LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 12/15 pp. 9-15
  • Rimedju Prattiku Kif Teħles mill-Istress

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rimedju Prattiku Kif Teħles mill-Istress
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Hija Ħajtek Mimlija Stress Żejjed?
  • Taħt il-​Madmad
  • Int Tistaʼ Ssib Serħan
  • Mod Kif Issib Serħan
  • “Il-Madmad Tiegħi Ħelu u t-Toqol Tiegħi Ħafif”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • “Ejjew għandi, . . . u jien inserraħkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Ġesù offra serħan
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2018
  • “Ħudu l-Madmad Tiegħi Fuqkom”
    Il-Ministeru tas-Saltna—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 12/15 pp. 9-15

Rimedju Prattiku Kif Teħles mill-​Istress

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.”—MATTEW 11:28.

1, 2. (a) X’hemm fil-​Bibbja li jgħin itaffi l-​istress żejjed? (b) Kemm kien effettiv it-​tagħlim taʼ Ġesù?

X’AKTARX taqbel li ħafna stress huwa ħażin u li dan iwassal għal dwejjaq kbar. Il-​Bibbja turi li r-​razza umana tant hija mtaqqla b’tagħbijiet li ħafna jistennew bil-​ħerqa l-​ħelsien mill-​ħajja mimlija stress taʼ llum. (Rumani 8:​20-22, Saydon) Imma l-​Iskrittura turina wkoll kif issa stess nistgħu ntaffu daqsxejn minn dawn id-​dwejjaq kbar. Dan jiġri jekk nimxu fi qbil mal-​parir u l-​eżempju taʼ ċertu żagħżugħ li kien jgħix elfejn sena ilu. Hu kien mastrudaxxa, iżda, l-​akbar għaxqa tiegħu kienu n-​nies. Kien jitkellem b’mod li jilħaq qalb in-​nies, jolqot il-​bżonnijiet tagħhom, jgħin lill-​batuti, u jfarraġ lill-​imnikktin. Iktar minn hekk, hu għen lil ħafna jilħqu l-​potenzjal spiritwali tagħhom. B’hekk huma ħelsu minn stress żejjed, sewwa sew bħalma tistaʼ tagħmel int.​—Luqa 4:​16-​21; 19:​47, 48; Ġwann 7:​46.

2 Dan ir-​raġel, Ġesù taʼ Nazaret, ma kienx influwenzat mit-​tagħlim sofistikat li xi wħud fl-​imgħoddi fittxew f’Ruma, Ateni, jew Lixandra. Minkejja dan, it-​tagħlim tiegħu għadu magħruf maʼ kullimkien. It-​tema taʼ dan it-​tagħlim kienet is-​saltna li permezz tagħha Alla se jaħkem id-​dinja tagħna b’suċċess. Ġesù spjega wkoll il-​prinċipji bażiċi għall-​għajxien—prinċipji li huma siewja tassew illum. Dawk li jitgħallmu u japplikaw dak li għallem Ġesù mill-​ewwel igawdu l-​benefiċċji, inkluż il-​ħelsien minn stress żejjed. Kieku int ma tiħux gost bih dan?

3. Liema stedina grandjuża għamel Ġesù?

3 Forsi għandek xi dubji. ‘Jistaʼ xi ħadd li għex tant żmien ilu jeffettwa ’l-ħajti?’ Tajjeb, ismaʼ xi kliem sabiħ jgħid Ġesù hekk kif jistidinna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​toqol tiegħi ħafif.” (Mattew 11:​28-30) X’ried ifisser? Ejja neżaminaw fid-​dettall dan il-​kliem u naraw kif jistaʼ jgħinna neħilsu mill-​istress li tant jgħakkisna.

4. Ġesù lil min kellem, u s-​semmiegħa tiegħu għala setgħu sabuha iebsa li jagħmlu dak li kien mitlub minnhom?

4 Ġesù kellem lil ħafna wħud li b’qalbhom kollha kienu qed jipprovaw jimxu skond il-​liġi imma li kienu qed iħossuhom “imtaqqlin” għax il-​mexxejja Lhud għamlu r-​reliġjon xi ħaġa taʼ piż. (Mattew 23:4) Dawn kienu jagħtu importanza lil numru bla għadd taʼ liġijiet marbutin maʼ kważi kull aspett tal-​ħajja. Ma kontx tħossok stressat kieku kellek tismaʼ l-​ħin kollu lil min jgħidlek “ma tistax” tagħmel din jew l-​oħra? X’differenza mill-​istedina taʼ Ġesù li kienet twassal lis-​semmiegħa tiegħu għall-​verità, għat-​tjieba, għal ħajja aħjar! Iva, il-​mod kif il-​bnedmin isiru jafu lil Alla kien jinvolvi li jagħtu attenzjoni lil Ġesù Kristu, għax fih huma setgħu—u jistgħu—jaraw kif inhu Jehovah. Ġesù qal: “Min ra lili ra lill-​Missier.”—Ġwann 14:9.

Hija Ħajtek Mimlija Stress Żejjed?

5, 6. Il-kundizzjonijiet tax-​xogħol u l-​pagi taʼ żmien Ġesù kif jixbhu lil dawk tagħna llum?

5 Dan jistaʼ jgħodd għalik għax l-​impjieg tiegħek jew is-​sitwazzjoni tal-​familja tiegħek forsi qed tħosshom taʼ piż. Jew hemm xi responsabbiltajiet oħrajn li forsi qed tħoss li ma tiflaħx għalihom. Jekk inhu hekk, int bħal dawk l-​uħud sinċieri li Ġesù ltaqaʼ magħhom u għenhom. Per eżempju, ikkunsidra l-​problema taʼ li taqlaʼ l-​għajxien. Ħafna jsibuha diffiċli llum, bħalma ħafna kienu jsibuha diffiċli fi żmien Ġesù.

6 F’dak iż-​żmien, il-​ħaddiem kien jaħdem iebes għal 12-il siegħa kuljum, 6 ijiem fil-​ġimgħa, u ġeneralment kulma kien jaqlaʼ għall-​ġurnata xogħol kien dinar. (Mattew 20:​2-10) Dan kif tqabblu mal-​paga tiegħek jew maʼ dik taʼ sħabek? M’huwiex faċli tqabbel il-​pagi taʼ l-​imgħoddi maʼ dawk taʼ llum. Mod wieħed kif tagħmel dan huwa billi tqabbel x’saħħa għandhom il-​flus, u dak li tistaʼ tixtri bihom. Wieħed studjuż jgħid li fi żmien Ġesù, ħobża magħmula minn erbaʼ kikkri dqiq tal-​qamħ kienet tqum daqs siegħa paga. Studjuż ieħor jgħid li kikkra nbid tajjeb kienet tiswa madwar sagħtejn paga. Minn dawn id-​dettalji tistaʼ tinnota li f’dak iż-​żmien, in-​nies kellhom jaħdmu iebes għal ħin twil biex jaqilgħu l-​għajxien tagħhom. Huma kellhom bżonn taʼ xi ħaġa li ttaffilhom u terġaʼ tagħtihom il-​ħajja, l-​istess bħalma għandna bżonn aħna. Jekk int impjegat, tistaʼ tħossok taħt pressjoni biex tkun iktar produttiv. Taʼ spiss, ma jkollniex ħin biex naħsbuha sew qabel ma nieħdu xi deċiżjoni. Forsi tammetti li tixxennaq biex teħles minn dan kollu.

7. X’kienet ir-​reazzjoni għall-​messaġġ taʼ Ġesù?

7 Bla dubju, l-​istedina taʼ Ġesù lil dawk kollha li kienu “mħabbtin u mtaqqlin” intgħoġbot ferm minn ħafna nies li semgħuh f’dak iż-​żmien. (Mattew 4:​25; Mark 3:​7, 8) U ftakar li Ġesù kompla jwiegħed, “Jiena nserraħkom.” Dik il-​wegħda għadha tapplika sa llum. Tistaʼ tapplika għalina jekk aħna “mħabbtin u mtaqqlin.” U tistaʼ tapplika għall-​maħbubin tagħna li x’aktarx huma fl-​istess sitwazzjoni.

8. It-​trobbija tat-​tfal u l-​età avanzata kif iżidu listress?

8 Hemm affarijiet oħra li qed itaqqlu lin-​nies. It-​trobbija tat-​tfal hi waħda mill-​isfidi ewlenin. Anki l-​fatt li tkun għadek żgħir jistaʼ jkun taʼ sfida. Numru li dejjem jikber taʼ individwi taʼ kull età jħabbtu wiċċhom maʼ problemi taʼ saħħa kemm mentali kif ukoll fiżiċi. U għalkemm in-​nies jistgħu jgħixu iktar, dawk imdaħħlin fiż-​żmien iridu jħabbtu wiċċhom maʼ ċerti problemi, minkejja l-​avvanz fil-​mediċina.—Koħèlet 12:1.

Taħt il-​Madmad

9, 10. X’kien jissimbolizza l-​madmad fl-​antik, u Ġesù għala stieden lin-​nies biex jieħdu l-​madmad tiegħu fuqhom?

9 Innota li fil-​kliem kwotat minn Mattew 11:​28, 29, Ġesù qal: “Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni.” Lura f’dak iż-​żmien, bniedem komuni setaʼ faċilment iħossu qed jaħdem taħt madmad. Sa minn żmien l-​antik, il-​madmad kien simbolu taʼ jasar u servitù. (Ġenesi 27:40; Levitiku 26:13; Dewteronomju 28:48) Ħafna mill-​ħaddiema li Ġesù ltaqaʼ magħhom u li kienu jaħdmu bil-​ġurnata kien ikollhom madmad taʼ veru fuq spallejhom biex iġorru tagħbijiet tqal. Il-​madmad setaʼ jew ikun komdu maʼ l-​għonq u l-​ispallejn inkella setaʼ jisloħhom, jiddependi minn kif ikun maħdum. Bħala mastrudaxxa, Ġesù setaʼ ħadem xi mdamad, u għalhekk kien jaf kif jagħmel madmad b’tali mod li jkun “ħelu.” Hu kien forsi jiksi l-​partijiet li kienu jmissu maʼ l-​għonq u l-​ispalel bil-​ġilda jew bid-​drapp biex il-​madmad ikun komdu kemm jistaʼ jkun.

10 Meta Ġesù qal, “Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi,” hu setaʼ kien qed ixebbah lilu nnifsu maʼ wieħed li kien jagħmel l-​aqwa tip taʼ madmad li kien jinħass ‘ħelu’ maʼ l-​għonq u l-​ispalel tal-​ħaddiema. Għalhekk, Ġesù żied: “It-​toqol tiegħi ħafif.” Dan kien ifisser li l-​madmad ma kienx wieħed li jdejqek, u lanqas ix-​xogħol ma kien bħal dak taʼ skjav. Veru, billi stieden lis-​semmiegħa tiegħu jaċċettaw il-​madmad tiegħu, Ġesù ma kienx qed joffri ħelsien immedjat minn kull kundizzjoni oppressiva li kienet teżisti. Minkejja dan, il-​ħarsa differenti li ppreżenta kienet se ġġib ħafna serħan. Anki l-​aġġustamenti fl-​istil taʼ ħajjithom u fil-​mod kif jagħmlu l-​affarijiet kienu se jserrħuhom. Iktar importanti minn hekk, tama ħajja u soda kienet se tgħinhom inaqqsu l-​istress f’ħajjithom.

Int Tistaʼ Ssib Serħan

11. Ġesù għala ma kienx qed jissuġġerixxi li n-​nies jieħdu madmad flok ieħor?

11 Jekk jogħġbok innota li Ġesù ma kienx qed jgħid li n-​nies kellhom jieħdu madmad flok ieħor. Ruma xorta waħda kienet se tibqaʼ tikkontrolla l-​pajjiż, sewwa sew bħalma l-​gvernijiet illum jaħkmu fil-​pajjiżi fejn joqogħdu l-​Kristjani. It-​taxxa mitluba mir-​Rumani fl-​ewwel seklu xorta waħda kienet se tibqaʼ. Il-​problemi ekonomiċi u tas-​saħħa kienu se jibqgħu hemm. L-​imperfezzjoni u d-​dnub kienu se jkomplu jeffettwaw lin-​nies. Minkejja dan kollu, huma setgħu jsibu serħan billi japplikaw it-​tagħlim taʼ Ġesù, l-​istess bħalma nistgħu nsibu aħna llum.

12, 13. Ġesù x’enfasizza li kien se jġib serħan, u xi wħud kif wieġbu?

12 Aspett importanti fejn tistaʼ tiġi applikata t-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​madmad huwa fix-​xogħol tagħna taʼ li nagħmlu dixxipli. M’hemmx dubju li l-​attività prinċipali taʼ Ġesù kienet li jgħallem lil oħrajn, u l-​enfasi tiegħu kienet fuq is-​Saltna t’Alla. (Mattew 4:​23) Għalhekk, meta qal, “Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi,” żgur li kien qed ifisser biex inkomplu bl-​istess attività tiegħu. Ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju juru li Ġesù qanqal irġiel sinċieri biex ibiddlu x-​xogħol tagħhom, xi ħaġa li toħloq ansjetà fil-​ħajja tal-​maġġuranza tan-​nies. Ftakar li meta sejjaħ lil Pietru, ’l Indrì, lil Ġakbu, u lil Ġwanni qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-​bnedmin.” (Mark 1:​16-20) Lil dawk is-​sajjieda wriehom kemm kienu se jħossuhom sodisfatti jekk jagħmlu x-​xogħol li hu kien poġġa fl-​ewwel post f’ħajtu, u jekk dan jagħmluh bil-​gwida u bl-​għajnuna tiegħu.

13 Xi wħud mil-​Lhud li semgħuh fehmu dak li kien qed jgħallimhom Ġesù, u applikawh. Immaġina x-​xena f’xatt il-​baħar li naqraw dwarha f’Luqa 5:​1-11. Erbaʼ sajjieda kienu ilhom lejl sħiħ jitħabtu bla ma qabdu xejn. F’daqqa waħda, ix-​xbieki tagħhom imtlew! Din ma kinitx xi kumbinazzjoni; dak li ġara seħħ bl-​intervent taʼ Ġesù. Hekk kif ħarsu lejn ix-​xatt, huma raw folla nies tismaʼ bil-​ħrara lil Ġesù jgħallem. Dan għenhom jifhmu dak li kien qalilhom Ġesù: ‘Minn issa ’l quddiem tkunu taqbdu n-​nies.’ Huma kif wieġbu? “Ressqu d-​dgħajjes maʼ l-​art, telqu kollox u marru warajh.”

14. (a) Kif nistgħu nsibu serħan illum? (b) Liema aħbar tajba li toffri serħan xandar Ġesù?

14 Bażikament, int tistaʼ twieġeb b’mod simili. Ix-​xogħol taʼ li ngħallmu l-​verità Biblika lin-​nies għadu sejjer. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja, li jgħoddu mas-​sitt miljuni, aċċettaw l-​istedina taʼ Ġesù biex ‘jieħdu fuqhom il-​madmad tiegħu.’ Huma saru “sajjieda tal-​bnedmin.” (Mattew 4:19) Xi wħud daħlu għal dan ix-​xogħol full-time. Oħrajn jagħmlu dak kollu li jistgħu part-time. Ilkoll isibuh taʼ serħan, u għalhekk ħajjithom m’hijiex mimlija stress. Dan ix-​xogħol jinvolvi xi ħaġa li jieħdu pjaċir jagħmluha, jgħidu lil oħrajn aħbar tajba—“l-​Evanġelju tas-​Saltna.” (Mattew 4:23) Huwa dejjem pjaċevoli li titkellem dwar aħbarijiet sbieħ imma b’mod speċjali dwar din l-​aħbar tajba. Il-​Bibbja fiha l-​materjal bażiku li neħtieġu biex nikkonvinċu lil ħafna li huma jistgħu jgħixu ħajja b’inqas stress.—2 Timotju 3:​16, 17.

15. Kif tistaʼ tibbenefika mit-​tagħlim taʼ Ġesù dwar il-​mod t’għajxien?

15 Sa ċertu punt, saħansitra dawk li għadhom kemm bdew jitgħallmu dwar is-​Saltna t’Alla bbenefikaw mit-​tagħlim taʼ Ġesù dwar il-​mod t’għajxien. Bosta huma dawk li jistgħu jgħidu b’wiċċhom minn quddiem li t-​tagħlim taʼ Ġesù serraħhom u għenhom ibiddlu ħajjithom għalkollox. Int tistaʼ tara dan għalik innifsek billi teżamina xi ftit mill-​prinċipji t’għajxien imniżżlin fir-​rakkonti dwar il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù, partikolarment dawk fl-​Evanġelji taʼ Mattew, Mark, u Luqa.

Mod Kif Issib Serħan

16, 17. (a) Fejn tistaʼ ssib xi ftit mill-​iktar tagħlim importanti taʼ Ġesù? (b) X’inhu meħtieġ biex wieħed isib serħan billi japplika t-​tagħlim taʼ Ġesù?

16 Fir-​rebbiegħa tas-​sena 31 E.K., Ġesù għamel diskors li baqaʼ magħruf mad-​dinja kollha sa llum. Ġeneralment dan jissejjaħ il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. Din hi mniżżla f’Mattew kapitli 5 sa 7 u f’Luqa kapitlu 6, u tiġbor fil-​qosor ħafna mit-​tagħlim taʼ Ġesù. Fl-​Evanġelji tistaʼ ssib affarijiet oħra li għallem Ġesù. Ħafna minn dak li qal jinftiehem faċilment, iżda m’huwiex daqstant faċli li tpoġġih fil-​prattika. Għala ma taqrax dawk il-​kapitli bir-​reqqa, bil-​ħsieb? Ħalli l-​qawwa taʼ l-​ideat tiegħu tinfluwenza l-​ħsibijiet u l-​attitudni tiegħek.

17 Ovvjament, it-​tagħlim taʼ Ġesù jistaʼ jiġi organizzat b’diversi modi. Ejja niġbru l-​iktar tagħlim importanti biex b’hekk ikun hemm tagħlima għal kull ġurnata tax-​xahar, bil-​mira li tapplika kull tagħlima f’ħajtek. Kif? Tajjeb, tagħtihomx sempliċement daqqa t’għajn. Ftakar fil-​ħakkiem għani li staqsa lil Ġesù Kristu: “X’għandi nagħmel biex nikseb il-​ħajja taʼ dejjem?” Meta Ġesù rrepeta x’kienet titlob b’mod vitali l-​Liġi t’Alla, ir-​raġel wieġeb li hu kien diġà qed jagħmel hekk. Imma hu rrealizza li dan ma kienx biżżejjed. Ġesù qallu biex jagħmel iktar sforz sabiex japplika l-​prinċipji divini b’modi prattiċi, biex ikun dixxiplu attiv. Milli jidher, ir-​raġel ma kienx lest li jagħmel dan. (Luqa 18:​18-23) Għaldaqstant, wieħed li jrid jitgħallem x’jitlob minnu Ġesù llum irid iżomm f’moħħu li hemm baħar jaqsam bejn li jaqbel mat-​tagħlim u li jpoġġih fil-​prattika, u b’hekk inaqqas l-​istress

18. Uri kif tistaʼ tuża u tibbenefika mill-​kaxxa inkluża maʼ l-​artiklu.

18 Biex tibda teżamina u tapplika t-​tagħlim taʼ Ġesù, ħares lejn l-​ewwel punt fil-​kaxxa inkluża maʼ l-​artiklu. Dan jirreferi għal Mattew 5:​3-9. Tabilħaqq, kull wieħed u waħda minna nistgħu nqattgħu ħin twil nimmeditaw fuq il-​pariri mill-​aqwa li joffru dawn il-​versi. Madankollu, jekk tikkunsidra l-​versi kollha flimkien, x’titgħallem dwar l-​attitudni? Jekk trid verament tegħleb l-​effetti taʼ l-​istress żejjed f’ħajtek, x’jistaʼ jgħinek? Kif tistaʼ ttejjeb is-​sitwazzjoni tiegħek jekk tagħti iżjed attenzjoni lill-​affarijiet spiritwali, u tħallihom jimlewlek moħħok? Hemm xi affarijiet f’ħajtek li għandek bżonn tagħtihom inqas importanza biex b’hekk issib iktar ħin għall-​affarijiet spiritwali? Jekk tagħmel dan, int se ssir iżjed ferħan minn issa stess.

19. X’tistaʼ tagħmel biex tikseb iżjed fehma u dehen?

19 Issa ejja mmorru pass ieħor ’il quddiem. Għala ma tiddiskutix dawn il-​versi maʼ qaddej ieħor t’Alla, forsi mas-​sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ, xi qarib, jew ħabib? (Proverbji 18:24; 20:5) Ftakar li l-​ħakkiem għani staqsa lil persuna oħra, lil Ġesù, dwar kwistjoni bħal din. Il-​mod kif wieġeb setgħet kabbritlu l-​prospett taʼ li jkun ferħan u jkollu ħajja itwal. L-​adoratur l-​ieħor li tagħżel biex tiddiskuti miegħu dawn il-​versi mhux se jkun l-​istess bħal Ġesù. Madankollu, il-​konversazzjoni dwar it-​tagħlim taʼ Ġesù se tkun taʼ benefiċċju għalikom it-​tnejn. Ipprova agħmel dan mill-​iktar fis possibbli.

20, 21. Liema skeda tistaʼ timxi fuqha biex tibbenefika mit-​tagħlim taʼ Ġesù, u kif tistaʼ tkejjel il-​progress li tagħmel?

20 Erġaʼ ħares lejn il-​kaxxa, “Tagħlim biex Jgħinek.” Dan it-​tagħlim huwa miġbur b’dan il-​mod sabiex minn taʼ l-​inqas ikollok tagħlima kuljum x’tikkunsidra. L-​ewwel tistaʼ taqra dak li qal Ġesù fil-​versi ċitati. Imbagħad aħseb dwar dak li qal. Immedita dwar kif tistaʼ tapplika kliemu f’ħajtek. Jekk tħoss li diġà qed tagħmel hekk, immedita biex tara x’tistaʼ tagħmel iktar biex tgħix fi qbil maʼ dak it-​tagħlim divin. Aħdem fuqu matul il-​ġurnata. Jekk tbati biex tifhmu jew biex tara kif tistaʼ tapplikah, qattaʼ ġurnata oħra fuqu. Madankollu, żomm f’moħħok li m’għandekx għalfejn tibqaʼ taħdem fuq l-​istess punt sakemm tipperfezzjona fih. Il-​ġurnata taʼ wara, tistaʼ tikkunsidra punt ieħor. Fl-​aħħar tal-​ġimgħa, tistaʼ tirrivedi kemm irnexxielek tapplika minn dawk l-​erbaʼ jew ħames tagħlimiet. Fit-​tieni ġimgħa żid iktar, ġurnata wara l-​oħra. Jekk tinduna li nqast milli tapplika xi ħaġa, taqtax qalbek. Din hi xi ħaġa li se tiġri lil kull Kristjan. (2 Kronaki 6:​36; Salm 130:3; Koħèlet 7:​20; Ġakbu 3:8) Kompli agħmel hekk fit-​tielet u fir-​rabaʼ ġimgħa.

21 Wara bejn wieħed u ieħor xahar, għandek mnejn tkun ħdimt fuq il-​punti kollha. Ikun xi jkun il-​każ, kif se tħossok bħala riżultat? Mhux se tħossok iktar ferħan, forsi iktar rilassat? Anki jekk tagħmel ftit progress, x’aktarx li se tħossok inqas stressat. Jew għall-​inqas se jirnexxilek tkampa aħjar maʼ l-​istress, u se tidra l-​metodu biex tkompli miexi ’l quddiem. Tinsiex li hemm ħafna iktar punti eċċellenti li għallem Ġesù u li m’humiex fil-​lista. Għala ma tfittixx uħud minnhom u tipprova tpoġġihom fil-​prattika?—Filippin 3:​16, NW.

22. X’jistaʼ jirriżulta jekk nimxu fi qbil mat-​tagħlim taʼ Ġesù, imma liema aspett ieħor jixraq li nistudjaw?

22 Tistaʼ tara li l-​madmad taʼ Ġesù, għalkemm għandu daqsxejn toqol, huwa tassew ħelu. It-​tagħbija tat-​tagħlim tiegħu u taʼ li tkun dixxiplu hija ħafifa. Wara ’l fuq minn 60 sena t’esperjenza persunali, l-​appostlu Ġwanni, il-​ħabib għażiż taʼ Ġesù, qal: “Għax din hi l-​imħabba taʼ Alla, li nżommu l-​kmandamenti tiegħu; u l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwann 5:3) Int jistaʼ jkollok l-​istess fiduċja. Iktar ma tapplika t-​tagħlim taʼ Ġesù, iktar se ssib li dak li joħloq stress fil-​ħajja taʼ ħafna llum mhux se jkun daqshekk taʼ niket għalik. Se tara li tkun ksibt daqsxejn serħan. (Salm 34:9 [34:​8, NW]) Madankollu, hemm aspett ieħor dwar il-​madmad ħelu taʼ Ġesù li għandek bżonn tikkunsidra. Ġesù semma wkoll li hu “taʼ qalb ħelwa u umli.” Dan x’għandu x’jaqsam mal-​fatt li qegħdin nitgħallmu minn Ġesù u qed nimitawh? Dan se nikkunsidrawh fl-​artiklu li jmiss.—Mattew 11:29.

X’Inhi t-​Tweġiba Tiegħek?

• Għala għandna nduru lejn Ġesù meta rridu nfittxu serħan mill-​istress żejjed?

• Il-madmad x’kien jissimbolizza, u għala?

• Ġesù għala stieden lin-​nies biex jieħdu fuqhom il-​madmad tiegħu?

• Kif jistaʼ jkollok serħan spiritwali?

[Kumment f’paġna 14]

L-​iskrittura għas-​sena 2002 għax-​Xhieda taʼ Jehovah se tkun: “Ejjew għandi . . . u jiena nserraħkom.”—Mattew 11:28.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 12, 13]

Tagħlim biex Jgħinek

X’tistaʼ ssib taʼ benefiċċju f’Mattew kapitli 5 sa 7? Dawn il-​kapitli fihom tagħlim li ngħata fuq għolja fil-​Galilija mill-​Għalliem Prim, Ġesù. Jekk jogħġbok aqra l-​versi ċitati hawn taħt mill-​Bibbja persunali tiegħek, u staqsi lilek innifsek il-​mistoqsijiet marbutin magħhom.

1. 5:​3 (NW), 4-9 X’juri dan dwar l-​attitudni ġenerali tiegħi? Kif nistaʼ naħdem biex inkun iktar ferħan? Kif nistaʼ nagħti iktar attenzjoni lill-​bżonnijiet spiritwali tiegħi?

2. 5:​25, 26 Liema attitudni nistaʼ nuri minflok ma nimita lil dawk li jħobbu jargumentaw?—Luqa 12:​58, 59.

3. 5:​27-​30 X’jenfasizza l-​kliem taʼ Ġesù dwar il-​fantasiji romantiċi? Kif se jkolli iktar ferħ u paċi tal-​moħħ jekk nevita li noqgħod nagħmel dan?

4. 5:​38-​42 Għala għandi nagħmel ħilti kollha biex nevita li nkun aggressiv iżżejjed bħalma qed tenfasizza s-​soċjetà taʼ llum?

5. 5:​43-​48 Kif nistaʼ nibbenefika jekk insir naf aħjar lil dawk fil-​kongregazzjoni li forsi kont inqishom l-​għedewwa tiegħi? Dan kif x’aktarx se jgħinni nnaqqas jew inneħħi t-​tensjoni?

6. 6:​14, 15 Jekk kultant insibha diffiċli li naħfer, jistaʼ jkun li r-​raġuni bażika hija l-​għira jew ir-​risentiment? Kif nistaʼ ninbidel f’dan ir-​rigward?

7. 6:​16-​18 Għandi t-​tendenza li nkun iktar moħħni kif nidher minn barra milli dak li jien minn ġewwa? Taʼ xiex għandi nkun iktar konxju?

8. 6:​19-​32 X’jistaʼ jkun l-​effett jekk insir konċernat iżżejjed fuq il-​flus u l-​ġid materjali? Jekk naħseb dwarhom, liema affarijiet se jgħinuni jkolli ħarsa bilanċjata f’dan ir-​rigward?

9. 7:​1-5 Kif inħossni meta nkun maʼ nies li jħobbu jiġġudikaw u jikkritikaw, u li dejjem isibu x-​xagħra fl-​għaġina? Għala huwa importanti għalija li nevita li nkun hekk?

10. 7:​7-​11 Jekk huwa tajjeb li nippersistu meta nitolbu xi ħaġa lil Alla, xi ngħidu għal aspetti oħra tal-​ħajja?—Luqa 11:​5-13.

11. 7:​12 Għalkemm ir-​Regola tad-​Deheb nafha sew, kemm-il darba napplikaha meta jkolli x’naqsam m’oħrajn?

12. 7:​24-​27 Ladarba jien responsabbli għal dak li nagħmel f’ħajti, kif nistaʼ nkun preparat aħjar biex niffaċċja l-​inkwiet u d-​diffikultajiet kollha li niltaqaʼ magħhom? Għala għandi naħseb issa dwar dan?—Luqa 6:​46-49?

Tagħlim ieħor li nistaʼ naħseb fuqu:

13. 8:​2, 3 Kif nistaʼ nuri ħniena għal min hu batut, bħalma Ġesù għamel taʼ sikwit?

14. 9:​9-​38 X’parti għandha l-​ħniena f’ħajti, u kif nistaʼ nuriha iktar?

15. 12:19 Minn dak li nitgħallem mill-​profezija dwar Ġesù, nistinka jien biex nevita l-​kustjonijiet?

16. 12:​20, 21 X’inkun qed nagħmel tajjeb jekk ma niksirx lil ħaddieħor bi kliemi jew b’għemili?

17. 12:​34-​37 Fil-biċċa l-​kbira dwar xiex nitkellem? Naf li meta nagħsar larinġa joħroġ il-​meraq tal-​larinġa, allura għaliex għandi nagħti kas taʼ dak li jien minn ġewwa—x’għandi f’qalbi?—Mark 7:​20-​23.

18. 15:​4-6 X’ninnota minn dak li qal Ġesù dwar li rridu nieħdu ħsieb b’imħabba lil dawk li huma mdaħħlin fiż-​żmien?

19. 19:​13-​15 Għal liema ħaġa għandi bżonn insib il-​ħin?

20. 20:​25-​28 Għala m’huwiex tajjeb li nuża l-​awtorità fuq oħrajn sempliċement biex nuri li nikkmanda? Kif nistaʼ nimita lil Ġesù f’dan ir-​rigward?

Ħsibijiet oħrajn imniżżlin minn Mark:

21. 4:​24, 25 X’juri l-​mod kif nittratta lil oħrajn?

22. 9:​50 Jekk nitkellem u naġixxi bil-​għaqal, x’riżultat tajjeb x’aktarx li joħroġ?

Fl-​aħħar, xi tagħlim imniżżel minn Luqa:

23. 8:​11, 14 Jekk inħalli l-​inkwiet, l-​għana, u l-​pjaċiri jiddominawli ħajti, x’jistaʼ jkun ir-​riżultat?

24. 9:​1-​6 Għalkemm Ġesù kellu s-​setgħa li jfejjaq lill-​morda, x’kienet il-​prijorità tiegħu?

25. 9:​52-​56 Nieħu għalija malajr? Nevita li npatti?

26. 9:​62 Kif għandi nħares lejn ir-​responsabbiltà tiegħi li nitkellem dwar is-​Saltna t’Alla?

27. 10:​29-​37 Kif nistaʼ nuri li jien inqis lil kulħadd bħala l-​proxxmu tiegħi u mhux li ma jimpurtani minn ħadd?

28. 11:​33-​36 X’bidliet nistaʼ nagħmel sabiex ħajti tkun iżjed sempliċi?

29. 12:15 X’inhi r-​relazzjoni bejn il-​ħajja u l-​affarijiet materjali?

30. 14:​28-​30 Jekk nieħu l-​ħin biex niżen bir-​reqqa d-​deċiżjonijiet tiegħi, x’nistaʼ nevita, u b’liema benefiċċju?

31. 16:​10-​12 Kif nistaʼ nibbenefika jekk inżomm l-​integrità?

[Stampi f’paġna 10]

Ix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet li jsir taħt il-​madmad taʼ Ġesù huwa wieħed li jserraħna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja