Naqsmu m’Oħrajn it-Tama Tagħna tas-Saltna
1 Matul dawn l-aħħar jiem kritiċi, ħafna fid-dinja jinsabu mingħajr tama. (Efes. 2:12) Oħrajn b’nuqqas t’għaqal poġġew il-fiduċja tagħhom fl-għana materjali, fil-ħakkiema umani, fix-xjenza moderna, u nibqgħu sejrin. Kemm aħna ferħanin li għandna tama vera għall-futur, tama li hija “ankra għal ruħna, żgura u soda”!—Ebr. 6:19.
2 Taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla, l-art se tinbidel f’ġenna. Il-maħbubin mejtin tagħna se jiġu rxoxtati. (Atti 24:15) Il-faqar, l-inġustizzja, il-mard, ix-xjuħija, u l-mewt mhux se jkunu iktar. (Salm 9:19 [Salm 9:18, NW]; Mt. 12:20, 21; Riv. 21:3, 4) Dawn huma xi ftit mill-wegħdi taʼ Ġeħova li se jitwettqu dalwaqt. Liema aspett partikulari tat-tama li għandna qed tħares lejh bil-quddiem?
3 Xandar l-Aħbar Tajba: Aħna m’għandniex inżommu t-tama tas-Saltna għalina nfusna. L-imħabba għal Alla u għall-proxxmu timmotivana biex nimitaw lil Ġesù u ‘nxandru l-aħbar tajba lill-foqra, nippridkaw il-ħelsien lill-imjassrin u l-għoti tad-dawl lill-għomja, biex neħilsu lill-imgħakksin.’ (Lq. 4:18) L-appostlu Pawlu ppriedka l-aħbar tajba fis-suq u kulfejn kien hemm in-nies. Hu kien okkupat bis-sħiħ bil-ministeru. (Atti 18:5) Il-fatt li nimitaw l-eżempju tiegħu f’li nxandru biż-żelu fil-ministeru mhux se jħalli ‘l-ansjetajiet taʼ din is-sistema u l-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi’ jdallmu t-tama Kristjana tagħna.—Mk. 4:19.
4 It-tama tagħna tas-Saltna ma tiċċajparx meta niltaqgħu maʼ nies li juru indifferenza, bi ftit li xejn interess fil-messaġġ tas-Saltna, jew li jopponuna direttament. Aħna “nżommu sod l-istqarrija pubblika tat-tama tagħna mingħajr ma niddubitaw.” (Ebr. 10:23) Aħna ‘ma nistħux minħabba l-aħbar tajba.’ (Rum. 1:16) Għandu mnejn li l-konvinzjoni u l-perseveranza evidenti tagħna xi darba jwasslu lil xi ħadd biex jismaʼ.
5 Għalkemm huwa xieraq li niġbdu l-attenzjoni lejn il-kundizzjonijiet tad-dinja li qed jiddeterjoraw u jwettqu l-profeziji tal-Bibbja, aħna m’aħniex predikaturi tal-kundanna. Pjuttost, il-ministeru tagħna jiffoka fuq it-tama tagħna tas-Saltna—l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Jalla nippridkaw din l-aħbar tajba b’konvinzjoni u b’żelu ‘sabiex ikollna fiduċja sħiħa fit-tama sat-tmiem.’—Ebr. 6:11.