Ibni Apprezzament għall-Kwalitajiet bla Paragun taʼ Ġeħova
1 Fil-ministeru tagħna, aħna nagħmlu iktar milli ngħallmu lil oħrajn veritajiet bażiċi minn fuq il-Bibbja. Aħna ngħinu lin-nies isiru jafu lil Ġeħova bħala persuna u jibnu apprezzament għall-kwalitajiet bla paragun tiegħu. Meta wħud taʼ qalb onesta jitgħallmu l-verità dwar Alla, tant jiġu effettwati li jiġu mqanqlin jagħmlu bidliet f’ħajjithom sabiex ‘jimxu kif jixraq lil Ġeħova bl-għan li jogħġbuh għalkollox.’—Kol. 1:9, 10; 3:9, 10.
2 L-Għajnuna Ġdida Tagħna għall-Istudji: Mill-bidu tiegħu, il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jiġbed l-attenzjoni lejn il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. L-ewwel kapitlu jwieġeb il-mistoqsijiet: Alla verament jimpurtah minnek?, Alla x’tip taʼ persuna hu?, u Huwa possibbli li tersaq qrib lejn Alla? L-istess kapitlu jenfasizza wkoll il-qdusija taʼ Ġeħova (par. 10), il-ġustizzja u l-mogħdrija tiegħu (par. 11), l-imħabba tiegħu (par. 13), il-qawwa tiegħu (par. 16), u l-ħniena, il-fatt li hu lest li jaħfer, il-paċenzja, u l-lealtà tiegħu (par. 19). Paragrafu 20 jiġbor kollox flimkien billi jgħid: “Iktar ma titgħallem dwar Ġeħova, iktar se jsir reali għalik, u iktar se jkollok raġun tħobbu u tħossok qrib tiegħu.”
3 Kif nistgħu nużaw il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? biex ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja jersqu qrib lejn Ġeħova? Wara li nikkunsidraw paragrafu li jenfasizza waħda mill-kwalitajiet t’Alla, nistgħu nistaqsu lill-istudent, “Dan x’jurik dwar Ġeħova bħala persuna?” jew “Dan kif juri l-interess li Alla għandu fik personalment?” Jekk kultant żmien nużaw dawn il-mistoqsijiet waqt l-istudju, se ngħallmu lill-istudenti tagħna kif jimmeditaw fuq dak li qed jitgħallmu u se ngħinuhom ikabbru l-apprezzament tagħhom għall-kwalitajiet bla paragun taʼ Ġeħova.
4 Uża l-Kaxxa tar-Reviżjoni: Fit-tmiem taʼ kull kapitlu, stieden lill-istudent biex jikkummenta fi kliemu fuq kull punt li hemm fil-kaxxa “Dak li Tgħallem il-Bibbja.” Idderieġi l-attenzjoni lejn l-iskritturi ċitati. Biex tinkuraġġixxi lill-istudent jesprimi dak li hemm f’qalbu, forsi kultant tistaʼ tistaqsih, “Kif tħossok dwar dak li tgħallem il-Bibbja dwar dan il-punt?” Billi tagħmel dan, mhux biss tkun qed tenfasizza l-punti prinċipali tal-kapitlu, imma wkoll se tifhem sew dak li verament jemmen l-istudent. Dan se jgħin lill-istudent biex jibda jiżviluppa relazzjoni maʼ Ġeħova.