Int Kif Se Twieġeb?
1. Għala għandna nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù meta jistaqsuna xi mistoqsija?
1 Sal-ġurnata tal-lum, in-nies jibqgħu mgħaġġbin bil-mod effettiv kif Ġesù ttratta l-mistoqsijiet u r-rikjesti li għamlulu n-nies. Meta niffaċċjaw mistoqsijiet varji waqt il-ministeru tagħna, nagħmlu tajjeb li nimitaw lil Ġesù f’dan l-aspett.—1 Pt. 2:21.
2. X’jistaʼ jgħinna nipprovdu tweġiba effettiva għal xi mistoqsija?
2 L-Ewwel Ismaʼ: Ġesù ħaseb dwar għala l-persuna qed tistaqsi l-mistoqsija. Xi drabi dan jirrikjedi li tistaqsi mistoqsijiet biex tkun ċert minn dak li l-persuna qed taħseb verament. Xi ħadd li jistaqsik, “Int temmen b’Ġesù?” fir-realtà għandu mnejn qed jaħseb għala ma tiċċelebrax il-Milied. Jekk tagħraf x’jikkonċerna verament lil min qed jagħmel il-mistoqsija, tistaʼ tirraġuna miegħu b’mod iktar effettiv.—Lq. 10:25-37.
3. X’għandna disponibbli biex jgħinna nsibu tweġibiet Skritturali sodisfaċenti?
3 Wieġeb bil-Kelma t’Alla: Ġeneralment, ikun aħjar li tuża l-Bibbja tiegħek biex twieġeb il-mistoqsija. (2 Tim. 3:16, 17; Ebr. 4:12) Il-ktieb Reasoning u “Suġġetti Bibliċi Għal Diskussjoni” fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa wrew li kienu t’għajnuna f’li jagħtu t-tweġiba t-tajba. Anki jekk dak li qed jagħmel il-mistoqsija ma jaċċettax il-Bibbja bħala awtorità, int tistaʼ b’tattika tkun kapaċi taqsam dak li tgħallem l-Iskrittura. Inkuraġġixxi l-persuna biex tikkunsidra bis-serjetà l-għerf li nsibu fil-Bibbja li matul iż-żmien wera li hu effettiv. Billi timita lil Ġesù, it-tweġibiet tiegħek se jkunu “bħal tuffieħ tad-deheb f’tinqix tal-fidda”—dinjitużi, attraenti, u taʼ valur.—Prov. 25:11.
4. Meta jkun aħjar li ma nipprovawx inwieġbu kull mistoqsija?
4 Għandna Nwieġbu Kull Mistoqsija? Jekk ma tkunx taf it-tweġiba għal xi mistoqsija, tistħix tgħid: “Ma nafx, imma nistaʼ nagħmel riċerka fuq il-mistoqsija tiegħek u nerġaʼ niġi bit-tweġiba.” Modestja bħal din u interess persunali jistaʼ jqanqal lill-inkwilin biex jistiednek terġaʼ tmur. Jekk tagħraf li xi mistoqsija ġejja minn opponenti li forsi jkunu jridu jaqilgħu l-inkwiet, imita lil Ġesù billi tillimita t-tweġibiet tiegħek. (Lq. 20:1-8) Bl-istess mod, jekk xi ħadd li ma jkollux interess ġenwin fil-verità jipprova jdaħħlek f’xi dibattitu, bl-edukazzjoni waqqaf il-konversazzjoni u uża l-ħin tiegħek biex tfittex lil uħud sinċieri.—Mt. 7:6.
5. Ġesù x’mudell ħallielna biex inwieġbu l-mistoqsijiet?
5 Ġesù kien jaf li l-fatt li jistrieħ fuq Ġeħova kien vitali biex iwettaq l-inkarigu tiegħu biex ‘jixhed għall-verità,’ li inkluda li jwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies li verament riedu tweġibiet. (Ġw. 18:37) Xi privileġġ għandna biex nimitaw lil Ġesù f’li nagħtu tweġiba lil dawk li għandhom “attitudni xierqa għall-ħajja taʼ dejjem”!—Atti 13:48.