“Ħudu l-Madmad Tiegħi Fuqkom”
1 F’dinja mimlija pressjonijiet u ansjetajiet, aħna esperjenzajna għajnuna taʼ vera billi aċċettajna l-istedina tenera taʼ Ġesù biex insibu s-serħan taħt il-madmad tiegħu. (Mt. 11:29, 30) L-aċċettar tagħna tal-madmad bħala dixxipli jinkludi li nieħdu sehem f’xogħol li mhux biss huwa taʼ sfida iżda wkoll rifreskanti. Dan jinvolvi li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u ngħinu oħrajn biex flimkien magħna jsibu s-serħan taħt il-madmad ħelu taʼ Ġesù.—Mt. 24:14; 28:19, 20.
2 Serħan mill-Ministeru: Ġesù ma qalx lis-segwaċi tiegħu biex iżidu t-tagħbija tiegħu maʼ dak li diġà kienu qed iġorru. Hu stidinhom jibdlu t-tagħbija tqila tagħhom maʼ dik tiegħu li hija ħafifa. Aħna m’għadniex imtaqqlin bl-ansjetajiet u bin-nuqqas taʼ tama taʼ din is-sistema dinjija; lanqas ma naħdmu għal rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom. (Lq. 21:34; 1 Tim. 6:17) Għalkemm aħna mħabbtin u rridu naħdmu biex naqilgħu l-għajxien taʼ kuljum, aħna npoġġu l-qima tagħna lejn Alla fl-ewwel post f’ħajjitna. (Mt. 6:33) Jekk aħna jibqaʼ jkollna l-ħarsa xierqa taʼ x’inhu l-iktar importanti, dejjem se nsibu li l-ministeru hu rifreskanti u mhux taʼ piż.—Flp. 1:10.
3 Naturalment, aħna nieħdu pjaċir nitkellmu dwar dak kollu li ngħożżu f’qalbna. (Lq. 6:45) Il-Kristjani kollha jimpurtahom profondament minn Ġeħova u l-barkiet tas-Saltna li wiegħed hu. B’hekk, kemm hu rifreskanti li nitkellmu dwar “aħbar tajba t’affarijiet tajbin” u li nħallu warajna l-ħsibijiet taʼ kuljum waqt li nieħdu sehem fil-ministeru! (Rum. 10:15) M’għandniex xi ngħidu, iktar ma nagħmlu x-xogħol, iktar se nsiru kapaċi u se nesperjenzaw iktar ferħ. Għalhekk, l-iddedikar taʼ iktar ħin għall-ministeru, jekk nistgħu, se jġibilna iżjed serħan. U kemm inħossuna inkuraġġiti meta individwi jwieġbu għall-ippridkar tagħna! (Atti 15:3) Anki meta niltaqgħu m’apatija jew oppożizzjoni, il-ministeru jġibilna serħan spiritwali jekk aħna nżommu f’moħħna li l-isforzi tagħna jogħġbu lil Ġeħova u li kwalunkwe riżultat pożittiv ikun minħabba l-barka tiegħu.—Atti 5:41; 1 Kor. 3:9.
4 Billi aċċettajna l-istedina taʼ Ġesù, aħna ngawdu l-privileġġ taʼ li naqdu flimkien miegħu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 43:10; Riv. 1:5) Xejn ma jistaʼ jkun iktar rifreskanti minn hekk!