Żgħażagħ li Qed Jiddu Bħala Dawwala
1. Il-Bibbja kif tindika li l-Kristjani se jkunu wħud li jispikkaw, u dan il-kliem kif japplika għaż-żgħażagħ Kristjani llum?
1 Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom id-dawl tad-dinja.” (Mt. 5:14, 16) Bħal belt li tinsab fuq għolja, tiddi fid-dawl tax-xemx, huma kellhom jispikkaw. Illum, ħafna żgħażagħ Kristjani qegħdin ‘jiddu bħala dawwala fid-dinja’ bil-kondotta tajba u biż-żelu tagħhom fl-ippridkar.—Flp. 2:15; Mal. 3:18.
2. X’inhuma xi modi kif tistaʼ tagħti xiehda lill-għalliema u il sħabek tal-klassi?
2 Fl-Iskola: Kif tistaʼ tagħti xiehda fl-iskola? Xi żgħażagħ ħadu vantaġġ minn diskussjonijiet fil-klassi fuq suġġetti bħalma huma d-drogi, l-evoluzzjoni, u l-Olokawst—biex insemmu xi ftit. Waħda oħt ġiet inkarigata tikteb komponiment fuq it-terroriżmu u ħadet din l-opportunità biex tagħti xiehda dwar is-Saltna t’Alla bħala t-tama vera għall-umanità. L-għalliema baqgħet impressjonata bil-komponiment li nħadem bi ħsieb tajjeb, u dan fetaħ it-triq għal iżjed għoti taʼ xiehda.
3. Kif tistaʼ tħalli d-dawl tiegħek jiddi fl-iskola permezz tal-kondotta tiegħek?
3 Mod ieħor kif tiddi bħala dawwâl huwa permezz tal-kondotta u l-ilbies u d-dehra modesta tiegħek. (1 Kor. 4:9; 1 Tim. 2:9) Meta l-istudenti u l-għalliema jaraw li l-imġiba tiegħek hija differenti, xi wħud jistgħu jinġibdu lejn il-verità b’riżultat tal-kondotta tajba tiegħek u jagħtuk l-opportunità biex taqsam magħhom veritajiet mill-Bibbja. (1 Pt. 2:12; 3:1, 2) Li żżomm kondotta tajba jistaʼ ma jkunx faċli, iżda Ġeħova se jbierkek bl-abbundanza. (1 Pt. 3:16, 17; 4:14) Biex tqajjem l-interess fl-aħbar tajba tistaʼ taqra l-letteratura Biblika waqt il-brejk jew tħalliha fejn ħaddieħor jistaʼ jaraha.
4. X’inhuma xi benefiċċji taʼ li tagħti xiehda fl-iskola?
4 Il-fatt li tħalli d-dawl tiegħek jiddi fl-iskola se jsaħħaħlek il-fidi u jgħinek tikkultiva kburija xierqa f’li taqdi lil Ġeħova. (Ġer. 9:24) Dan iservi wkoll bħala protezzjoni. Waħda oħt qalet, “Benefiċċju wieħed taʼ li nitkellem dwar it-twemmin tiegħi hu li l-istudenti ma jipprovawx jagħmluli pressjoni biex nagħmel affarijiet li m’humiex fi qbil maʼ dak li tgħid il-Bibbja.”
5. (a) Xi żgħażagħ kif qed ikabbru l-ministeru tagħhom? (b) X’inhuma l-miri spiritwali tiegħek?
5 Inkabbru s-Servizz: Mod ieħor kif ħafna żgħażagħ qed jiddu bħala dawwala hu billi jkabbru l-ministeru tagħhom. Wara li spiċċa mill-iskola sekondarja, wieħed ħu mar jaqdi fejn kien hemm iżjed bżonn għal proklamaturi tas-Saltna. Hu kien parti minn kongregazzjoni żgħira b’anzjan wieħed biss. “Qed nieħu pjaċir ħafna hawnhekk,” kiteb lill-ħabib tiegħu. “Il-ministeru huwa verament rifreskanti! Nagħmlu xi 20 minuta nitkellmu fuq kull bieb għax in-nies iridu jisimgħu dak kollu li tistaʼ tgħidilhom.” Hu żied: “Nixtieq li kull żagħżugħ jagħmel xi ħaġa bħal din u jħoss dak li nħoss jien. M’hemm xejn aħjar milli naqdu lil Ġeħova b’dak kollu li għandna.”
6. Xi jġagħlek tħossok kburi biż-żgħażagħ fil-kongregazzjoni tiegħek?
6 Kemm aħna kburin bikom iż-żgħażagħ li qed tiddu bħala dawwala fid-dinja! (1 Tess. 2:20) Hekk kif taqdi lil Ġeħova b’qalbek, b’ruħek, b’moħħok, u b’saħħtek kollha, int se taħsad “mitt darba iktar issa f’dan iż-żmien . . . u fis-sistema li ġejja, ħajja taʼ dejjem.”—Mk. 10:29, 30; 12:30.