Programm Ġdid tal-Jum t’Assemblea Speċjali
It-tema tal-programm tal-jum t’assemblea speċjali għas-sena taʼ servizz 2009 hija “Ħu Ħsieb il-Ministeru . . . , Qis li Twettqu,” ibbażata fuq Kolossin 4:17. Bħala Kristjani, aħna nieħdu dan l-inkuraġġiment bis-serjetà. Il-mira tagħna hi li nwettqu l-ministeru tagħna lealment, saħansitra bħalma għamel Ġesù. (Ġw. 17:4) L-appostlu Pawlu wkoll ħallielna eżempju mill-aqwa f’dan ir-rigward. Hu kien determinat li jtemm il-ministeru tiegħu.—Atti 20:24.
It-taħdita taʼ l-indokratur tas-circuit se turi kif diversi pubblikaturi qed jegħlbu l-isfidi fil-ministeru tagħhom. U mbagħad it-taħdita “Ikkultiva Dak li Żrajt” se tenfasizza kif nistgħu ngħinu verament lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) Il-kelliemi li se jkun qed iżurna, l-ewwel se jiddiskuti t-2 Korintin 6:1-10, vers b’vers, fit-taħdita “Kif Nirrikkmandaw Lilna Nfusna Bħala Ministri.” Wara nofsinhar, hu se jindirizza lill-udjenza dwar it-tema “Għożżu Ferm il-Ministeru Tagħkom.” Żgur li se tiġu inkuraġġiti mit-taħditiet “Żgħar u Kbar Gawdu l-Ministeru” u “Żgħażagħ li Jwettqu l-Ministeru.” Dawk li jixtiequ jissimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom bil-magħmudija fl-ilma f’waħda mill-assembleat tas-circuit li ġejjin għandhom jinformaw lill-indokratur li jippresiedi malajr kemm jistaʼ jkun. Aspett wieħed taʼ l-assembleat u l-konvenzjonijiet tagħna kollha hu li nikkunsidraw It-Torri taʼ l-Għassa. Ġibu l-kopja tagħkom li se tiġi studjata fil-ġimgħa tal-jum taʼ l-assemblea speċjali.
Meta noqogħdu attenti li qed inwettqu l-ministeru tagħna, aħna nistinkaw biex inkunu ċerti li interessi u attivitajiet oħrajn ma jiġux qabel dak li fdalna Ġeħova. L-inkuraġġiment Skritturali provdut permezz taʼ dan il-programm tal-jum t’assemblea speċjali għandu jgħinna lkoll biex nifhmu x’għandna bżonn nagħmlu sabiex nibqgħu ffokati kif suppost u naħsbu bis-serjetà dwar dak li qed nagħmlu biex inwettqu l-ministeru tagħna bis-sħiħ.