Fdati b’Teżor
1 L-appostlu Pawlu qiesu taʼ valur l-inkarigu mogħti minn Alla biex jippriedka u rrefera għalih bħala “teżor.” (2 Kor. 4:7) Hu ssaporta tbatijiet u persekuzzjoni sabiex iwettaq dan l-inkarigu. Ippriedka bla heda lil kulmin kien jinzerta. Għamel ħafna vjaġġi diffiċli u perikolużi kemm fuq l-art kif ukoll bil-baħar. Kif nistgħu aħna nimitaw lil Pawlu u nuru li ngħożżu l-ministeru tagħna? (Rum. 11:13) X’jagħmel lill-ministeru tagħna teżor li ma jitqabbel maʼ xejn?
2 Teżor Akbar: Spiss it-teżori taʼ l-art iġibu magħhom ħafna wġigħ taʼ qalb u l-benefiċċji jkunu limitati jew temporanji. Mill-banda l-oħra, il-ministeru tagħna jġib benefiċċji dejjiema kemm lilna kif ukoll lil oħrajn. (1 Tim. 4:16) Jgħin lin-nies sinċieri jsiru jafu lil Ġeħova, jagħmlu bidliet meħtieġa f’ħajjithom, u jiksbu tama vera taʼ ħajja taʼ dejjem. (Rum. 10:13-15) Billi nqisu l-ministeru tagħna bħala xi ħaġa taʼ valur kbir, aħna niksbu skop sodisfaċenti fil-ħajja, inħossu sodisfazzjon li jibqaʼ, u jkollna tama inkuraġġanti għall-futur.—1 Kor. 15:58.
3 Uri li Tqisu taʼ Valur it-Teżor Tiegħek: L-importanza li nagħtu lil xi ħaġa spiss tidher minn kemm aħna lesti li nissagrifikaw affarijiet għaliha. Xi privileġġ għandna li nistgħu ninvestu l-ħin u l-enerġija tagħna biex infaħħru lil Ġeħova! (Efes. 5:16, 17) Il-mod kif inqattgħu l-ħin tagħna għandu juri li nqisu iktar taʼ valur l-affarijiet spiritwali milli dawk materjali. Ladarba għandna xi ħaġa tant prezzjuża x’naqsmu m’oħrajn, aħna se nkunu rridu nippridkaw b’entużjażmu u se noqogħdu attenti sabiex nitkellmu dwar l-aħbar tajba f’kull opportunità.
4 Normalment, teżori imprezzabbli ma jinżammux moħbijin imma jitpoġġew fejn jistaʼ jarahom kulħadd. Jekk inqisu l-ministeru tagħna bħala teżor, dan se jkun parti importanti minn ħajjitna. (Mt. 5:14-16) Bi qlubna mimlijin gratitudni, jalla dejjem nimitaw lill-appostlu Pawlu u nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex nuru li tassew inqisuh taʼ valur il-ministeru tagħna, li ngħożżuh bħal teżor.