Ilkoll Nistgħu Nieħdu Sehem f’li Nagħmlu Dixxipli Ġodda
1 Dixxiplu ġdid ma jiġix minħabba l-isforzi taʼ persuna waħda biss. Ġeħova jistaʼ juża l-“ħaddiema sħab” tiegħu kollha biex jgħinu lill-istudenti tal-Bibbja jikbru spiritwalment. (1 Kor. 3:6-9) B’mod individwali, aħna ngħinu lill-uħud ġodda mhux biss bil-kummenti tagħna mill-qalb fil-laqgħat Kristjani imma bl-imġiba tajba tagħna wkoll, li turi biċ-ċar kemm jaħdem l-ispirtu t’Alla f’ħajjitna. (Ġw. 13:35; Gal. 5:22, 23; Efes. 4:22, 23) X’jistaʼ jsir iktar biex ngħinu lill-uħud ġodda?
2 Bħala Kongregazzjoni: Ilkoll kemm aħna nistgħu nuru interess f’dawk l-uħud li jibdew jattendu l-laqgħat billi nieħdu l-inizjattiva biex nilqgħuhom mill-qalb u billi nitkellmu magħhom qabel u wara l-laqgħa. Meta beda jirrifletti dwar l-ewwel kuntatt li kellu mal-kongregazzjoni, wieħed raġel qal: “F’jum wieħed, iktar iltqajt maʼ nies kollhom imħabba ġenwina, li qatt ma kont nafhom, milli fil-knisja li trabbejt fiha jien. Kien ovvju li kont sibt il-verità.” Hu tgħammed sebaʼ xhur wara li attenda l-ewwel laqgħa tiegħu.
3 Faħħar sinċerament lill-istudent tal-Bibbja hekk kif jagħmel progress spiritwali. Qiegħed hu jissaporti l-oppożizzjoni? Qiegħed jattendi l-laqgħat regolarment? Għamel ħiltu kollha biex jikkummenta? Inkiteb fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku jew beda jieħu sehem fil-ministeru? Faħħru għall-progress li jkun għamel. Dan jagħtih is-saħħa u jinkuraġġih.—Prov. 25:11.
4 Bħala Dak li Jikkonduċi l-Istudju tal-Bibbja: Xi pubblikaturi rnexxielhom jgħinu lill-istudenti tagħhom tal-Bibbja jsiru familjari maʼ membri individwali tal-kongregazzjoni billi kienu jistiednu lil xi pubblikaturi oħrajn fuq l-istudju. Stieden lill-istudent għal-laqgħat tal-kongregazzjoni malajr kemm jistaʼ jkun. Meta jibda jattendi l-laqgħat, kun ċert li tintroduċih maʼ l-oħrajn. Qiegħed jissielet biex jegħleb xi vizzju ħażin, bħat-tipjip? Hemm xi ħadd fid-dar tiegħu li joġġezzjona għax qed jistudja? Hu jistaʼ jibbenefika billi jitkellem maʼ xi pubblikatur li ffaċċja u għeleb sfida simili.—1 Pt. 5:9.
5 Uħud ġodda jkollhom bżonn l-appoġġ spiritwali mill-kongregazzjoni. Ilkoll nistgħu ngħinuhom biex jagħmlu progress spiritwali billi nuru interess persunali sinċier.