Żviluppa s-Sengħa taʼ li Tirraġuna m’Oħrajn
1. Liema rakkont Bibliku se neżaminaw, u għala?
1 It-taħdita li l-appostlu Pawlu ta ġo sinagoga f’Antjokja tal-Pisidja, kif dokumentat f’Atti 13:16-41, toffri eżempju millaqwa taʼ kif nirraġunaw m’oħrajn. Pawlu kkunsidra l-isfond u l-mod kif kienu jirraġunaw is-semmiegħa tiegħu u adatta l-preżentazzjoni dwar l-aħbar tajba skond il-bżonn. Hekk kif neżaminaw dan ir-rakkont, ejja nikkunsidraw kif nistgħu nagħmlu l-istess fil-ministeru tagħna.
2. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Pawlu beda t-taħdita tiegħu?
2 Fittex Affarijiet in Komuni: Għalkemm il-messaġġ taʼ Pawlu kien jiċċentra madwar l-irwol importanti li Ġesù għandu biex jitwettaq l-iskop t’Alla, Pawlu ma bediex it-taħdita tiegħu billi qabad u semma dan il-punt. Minflok, hu tkellem dwar xi ħaġa li hu u l-udjenza, li ħafna minnha kienu Lhud, kellhom in komuni—l-istorja tal-poplu Lhudi. (Atti 13:16-22) Bl-istess mod, jekk infittxu affarijiet in komuni m’oħrajn se jirnexxilna iktar nilħqu qlub in-nies. Dan għandu mnejn jirrikjedi li nħeġġuhom jesprimu ruħhom permezz taʼ mistoqsijiet bit-tattika u nisimgħuhom b’attenzjoni sabiex inkunu nistgħu naraw x’inhu verament importanti għalihom.
3. X’kien dak li għamilha diffiċli għas-semmiegħa taʼ Pawlu biex jaċċettaw li Ġesù kien il-Messija mwiegħed?
3 Meta ddiskuta l-istorja tal-Lhud, Pawlu fakkar lis-semmiegħa tiegħu fil-wegħda t’Alla li kien se jqajjem Salvatur mil-linja taʼ David. Madankollu, ħafna Lhud kienu qed jistennew eroj militari li kien se jneħħi l-madmad tal-ħakma Rumana u jeżalta l-ġens Lhudi fuq kull ġens ieħor. Bla dubju huma kienu konxji tal-fatt li Ġesù ġie miċħud mill-mexxejja reliġjużi Lhud f’Ġerusalemm, mogħti f’idejn l-awtoritajiet Rumani, u maqtul. Pawlu kif setaʼ jikkonvinċihom li Ġesù kien il-Messija mwiegħed?
4. Pawlu kif irraġuna bis-sengħa maʼ l-udjenza Lhudija li kellu quddiemu?
4 Adatta l-Preżentazzjoni Tiegħek: Minħabba li kien jaf kif kienu jirraġunaw is-semmiegħa tiegħu, Pawlu uża l-Iskrittura sabiex jibbaża l-irraġunar tiegħu fuq affarijiet li huma kienu diġà aċċettaw. Per eżempju, hu introduċa lil Ġesù bħala n-nisel taʼ David u bħala l-wieħed li kien identifikat minn Ġwanni l-Għammied, li kien meqjus minn kulħadd bħala profeta t’Alla. (Atti 13:23-25) Pawlu wera li meta rrifjutaw lil Ġesù u kkundannawh għall-mewt, il-mexxejja reliġjużi kienu “wettqu dak li lissnu l-Profeti.” (Atti 13:26-28) Iktar minn hekk, hu spjega li kien hemm xhieda li raw b’għajnejhom stess li Ġesù kien ġie rxoxtat mill-mewt, u ġibed l-attenzjoni lejn Skritturi li kienu familjari magħhom u li kienu twettqu fl-irxoxt taʼ Ġesù.—Atti 13:29-37.
5. (a) Pawlu kif adatta l-preżentazzjoni tiegħu meta kellem udjenza Griega? (b) Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu meta nkunu qed nagħtu xiehda fit-territorju lokali?
5 Min-naħa l-oħra, meta kellem lil udjenza Griega fl-Arjopagu f’Ateni, Pawlu uża preżentazzjoni differenti. (Atti 17:22-31) Madankollu, hu ppreżenta l-istess messaġġ bażiku, u fiż-żewġ każijiet l-isforzi tiegħu taw riżultati tajbin. (Atti 13:42, 43; 17:34) Bl-istess mod illum, jekk infittxu affarijiet in komuni mas-semmiegħa tagħna u jekk nadattaw il-preżentazzjoni tagħna skond l-isfond u l-mod kif jirraġunaw in-nies se nkunu iktar effettivi fil-ministeru tagħna.