Għallem lill-Ġwejdin Jimxu fil-Mogħdija t’Alla
1. X’jinvolvi li nagħmlu dixxipli?
1 In-nies kienu jitkellmu dwar id-dixxipli taʼ l-ewwel seklu taʼ Kristu bħala li kienu jagħmlu parti mit-“Triq.” (Atti 9:2) Il-Kristjanità vera tinvolvi l-mod taʼ ħajja kollu kemm hu taʼ l-individwu. (Prov. 3:5, 6) Għalhekk, meta nikkonduċu l-istudji tal-Bibbja rridu nagħmlu iktar milli sempliċement nagħtu għarfien eżatt tat-tagħlim mill-Bibbja. Irridu wkoll ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja jimxu fit-triq taʼ Ġeħova.—Salm 25:8, 9.
2. X’jistaʼ jqanqal lil student tal-Bibbja biex josserva l-kmandi t’Alla?
2 Imħabba għal Ġeħova u Ġesù: Xi sfida hi għal nies imperfetti li jġibu l-ħsibijiet, l-attitudnijiet, il-kliem, u l-imġiba tagħhom fi qbil mar-rieda t’Alla! (Rum. 7:21-23; Efes. 4:22-24) Madankollu, l-imħabba għal Alla u għal Ibnu tqanqal lill-ġwejdin biex jidħlu għal din l-isfida. (Ġw. 14:15; 1 Ġw. 5:3) Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti tagħna tal-Bibbja biex jikkultivaw din l-imħabba?
3. Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti jikkultivaw l-imħabba għal Ġeħova u għal Ġesù?
3 Għin lill-istudent tiegħek biex isir jaf x’tip taʼ individwu hu Ġeħova. Wieħed ħu spjega, “In-nies ma jistgħux iħobbu lil xi ħadd li ma jafuhx, u allura mill-bidunett taʼ l-istudju, ngħallimhom l-isem t’Alla mill-Bibbja, u nfittex opportunitajiet biex nenfasizza l-kwalitajiet taʼ Ġeħova.” Dan hu mod eċċellenti kif tgħinhom, jiġifieri, billi tiġbed l-attenzjoni lejn il-kwalitajiet t’Alla u l-eżempju taʼ Ġesù. (Ġw. 1:14; 14:9) Barra minn hekk, uża l-kaxxa tar-reviżjoni fil-konklużjoni taʼ kull kapitlu tal-ktieb X’Tgħallem il-Bibbja? biex tgħin lill-istudent jirrifletti fuq il-kwalitajiet meraviljużi t’Alla u taʼ Ibnu.
4. (a) Ħafna studenti għala jsibuh taʼ sfida l-ippridkar? (b) Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti tagħna jieħdu l-ewwel passi fil-ministeru Kristjan?
4 Għallem bl-Eżempju: Bħala għalliema u gwidi aħna nuru lil oħrajn xi jfisser li timxi fil-mogħdija t’Alla permezz taʼ l-azzjonijiet tagħna. (1 Kor. 11:1) Per eżempju, ħafna studenti tal-Bibbja m’għandhomx id-drawwa li jmorru fuq l-istranġieri biex jaqsmu magħhom it-twemmin tagħhom. Għalhekk, nistgħu neħtieġu l-paċenzja u s-sengħa biex ngħinuhom jiżviluppaw l-imħabba, il-fidi, u l-kuraġġ li għandhom bżonn biex jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar u jagħmlu dixxipli. (2 Kor. 4:13; 1 Tess. 2:2) Ix-xewqa tagħna biex niggwidaw lill-istudenti tagħna se tqanqalna biex nappoġġawhom meta jieħdu l-ewwel passi fil-ministeru Kristjan.
5. Eżempju tajjeb kif jgħin lill-istudenti biex josservaw dak li hu involut biex issegwi l-kmandi t’Alla?
5 L-eżempju tiegħek jistaʼ jgħallem lill-istudenti dwar aspetti importanti oħrajn tal-ħajja Kristjana. Meta żżur lill-morda jew issellem lil oħrajn fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, huma jaraw l-imħabba fl-azzjoni. (Ġw. 15:12) Meta tieħu sehem fit-tindif tas-Sala tas-Saltna jew tagħmel affarijiet biex tgħin lil oħrajn, int tkun qed tgħallimhom kif jaqdu. (Ġw. 13:12-15) Meta josservaw li int iżżomm ħajtek sempliċi, huma jaraw xi jfisser li ‘jibqgħu jfittxu l-ewwel is-saltna.’—Mt. 6:33.
6. X’ferħ nesperjenzaw meta ngħinu lil oħrajn jaqdu lil Ġeħova?
6 Ix-xogħol biex tgħallem lil oħrajn mill-Kelma t’Alla u tagħmel dixxipli jinvolvi sforz kbir. Imma kemm nifirħu meta naraw lil uħud ġwejdin “ikomplu mexjin fil-verità”!—3 Ġw. 4.