“Il-Madmad Tiegħi Ħelu u t-Toqol Tiegħi Ħafif”
“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni.”—MATTEW 11:29.
1, 2. (a) Liema ħaġa li ġġiblek rifreskar esperjenzajt int fil-ħajja? (b) Wieħed x’irid jagħmel biex jirċievi r-rifreskar li wiegħed Ġesù?
ĦASLA b’ilma frisk fit-tmiem taʼ jum sħun u umdu, jew raqda taʼ lejl tajba wara vjaġġ twil u taʼ strapazz—O, kemm huma rifreskanti! Hekk tħossok meta piż tqil jitneħħielek jew meta jinħafrulek xi dnubiet u nuqqasijiet. (Proverbji 25:25; Atti 3:19) Ir-rifreskar miġjub minn esperjenzi eżileranti bħal dawn iġegħilna nħossuna żgħażagħ, u ningħataw l-enerġija biex nimxu ’l quddiem.
2 Dawk kollha li jħossuhom imtaqqlin u għajjenin jistgħu jiġu għand Ġesù, għax wegħidhom preċiżament dak—rifreskar. Madankollu, biex isib ir-rifreskar li huwa tant mixtieq, hemm xi ħaġa li wieħed irid ikun lest li jagħmel. “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni,” qal Ġesù, “u intom se ssibu l-mistrieħ [rifreskar] għal ruħkom.” (Mattew 11:29) X’inhu dan il-madmad? Kif iġib rifreskar?
Madmad Ħelu
3. (a) Liema għamla taʼ mdamad kienu jintużaw fi żminijiet Bibliċi? (b) Liema tifsir figurattiv huwa assoċjat maʼ madmad?
3 Billi kienu jgħixu f’soċjetà agrikola, Ġesù u s-semmiegħa tiegħu kienu familjari ħafna mal-madmad. Bażikament, madmad huwa travu twil taʼ l-injam b’żewġ arkati fuq in-naħa taʼ taħt biex jidħlu fuq l-għenuq taʼ żewġ annimali tal-ġbid, normalment gniedes, biex jarmawhom flimkien ħalli jiġbdu xi moħriet, karettun, jew xi tagħbija oħra. (1 Samwel 6:7) Imdamad għall-bnedmin kienu jintużaw ukoll. Dawn kienu travi sempliċi jew lasti li kienu jinġarru fuq l-ispallejn b’tagħbija marbuta maʼ kull tarf tagħhom. Bihom, il-ħaddiema setgħu jġorru tagħbijiet tqal. (Ġeremija 27:2; 28:10, 13) Minħabba l-konnessjoni tiegħu maʼ piżijiet u xogħol iebes, il-madmad taʼ spiss jintuża b’mod figurattiv fil-Bibbja biex jissimbolizza dominanza u kontroll.—Dewteronomju 28:48; 1 Slaten 12:4; Atti 15:10.
4. X’inhu ssimbolizzat bil-madmad li Ġesù joffri lil dawk li jiġu għandu?
4 X’inhu, allura, il-madmad li Ġesù stieden lil dawk li jiġu għandu għar-rifreskar biex jieħdu fuqhom infushom? Ftakar li hu qal: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni.” (Mattew 11:29) Wieħed li jitgħallem hu dixxiplu. Għaldaqstant, li tieħu fuqek il-madmad taʼ Ġesù sempliċement ifisser li ssir dixxiplu tiegħu. (Filippin 4:3) Dan, madankollu, jirrikjedi iżjed milli sempliċement tirrikonoxxi mentalment it-tagħlim tiegħu. Jirrikjedi azzjonijiet f’armonija magħhom—li tagħmel ix-xogħol li għamel hu u li tgħix kif għex hu. (1 Korintin 11:1; 1 Pietru 2:21) Jirrikjedi sottomissjoni volontarja lejn l-awtorità tiegħu u lejn dawk li lilhom jiddelega awtorità. (Efesin 5:21; Lhud 13:17) Dan ifisser li ssir Kristjan iddedikat u mgħammed, billi taċċetta l-privileġġi u r-responsabbiltajiet kollha li jiġu maʼ dedikazzjoni bħal din. Dak huwa l-madmad li Ġesù joffri lil dawk kollha li jiġu għandu għall-faraġ u r-rifreskar. Lest int li taċċettah?—Ġwann 8:31, 32.
5. Għala ma tkunx esperjenza ħarxa li terfaʼ l-madmad taʼ Ġesù?
5 Li ssib rifreskar billi tieħu fuqek madmad—m’hijiex dik kontradizzjoni? Fil-fatt m’hijiex, ladarba Ġesù qal li l-madmad tiegħu huwa “ħelu.” Din il-kelma għandha t-tifsir taʼ mans, pjaċevoli, minn tagħna. (Mattew 11:30; Luqa 5:39; Rumani 2:4; 1 Pietru 2:3) Bħala mastrudaxxa professjonali, Ġesù wisq probabbli kien għamel imħarat u mdamad, u żgur li kien jaf kif jifforma madmad biex jintlibes sabiex l-akbar ammont taʼ xogħol setaʼ jsir bl-iktar mod komdu possibbli. Għandu mnejn li kien jiksi l-imdamad bid-drapp jew bil-ġilda. Ħafna jsiru b’dak il-mod sabiex ma jirritawx, jew ma jisolħux, l-għonq iżżejjed. Bl-istess mod, il-madmad figurattiv li joffrilna Ġesù huwa “ħelu.” Għalkemm li tkun dixxiplu tiegħu jinvolvi ċerti obbligi u responsabbiltajiet, m’hijiex esperjenza ħarxa jew oppressiva imma waħda rifreskanti. Il-kmandamenti taʼ Missieru tas-sema, Jehovah, m’humiex taʼ piż lanqas.—Dewteronomju 30:11; 1 Ġwann 5:3.
6. Ġesù x’setaʼ ried ifisser meta qal: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi”?
6 Hemm ħaġ’oħra li tagħmel il-madmad taʼ Ġesù “ħelu,” jew faċli li ġġorru. Meta qal: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi,” setaʼ jfisser tnejn minn żewġ affarijiet. Jekk kellu f’moħħu l-madmad doppju, jiġifieri, it-tip li jgħaqqad żewġ annimali tal-ġbid flimkien biex jiġbdu t-tagħbija, allura kien qiegħed jistedinna biex niġu taħt l-istess madmad miegħu. X’barka tkun dik—li jkollna lil Ġesù maʼ ġenbna jiġbed it-tagħbija tagħna magħna! Mill-banda l-oħra, jekk Ġesù kellu f’moħħu l-madmad użat mill-ħaddiem komuni, allura kien qiegħed joffrilna l-mezz li bih nistgħu nagħmlu kwalunkwe tagħbija li rridu nġorru eħfef jew iżjed maneġġabbli. Hu liema hu, il-madmad tiegħu huwa sors taʼ rifreskar reali għax jiżgurana: “Għaliex jien taʼ qalb ħelwa u umli.”
7, 8. Xi wħud liema żball jagħmlu meta jħossuhom stressati?
7 X’għandna nagħmlu, allura, jekk inħossu li t-tagħbija taʼ problemi tal-ħajja li qegħdin inġorru qiegħda ssir intollerabbli u li qegħdin niġu ppressati sal-limiti tagħna? Xi wħud jistgħu b’mod żbaljat iħossu li l-madmad taʼ li jkunu dixxipli taʼ Ġesù Kristu huwa iebes wisq jew jitlob ħafna minnhom, avolja huwa t-tħassib tal-ħajja taʼ kuljum li qiegħed itaqqalhom. Xi individwi f’dik is-sitwazzjoni ma jibqgħux jattendu għal-laqgħat Kristjani, jew jieqfu milli jipparteċipaw fil-ministeru, billi forsi jħossu li se jiksbu xi ftit rifreskar. Dak, madankollu, huwa żball serju.
8 Aħna napprezzaw li l-madmad li joffri Ġesù huwa “ħelu.” Jekk ma nilbsuhx sewwa, jistaʼ jirritana. F’dak il-każ għandna nħarsu bir-reqqa lejn il-madmad taʼ fuq spallejna. Jekk, għal xi raġuni, il-madmad għandu bżonn jissewwa jew mhux f’postu sewwa, l-użu tiegħu mhux biss se jirrikjedi iżjed sforz min-naħa tagħna imma se jikkaġuna xi wġigħ bħala riżultat. Fi kliem ieħor, jekk attivitajiet teokratiċi jibdew jidhru taʼ piż għalina, irridu neżaminaw biex naraw jekk aħniex nittrattaw magħhom b’mod xieraq. X’inhu l-motiv tagħna f’li nagħmlu dak li qegħdin nagħmlu? Ippreparati aħna b’mod addattat meta mmorru għal-laqgħat? Imħejjijin fiżikament u mentalment meta nieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa? Ingawdu relazzjoni intima u tajba m’oħrajn fil-kongregazzjoni? U, fuq kollox, kif inhi r-relazzjoni persunali tagħna m’Alla Jehovah u maʼ Ibnu, Ġesù Kristu?
9. Il-madmad Kristjan għala qatt m’għandu jkun piż insapportabbli?
9 Meta b’qalbna kollha naċċettaw il-madmad li joffri Ġesù u nitgħallmu nġorruh kif jixraq, m’hemm ebda raġuni għala dan għandu qatt jidher taʼ piż insapportabbli. Fil-fatt, jekk nistgħu nagħmlu stampa mentali tas-sitwazzjoni—Ġesù taħt l-istess madmad magħna—m’huwiex diffiċli għalina li naraw min tassew qiegħed iġorr il-parti l-kbira tal-piż. Huwa simili għal tifel ċkejken li qiegħed iżomm mal-ħadida tal-push-chair tiegħu, billi jaħseb li qiegħed jimbottah ’il quddiem, imma fir-realtà, m’għandniex xi ngħidu, hu l-ġenitur li qiegħed jagħmel dan. Bħala Missier taʼ mħabba, Alla Jehovah jaf tajjeb x’inhuma l-limitazzjonijiet u d-dgħjufijiet tagħna, u jwieġeb għall-bżonnijiet tagħna permezz taʼ Ġesù Kristu. “Jimliekom Alla tiegħi b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skond l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesù,” qal Pawlu.—Filippin 4:19; qabbel Isaija 65:24.
10. X’kienet l-esperjenza taʼ waħda li tieħu bis-serjetà l-istat taʼ dixxiplu?
10 Ħafna Kristjani ddedikati saru japprezzaw dan minn esperjenza persunali. Hemm, per eżempju, Jenny, li ssib illi li taqdi bħala pijuniera awżiljarja kull xahar u taħdem full-time f’impjieg sekulari impenjattiv ħafna jpoġġiha taħt ammont kbir taʼ stress. Hi tħoss, iżda, li x-xogħol taʼ pijunier attwalment jgħinha żżomm il-bilanċ tagħha. Li tgħin lin-nies biex jitgħallmu l-verità tal-Bibbja u tarahom ibiddlu ħajjiethom biex jiksbu l-approvazzjoni t’Alla—dan huwa dak li jġibilha l-akbar ferħ fil-ħajja mħabbta tagħha. Hi taqbel b’qalbha kollha mal-kliem tal-proverbju li jgħid: “Il-barka tal-Mulej iġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.”—Proverbji 10:22.
Tagħbija Ħafifa
11, 12. Ġesù x’ried ifisser meta qal: “It-toqol tiegħi ħafif”?
11 Minbarra li jwegħidna madmad “ħelu,” Ġesù jiżgurana: “It-toqol tiegħi ħafif.” Madmad “ħelu” diġà jagħmel ix-xogħol eħfef; jekk it-tagħbija (toqol) titħaffef ukoll, ix-xogħol huwa verament taʼ pjaċir. X’kellu, iżda, f’moħħu Ġesù b’dik l-istqarrija?
12 Ikkunsidra dak li kien jagħmel bidwi meta ried ibiddel ix-xogħol għall-annimali tiegħu, per eżempju minn li jaħrat għalqa għal li jiġbed karettun. Hu kien l-ewwel ineħħi l-moħriet u mbagħad iqabbad il-karettun. Tkun ħaġa assurda li jqabbad kemm il-moħriet kif ukoll il-karettun maʼ l-annimali. Bl-istess mod, Ġesù ma kienx qiegħed jgħid lin-nies biex ipoġġu t-tagħbija tiegħu fuq dik li diġà kienu qegħdin iġorru. Qal lid-dixxipli tiegħu: “Ebda qaddej ma jistaʼ jaqdi żewġ sidien.” (Luqa 16:13) B’hekk, Ġesù kien qiegħed joffri għażla lin-nies. Kienu huma se jippreferu jibqgħu jġorru t-tagħbija tqila li kellhom, jew kienu se jneħħu dik u jaċċettaw dak li kien qiegħed joffri hu? Ġesù tahom l-inċentiv taʼ mħabba: “It-toqol tiegħi ħafif.”
13. In-nies taʼ żmien Ġesù liema tagħbija kienu qegħdin iġorru, u b’liema riżultat?
13 Fi żmien Ġesù, in-nies kienu qegħdin jitqabdu taħt tagħbija tqila imposta fuqhom mill-ħakkiema Rumani oppressivi u mill-mexxejja reliġjużi ipokriti u formalistiċi. (Mattew 23:23) F’attentat biex ineħħu t-tagħbija Rumana, xi nies ipprovaw jieħdu l-affarijiet f’idejhom. Huma saru involuti f’taqbidiet politiċi, biex fuq kollox ġew fi tmiem diżastruż. (Atti 5:36, 37) Oħrajn kienu determinati li jtejbu s-sitwazzjoni tagħhom billi jinvolvu ruħhom fil-fond f’miri materjalistiċi. (Mattew 19:21, 22; Luqa 14:18-20) Meta Ġesù offrilhom il-mod għal rifreskar billi stedinhom biex isiru dixxipli tiegħu, mhux kulħadd kien lest li jaċċetta. Bdew jaħsbuha jekk kellhomx iniżżlu t-tagħbija li kienu qegħdin iġorru, għalkemm kienet tqila, u jieħdu tiegħu. (Luqa 9:59-62) Xi żball traġiku!
14. L-anzjetajiet tal-ħajja u x-xewqat materjali kif jistgħu jtaqqluna?
14 Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nagħmlu l-istess żball illum. Li nsiru dixxipli taʼ Ġesù jeħlisna milli niġru wara l-istess miri u valuri bħalma jagħmlu n-nies tad-dinja. Għalkemm xorta rridu naħdmu iebes biex nakkwistaw in-neċessitajiet taʼ kuljum, ma nagħmlux dawn l-affarijiet iċ-ċentru tal-ħajja tagħna. Madankollu, l-anzjetajiet tal-ħajja u l-ġibda għal kumditajiet materjali jistgħu jkollhom qabda qawwija fuqna. Jekk inħalluhom, xewqat bħal dawn jistgħu saħansitra joħonqu l-verità li aħna aċċettajna b’ħerqa. (Mattew 13:22) Nistgħu tant insiru preokkupati b’li naqtgħu xewqat bħal dawn li r-responsabbiltajiet Kristjani tagħna jsiru obbligi strapazzanti li nkunu rridu nagħmlu u neħilsu minnhom malajr. Ċertament li ma nistgħux nistennew xi rifreskar li jiġi mis-servizz tagħna lejn Alla jekk jintgħamel b’dak l-ispirtu.
15. Ġesù liema twissija ta rigward xewqat materjali?
15 Ġesù indika li ħajja taʼ kuntentizza tiġi, mhux billi nistinkaw biex inwettqu kulma rridu, imma billi nkunu ċerti mill-affarijiet l-iktar importanti fil-ħajja. “Tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu,” hu ammonixxa. “Jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies?” Imbagħad ġibed l-attenzjoni lejn l-għasafar tas-sema u qal: “La jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom!” Billi rrefera għall-ġilji taʼ l-għalqa, hu qal: “La jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.”—Mattew 6:25-29.
16. L-esperjenza x’uriet rigward l-effetti taʼ miri materjali?
16 Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa minn dawn l-eżempji sempliċi? Hija esperjenza komuni li iktar ma wieħed jaħdem iebes biex itejjeb is-sitwazzjoni tiegħu fil-ħajja materjalment, iktar jinqabad f’miri dinjin u l-piż fuq spallejh iktar jitqal. Id-dinja hija mimlija b’nies li jidħlu għal intrapriżi li pattew għas-suċċessi materjali tagħhom b’familji mkissrin, żwiġijiet imfarrkin, irvinar taʼ saħħa, u iżjed. (Luqa 9:25; 1 Timotju 6:9, 10) Ir-rebbieħ tal-premju Nobel Albert Einstein darba qal: “Ġid, suċċess estern, pubbliċità, lussu—għalija dawn minn dejjem kienu mistmerrin. Jien nemmen li manjiera taʼ ħajja sempliċi u umli hija l-aħjar għal kulħadd.” Dan sempliċement jidwi l-parir sempliċi taʼ l-appostlu Pawlu: “It-tjieba fiha qliegħ kbir, tassew, għal min hu kuntent b’dak li għandu.”—1 Timotju 6:6.
17. Il-Bibbja liema manjiera taʼ ħajja tirrikmanda?
17 Hemm aspett importanti li ma rridux ninsew. Għalkemm “manjiera taʼ ħajja sempliċi u umli” għandha ħafna vantaġġi, m’hijiex hija nfisha li ġġib il-kuntentizza. Hemm ħafna li l-manjiera taʼ ħajja tagħhom hija sempliċi minħabba ċ-ċirkostanzi, u madankollu bl-ebda mod m’huma kuntenti jew henjin. Il-Bibbja mhix tħeġġiġna biex nirrinunzjaw tgawdija materjali u ngħixu l-ħajja t’eremit. L-enfasi huwa fuq devozzjoni lejn Alla, mhux fuq li tkun kuntent b’dak li għandek. Huwa biss meta ngħaqqdu t-tnejn flimkien li jkollna “qliegħ kbir.” Liema qliegħ? Iżjed ’il quddiem f’dik l-istess ittra, Pawlu jindika li dawk li “ma jqegħdux it-tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma . . . f’Alla” se jkunu qegħdin “jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għalli ġej, biex bih jiksbu l-ħajja, il-ħajja vera.”—1 Timotju 6:17-19.
18. (a) Wieħed kif jistaʼ jsib rifreskar veru? (b) Kif għandna nħarsu lejn il-bidliet li nistgħu jkollna nagħmlu?
18 Ir-rifreskar se jiġi għandna jekk nitgħallmu nniżżlu t-tagħbija tqila persunali tagħna li nistgħu nkunu qegħdin inġorru u nerfgħu it-tagħbija ħafifa li joffri Ġesù. Ħafna li organizzaw mill-ġdid il-ħajjiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem iżjed bis-sħiħ fis-servizz tas-Saltna sabu l-mogħdija għal ħajja t’hena u kuntentizza. M’għandniex xi ngħidu, jitlob fidi u kuraġġ biex wieħed jagħmel pass bħal dan, u jistaʼ jkun hemm xi ostakli fil-mogħdija. Imma l-Bibbja tfakkarna: “Min jgħarrex għar-riħ ma jiżrax, u min jagħti kas tas-sħab ma jaħsadx.” (Koħelet 11:4) Ħafna affarijiet m’humiex realment daqstant diffiċli ladarba nkunu ddeċidejna li nagħmluhom. L-iktar biċċa iebsa, milli jidher, hija li niddeċiedu. Nistgħu ngħejjew lilna nfusna niġġieldu jew nirreżistu l-idea. Jekk inħejju lil imħuħna u naċċettaw l-isfida, nistgħu nibqgħu skantati li nsibu x’barka tirriżulta li tkun. Is-salmista ħeġġeġ: “Ipprovaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.”—Salm 34:9, [Salm 34:8, NW]; 1 Pietru 1:13.
“Mistrieħ Għal Ruħkom”
19. (a) X’nistgħu nistennew hekk kif il-kundizzjonijiet dinjin ikomplu jmorru għall-agħar? (b) Waqt li aħna taħt il-madmad taʼ Ġesù taʼ liema ħaġa niġu żgurati?
19 L-appostlu Pawlu fakkar lid-dixxipli taʼ l-ewwel seklu: “Jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna t’Alla.” (Atti 14:22) Dak għadu jgħodd għal-lum ukoll. Hekk kif il-kundizzjonijiet dinjin jibqgħu sejrin lura, il-pressjonijiet li jaqgħu fuq dawk kollha li huma determinati li jgħixu ħajja taʼ tjieba u devozzjoni lejn Alla se jsiru saħansitra akbar. (2 Timotju 3:12; Apokalissi 13:16, 17) Madankollu, aħna nħossuna kif ħassu Pawlu meta qal: “Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; imħassbin, iżda m’għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin maʼ l-art, iżda m’aħniex meqrudin.” Ir-raġuni hija li nistgħu nistrieħu fuq Ġesù Kristu biex jagħtina s-saħħa lil hinn min-normal. (2 Korintin 4:7-9) Billi naċċettaw il-madmad taʼ dixxiplu b’qalbna kollha, aħna se ngawdu t-twettieq tal-wegħda taʼ Ġesù: “Intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.”—Mattew 11:29. (w95 8/15)
Tistaʼ Tispjega?
◻ X’inhu l-madmad ħelu li Ġesù offra?
◻ X’għandna nagħmlu jekk inħossu li l-madmad tagħna qiegħed isir taʼ piż?
◻ Ġesù x’ried ifisser meta qal: “It-toqol tiegħi ħafif”?
◻ Kif nistgħu nkunu żguri li t-tagħbija tagħna tibqaʼ ħafifa?