulmin għandu l-fidi.” (Rum. 1:16) Għalhekk, anki meta ffaċċja l-oppożizzjoni, hu baqaʼ ‘jitkellem bil-qlubija permezz taʼ l-awtorità li tah Ġeħova.’—Atti 14:1-7; 20:18-21, 24.
3 Is-Sors Tagħna taʼ Qawwa: Ma kienx minħabba l-qawwa tiegħu li Pawlu setaʼ jagħti xiehda bil-qlubija. Meta tkellem dwaru nnifsu u dwar Sila, Pawlu kiteb: “Imma wara li sofrejna u konna mżebilħin f’Filippi, . . . għamilna l-qalb permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba t’Alla b’taħbit kbir.” (1 Tess. 2:2; Atti 16:12, 37) Iżjed minn hekk, waqt li kien arrestat f’Ruma, Pawlu talab lil oħrajn biex jitolbu għan-nom tiegħu ħalli jkun jistaʼ jkompli jiddikjara l-aħbar tajba ‘bil-qlubija kif imissu jitkellem.’ (Efes. 6:18-20) Peress li straħ fuq Ġeħova minflok fuqu nnifsu, Pawlu setaʼ jkompli jxandar il-kelma t’Alla bil-qlubija.—2 Kor. 4:7; Flp. 4:13.
4 L-istess hu minnu llum. Ħu li sabha tassew diffiċli biex jidentifika lilu nnifsu bħala Xhud taʼ Ġeħova u biex jagħti xiehda informali fuq il-post tax-xogħol talab dwar il-kwistjoni u beda jagħti xiehda. Sieħbu tax-xogħol għall-ewwel irrifjuta l-isforzi tiegħu, imma malli semmielu t-tama taʼ l-irxoxt dan spiċċa biex beda studju tal-Bibbja. Minn dakinhar ’il quddiem, il-ħu ħataf kull opportunità biex jagħti xiehda. Fil-post taʼ l-impjieg li kellu wara, hu għen lil 34 persuna jaslu sal-magħmudija f’perijodu taʼ 14-il sena. Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jqawwina bl-istess mod biex ‘nibqgħu nitkellmu l-kelma tiegħu bil-qlubija kollha.’—Atti 4:29.