“Tibżax”
1. Liema sfidi, li huma simili għal dawk taʼ Ġeremija, forsi niffaċċjaw personalment?
1 Meta Ġeremija ġie inkarigat bħala profeta, hu ma ħassux kapaċi. Imma Ġeħova aċċertah, “tibżax,” u b’qalb tajba tah is-saħħa biex ikun jistaʼ jwettaq l-inkarigu tiegħu. (Ġer. 1:6-10) Fi żmienna, il-mistħija jew in-nuqqas taʼ kunfidenza jistaʼ jeffettwa s-sehem tagħna fil-ministeru. Il-biżaʼ taʼ kif se jwieġbu n-nies jew kif se jħarsu lejna jistaʼ xi kultant iġegħelna nżommu lura. Kif nistgħu negħlbu biżaʼ bħal dan, u liema barkiet persunali se jirriżultaw jekk nagħmlu hekk?
2. Il-preparazzjoni kif tistaʼ tgħinna negħlbu l-biżaʼ fejn jidħol il-ministeru?
2 Ipprepara Minn Qabel: Ammont xieraq taʼ preparazzjoni jistaʼ jgħin ħafna biex negħlbu l-biżaʼ tagħna. Pereżempju, jekk nirrivedu minn qabel x’jistgħu jgħidu xi nies biex iwaqqfu l-konversazzjoni, se nkunu preparati ħalli nwieġbu oġġezzjonijiet komuni. (Prov. 15:28) Għala ma tużax sessjonijiet taʼ prattika matul il-Qima tal-Familja biex tipprepara għal diversi sfidi li jistaʼ jkollok fl-iskola jew fil-ministeru?—1 Pt. 3:15.
3. Il-fiduċja f’Ġeħova kif tgħinna negħlbu l-biżaʼ?
3 Afda f’Ġeħova: Jekk nafdaw f’Ġeħova se nkunu nistgħu negħlbu l-biżaʼ tagħna. Ġeħova tana garanzija li se jgħinna. (Is. 41:10-13) Liema sigurtà aħjar jistaʼ jkollna? Iktar minn hekk, Ġesù żgurana li anki meta jinqalgħu sitwazzjonijiet bla mistenni, l-ispirtu qaddis t’Alla se jgħinna nagħtu xhieda mill-aħjar. (Mk. 13:11) Għalhekk, itlob bil-ħeġġa lil Ġeħova b’mod regulari għall-ispirtu qaddis tiegħu.—Lq. 11:13.
4. Liema barkiet jiġu meta nibqgħu nħabirku fil-ministeru minkejja l-isfidi?
4 Barkiet: Hekk kif nibqgħu nħabirku fil-ministeru minkejja l-isfidi, niġu msaħħin biex nirnexxu meta niffaċċjaw provi li għad iridu jiġu. Niżviluppaw il-kuraġġ u l-qlubija—karatteristiki taʼ wħud mimlijin bl-ispirtu qaddis. (Atti 4:31) Barra minn dan, hekk kif negħlbu l-biżaʼ persunali bl-għajnuna taʼ Ġeħova, insaħħu l-fidi u l-fiduċja tagħna fid-driegħ taʼ salvazzjoni tiegħu. (Is. 33:2) Ukoll, nesperjenzaw l-hena u s-sodisfazzjon li jiġu meta nkunu nafu li qed nogħġbu lil Missierna tas-sema. (1 Pt. 4:13, 14) Għalhekk, ejja ma nibżgħux niddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna bil-qlubija, u dejjem inkunu fiduċjużi li Ġeħova se jappoġġana!