LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w22 Ġunju pp. 14-19
  • L-Imħabba Kif Tgħinna Negħlbu l-Biżaʼ?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Imħabba Kif Tgħinna Negħlbu l-Biżaʼ?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​BIŻAʼ LI MA NKUNUX NISTGĦU NIPPROVDU GĦALL-​FAMILJA TAGĦNA
  • IL-​BIŻAʼ MIN-​NIES
  • IL-​BIŻAʼ MILL-​MEWT
  • NEGĦLBU L-​BIŻAʼ
  • Ħames Raġunijiet Biex Tibżaʼ Minn Alla Mhux mill-Bniedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ibżaʼ Minn Jehovah u Igglorifika lill-Isem Qaddis Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Żviluppa lil Qalbek Biex Tibżaʼ minn Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ibżaʼ minn Jehovah u Ħares il-Kmandamenti Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
w22 Ġunju pp. 14-19

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 26

L-​Imħabba Kif Tgħinna Negħlbu l-​Biżaʼ?

“Ġeħova qiegħed fuq in-​naħa tiegħi; m’iniex se nibżaʼ.” —SALM 118:6.

GĦANJA 105 “Alla hu mħabba”

ĦARSA BIL-​QUDDIEMa

1. Liema tip taʼ biżaʼ hi komuni?

AĦSEB dwar dawn iċ-​ċirkostanzi li ffaċċjaw xi aħwa. Nestor u l-​mara tiegħu, María, riedu jaqdu fejn kien hemm iktar bżonn.b Biex jagħmlu dan kellhom bżonn jitgħallmu jgħixu b’inqas flus. Imma bdew jibżgħu li jekk ikollhom inqas flus mhux se jkunu ferħanin. Meta Biniam sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, f’pajjiż fejn in-​nies jopponu x-​xogħol tagħna, hu rrealizza li bħala qaddej t’Alla setaʼ jiġi ppersegwitat. Dan beżżaʼ lil Biniam. Imma xi ħaġa li beżżgħetu iktar kienet dak li kienu se jagħmlu tal-​familja tiegħu meta jsiru jafu li hu biddel ir-​reliġjon. U meta Valérie mardet b’tip taʼ kanċer aggressiv, hi sabitha diffiċli ħafna biex issib kirurgu li jirrispetta t-​twemmin tagħha dwar id-​demm. Kellha raġun tibżaʼ li setgħet tmut.

2. Għala rridu naħdmu biex nikkontrollaw il-​biżaʼ?

2 Ġieli bżajt minħabba sitwazzjoni simili? Ħafna minna iva. Jekk ma nitgħallmux nikkontrollaw il-​biżaʼ, nistgħu naslu biex nieħdu deċiżjonijiet ħżiena li jagħmlu l-​ħsara lill-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Dan hu dak li jrid Satana. Hu jipprova juża wkoll il-​biżaʼ biex iġegħelna ma nobdux il-​liġijiet taʼ Ġeħova, inkluż il-​kmand li nippritkaw l-​aħbar tajba. (Riv. 12:17) Satana huwa ħażin, kattiv, u b’saħħtu, imma int tistaʼ tipproteġi lilek innifsek minnu. Kif?

3. X’se jgħinna negħlbu l-​biżaʼ?

3 Meta nkunu ċerti li Ġeħova jħobbna u li qiegħed magħna, Satana mhux se jbeżżagħna. (Salm 118:6) Pereżempju, il-​kittieb taʼ Salm 118 iffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli ħafna. Hu kellu ħafna għedewwa, inkluż xi nies li kellhom il-​poter (versi 9, 10). Xi kultant ħassu anzjuż ħafna (vers 13). U rċieva wkoll dixxiplina soda mingħand Ġeħova (vers 18). Imma s-​salmista xorta kanta: “M’iniex se nibżaʼ.” X’għenu jħossu protett? Hu kien jaf li avolja Ġeħova ddixxiplinah, Missieru tas-​sema kien iħobbu ħafna. Is-​salmista kien ċert li tkun xi tkun is-​sitwazzjoni li jiffaċċja, Ġeħova kien se jkun dejjem lest li jgħinu.—Salm 118:29.

4. Jekk inkunu ċerti li Ġeħova jħobbna liema biżaʼ nistgħu negħlbu?

4 Irridu nkunu ċerti li Ġeħova jħobb lil kull wieħed u waħda minna. Dan se jgħinna negħlbu tliet tipi taʼ biżaʼ komuni, (1) il-​biżaʼ li ma nkunux nistgħu nipprovdu għall-​familja tagħna, (2) il-​biżaʼ min-​nies, u (3) il-​biżaʼ mill-​mewt. L-​aħwa li semmejna fl-​ewwel paragrafu, setgħu jegħlbu l-​biżaʼ tagħhom għaliex kienu ċerti mill-​imħabba t’Alla.

IL-​BIŻAʼ LI MA NKUNUX NISTGĦU NIPPROVDU GĦALL-​FAMILJA TAGĦNA

Ħu li qiegħed mat-​tifel tiegħu fuq moll jitfaʼ x-​xibka.

Ħu li jaħdem bħala sajjied, flimkien mat-​tifel, qed jaħdem biex jipprovdi għall-​familja (Ara paragrafu 5)

5. Liema ċirkostanzi jistgħu jinkwetaw lill-​kap taʼ familja? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

5 Raġel Kristjan li hu kap taʼ familja jieħu bis-​serjetà r-​responsabbiltà biex jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja. (1 Tim. 5:8) Jekk inti kap taʼ familja, forsi matul il-​pandemija inkwetajt li se titlef ix-​xogħol. Forsi inkwetajt li inti mhux se jirnexxilek tipprovdi ikel u post għall-​familja tiegħek. Jistaʼ jkun ukoll li bżajt li jekk titlef ix-​xogħol mhux se jirnexxilek issib ieħor. Jew bħal Nestor u María, li semmejna qabel, forsi inkwetajt li mhux se jirnexxilek tgħix b’inqas flus. Satana rnexxielu jwaqqaf ħafna nies milli jaqdu lil Ġeħova minħabba li ħassewhom hekk.

6. Satana xi jridna naħsbu?

6 Satana jipprova jġegħelna naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex u li hu mhux se jgħinna biex nieħdu ħsieb il-​familja tagħna. Għalhekk, nistgħu naħsbu li aħna rridu nagħmlu minn kollox biex inżommu x-​xogħol li għandna, anke jekk biex nagħmlu dan ninjoraw il-​prinċipji tal-​Bibbja.

7. Ġesù minn xiex jaċċertana?

7 Ġesù, li jaf lil Missierna aħjar minn kulħadd, jaċċertana li Ġeħova ‘jaf x’għandna bżonn saħansitra qabel ma nitolbuh.’ (Mt. 6:8) Hu jaf ukoll li Ġeħova lest li jipprovdilna dak li jkollna bżonn. Bħala Kristjani, aħna nagħmlu parti mill-​familja tiegħu. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li bħala l-​Kap tal-​familja, Ġeħova se japplika l-​prinċipju li qal hu stess fl-​1 Timotju 5:8.

Oħt u t-​tifla tagħha qed jaħslu l-​ħwejjeġ b’idejhom. Ħu u l-​mara tiegħu jġibulhom l-​ikel.

Ġeħova se jara li aħna jkollna l-​bżonnijiet tagħna. Hu jistaʼ juża lill-​aħwa biex jgħinna (Ara paragrafu 8)d

8. (a) X’se jgħinna negħlbu l-​biżaʼ li ma nkunux nistgħu nipprovdu għall-​familja tagħna? (Mattew 6:31-​33) (b) Kif nistgħu nimitaw lill-​koppja fl-​istampa li se jaqsmu l-​ikel maʼ oħt?

8 Meta nkunu ċerti li Ġeħova jħobb lilna u l-​familja tagħna, se nkunu ċerti li se jkollna l-​affarijiet li għandna bżonn. (Aqra Mattew 6:31-​33.) Ġeħova jrid jgħinna, u aħna nafu kemm iħobbna u kemm hu ġeneruż! Meta ħalaq id-​dinja, hu ma taniex biss l-​affarijiet bażiċi li għandna bżonn biex ngħixu imma ħalaq ħafna affarijiet oħrajn biex aħna nieħdu pjaċir bihom. (Ġen. 2:9) Anke jekk xi kultant ikollna b’kemm ngħaddu, għandna dejjem niftakru li dak li għandna hu grazzi għal Ġeħova. (Mt. 6:11) Irridu nżommu f’moħħna li dak li se jagħtina Ġeħova fil-​futur huwa ħafna iktar prezzjuż mill-​affarijiet materjali li nċedu bħalissa. Dan hu dak li rrealizzaw Nestor u María.—Is. 65:21, 22.

9. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Nestor u María?

9 Nestor u María, li kienu jgħixu l-​Kolombja, kellhom dar sabiħa u xogħol tajjeb. Huma jgħidu: “Ħsibna biex nissimplifikaw ħajjitna u nagħmlu iktar għal Ġeħova, imma bżajna li mhux se nkunu ferħanin jekk ikollna inqas flus.” X’għenhom jegħlbu din il-​biżaʼ? Huma ħasbu dwar il-​ħafna modi kif Ġeħova wera li jħobbhom. Peress li kienu ċerti li Ġeħova dejjem kien se jieħu ħsiebhom, kienu lesti li jieqfu mix-​xogħol tajjeb li kellhom. Nestor u María biegħu d-​dar tagħhom u marru jgħixu f’parti fil-​pajjiż fejn kien hemm iktar bżonn taʼ pubblikaturi. Kif iħossuhom dwar id-​deċiżjoni li ħadu? Nestor jgħid: “Aħna rajna kemm hu veru dak li jgħid Mattew 6:33. Qatt ma naqasna xejn u issa qed ngħixu ħajja iktar ferħana.”

IL-​BIŻAʼ MIN-​NIES

10. In-​nies għala jibżgħu minn xulxin?

10 Minn meta Adam u Eva rribellaw kontra Ġeħova, il-​bnedmin għamlu l-​ħsara lil xulxin. (Ekk. 8:9) Pereżempju, nies fil-​poter jabbużaw mill-​awtorità li għandhom, il-​kriminali jużaw il-​vjolenza, xi tfal fl-​iskola jgħajru u jittrattaw ħażin lil tfal oħrajn, u xi nies jaslu wkoll biex ikunu vjolenti maʼ tal-​familja stess. Mela m’għandniex għalfejn niħduha bi kbira li n-​nies jibżgħu minn xulxin! Satana kif juża din il-​biżaʼ kontrina?

11-12. Satana kif juża l-​biżaʼ min-​nies kontrina?

11 Satana jipprova jbeżżagħna min-​nies ħalli b’hekk nieqfu nippritkaw u ma nagħmlux dak li jgħidilna Ġeħova. Taħt l-​influwenza taʼ Satana, il-​gvernijiet waqqfu x-​xogħol tagħna u jippersegwitawna. (Lq. 21:12; Riv. 2:10) Fid-​dinja taʼ Satana ħafna nies ixerrdu informazzjoni falza u gideb dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Nies li jemmnu dan il-​gideb jistgħu jwaqqgħuna għaċ-​ċajt jew anki jattakkawna b’mod fiżiku. (Mt. 10:36) L-​attakki taʼ Satana mhumiex taʼ sorpriża għalina għax hu diġà uża dawn l-​attakki kontra l-​Kristjani tal-​bidu.—Atti 5:27, 28, 40.

Ħu żagħżugħ determinat li jmur għal-​laqgħa, waqt li l-​ġenituri tiegħu qed jgħajtu miegħu minn fuq l-​għatba.

Anke jekk tal-​familja jiħduha kontrina nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jħobbna (Ara paragrafi 12-14)e

12 Il-​biżaʼ mill-​gvernijiet mhix l-​unika arma li juża Satana. Xi wħud, meta jsiru Xhieda taʼ Ġeħova, jibżgħu minn dak li jaħsbu tal-​familja. Kultant dan ibeżżagħhom iktar milli jiġu msawtin. Huma jħobbuhom lil tal-​familja u jixtiequ li anki huma jsiru jafu u jħobbu lil Ġeħova. Huma jiddispjaċihom meta jisimgħu lil tal-​familja jitkellmu bla rispett dwar l-​uniku Alla veru u dwar il-​qaddejja tiegħu. Però, f’xi każijiet, membri tal-​familja li kienu kontra l-​verità saru qaddejja taʼ Ġeħova. Imma ejja ngħidu li tal-​familja ma jkunux iridu jafu iktar bina minħabba li sirna Xhieda taʼ Ġeħova, x’se nagħmlu?

13. Jekk inkunu ċerti li Alla jħobbna, kif se jgħinna meta tal-​familja jiħduha kontrina? (Salm 27:10)

13 Aħna nħossuna inkuraġġiti bil-​kliem sabiħ li nsibu f’​Salm 27:10. (Aqra.) Meta niftakru kemm Ġeħova jħobbna mhux se ninkwetaw anke jekk tal-​familja jiħduha kontrina. U aħna fiduċjużi li hu se jippremjana talli nibqgħu nissaportu. Ġeħova se jagħtina dak kollu li għandna bżonn biex ngħixu, jgħinna nibqgħu kalmi u nkunu kuntenti, u jgħinna nibqgħu qrib tiegħu! Dan hu dak li esperjenza Biniam, li semmejna qabel.

14. X’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju taʼ Biniam?

14 Biniam sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova minkejja li hu kien jaf li l-​gvern fejn kien qed jgħix kien qed jippersegwita bl-​aħrax lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ara kif Biniam irnexxielu jegħleb il-​biżaʼ mill-​bniedem minħabba li kien jaf li Ġeħova jħobbu. Hu jgħid: “Il-​persekuzzjoni kienet agħar milli ħsibt. Imma bżajt iktar mill-​oppożizzjoni tal-​familja tiegħi milli mill-​persekuzzjoni tal-​gvern. Bdejt nibżaʼ li d-​deċiżjoni li ħadt biex insir qaddej taʼ Ġeħova kienet se tiddiżappunta lil missieri li ma kienx Xhud u li l-​familja tiegħi ma kinux se jirrispettawni iktar.” Minkejja dan, Biniam kien konvint li Ġeħova dejjem jieħu ħsieb lil dawk li jħobb. Biniam ikompli jgħid: “Jien immeditajt fuq kif Ġeħova għen lil oħrajn jissaportu sfidi ekonomiċi, il-​preġudizzju, u l-​vjolenza. Jien kont naf li jekk nibqaʼ leali lejn Ġeħova hu kien se jberikni. Meta ġejt arrestat għal diversi drabi u anke ttorturat, jien rajt kemm Ġeħova jgħinna meta jkollna bżonnu jekk nibqgħu leali lejh.” Ġeħova sar Missier reali għal Biniam u l-​aħwa taw prova li huma l-​familja tiegħu.

IL-​BIŻAʼ MILL-​MEWT

15. Għala huwa normali li nibżgħu mill-​mewt?

15 Il-​Bibbja turina li l-​mewt hi għadu tagħna. (1 Kor. 15:25, 26) Meta naħsbu dwar il-​mewt jaf inħossuna anzjużi speċjalment jekk aħna jew xi ħadd li nħobbu jkun marid serjament. Għala nibżgħu mill-​mewt? Għaliex Ġeħova ħalaqna bix-​xewqa li ngħixu għal dejjem. (Ekk. 3:11) Però, il-​biżaʼ mill-​mewt tistaʼ tgħinna biex nipproteġu ħajjitna. Pereżempju, din tistaʼ timmotivana biex nieklu ikel sustanzjuż u nagħmlu l-​eżerċizzju, biex infittxu l-​għajnuna tat-​tobba u nieħdu l-​mediċina meta jkun hemm bżonn, u biex nevitaw il-​periklu bla bżonn.

16. Satana kif jipprova juża l-​biżaʼ mill-​mewt?

16 Satana jaf li nħobbu l-​ħajja, u jgħid li aħna lesti li nċedu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova biex nibqgħu ħajjin. (Ġob 2:4, 5) Xi żball għandu! Imma minħabba li Satana hu “dak li jistaʼ jikkaġuna l-​mewt,” jipprova juża l-​biżaʼ mill-​mewt biex iġegħelna nitilqu lil Ġeħova. (Ebr. 2:14, 15) Xi kultant, nies li huma taħt l-​influwenza taʼ Satana jgħidulna li jekk ma nobdux lilhom se joqtluna. Drabi oħrajn, Satana jistaʼ juża emerġenza medika biex iġegħelna nagħmlu xi ħaġa li ma jridx Ġeħova. It-​tobba jew uħud minn tal-​familja li mhumiex Xhieda jafu jagħmlulna l-​pressjoni biex nieħdu d-​demm, xi ħaġa li tmur kontra l-​liġi taʼ Ġeħova. Jew forsi xi ħadd jipprova jġegħelna naċċettaw trattament li jmur kontra prinċipji tal-​Bibbja.

17. Skont Rumani 8:37-​39, għala m’għandniex nibżgħu mill-​mewt?

17 Għalkemm ma rridux immutu, aħna nafu li Ġeħova mhux se jieqaf iħobbna anke jekk jiġri dan. (Aqra Rumani 8:37-​39.) Meta l-​ħbieb taʼ Ġeħova jmutu, hu jibqaʼ jiftakarhom daqslikieku għadhom ħajjin. (Lq. 20:37, 38) Hu jixxennaq biex jerġaʼ jġibhom lura. (Ġob 14:15) Ġeħova ħallas prezz għoli biex ‘ikollna l-​ħajja taʼ dejjem.’ (Ġw. 3:16) Aħna nafu kemm Ġeħova jħobbna u jimpurtah minna. Għalhekk, minflok ma nitilquh meta nkunu morda jew jhedduna li se joqtluna, għandna nistrieħu fuqu għall-​kuraġġ, l-​għerf, u s-​saħħa. Dan hu eżatt dak li għamlu Valérie u r-​raġel tagħha.—Salm 41:3.

18. X’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju taʼ Valérie?

18 Meta Valérie kellha 35 sena, it-​tobba sabu li għandha kanċer rari u aggressiv. Ara kif l-​imħabba għenitha biex tegħleb il-​biżaʼ mill-​mewt. Hi tgħid: “Meta qaluli li għandi kanċer kien xokk kbir għalija u għar-​raġel tiegħi. Kelli bżonn operazzjoni kbira biex nibqaʼ ħajja. Jien tkellimt maʼ ħafna kirurgi, imma m’aċċettawx li joperawni minħabba li ma ridtx nieħu demm. Vera bżajt! Imma minħabba l-​kmand taʼ Ġeħova jiena m’aċċettajtx li nieħu demm. Matul ħajti, Ġeħova wrieni li jħobbni b’ħafna modi. Issa kien imiss lili biex nurih li nħobbu. Kull darba li kien ikolli aħbar ħażina, kont inkun iktar determinata li nagħmel lil Ġeħova kburi bija u noħroġ lil Satana taʼ giddieb. Meta għamilt l-​operazzjoni kienet taʼ suċċess, u jien ma ħadtx demm. Minkejja li bqajt inbati minn problemi taʼ saħħa, Ġeħova dejjem provdielna dak li kellna bżonn. Pereżempju, matul il-​laqgħa tagħna fil-​weekend qabel sirt naf li kont marida, ikkunsidrajna l-​artiklu ‘Niffaċċjaw l-​Għawġ tal-​Lum bil-​Kuraġġ.’c Dan l-​artiklu inkuraġġiena ħafna. Qrajnieh għal darba wara l-​oħra. Artikli bħal dawn u rutina spiritwali tajba għenu lili u lir-​raġel nibqgħu kalmi u nieħdu deċiżjonijiet tajbin.”

NEGĦLBU L-​BIŻAʼ

19. X’se jiġri dalwaqt?

19 Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Kristjani minn madwar id-​dinja kollha għelbu sitwazzjonijiet diffiċli u rnexxielhom jirbħu lix-​Xitan. (1 Pt. 5:8, 9) Int jistaʼ jirnexxilek ukoll. Dalwaqt, Ġeħova se jagħti kmand lil Ġesù u lil dawk li se jmexxu miegħu ‘biex ikissru l-​għemejjel tax-​Xitan.’ (1 Ġw. 3:8) Imbagħad, in-​nies t’Alla fuq l-​art mhu se jibżgħu u mhu se jitwerwru minn xejn. (Is. 54:14; Mik. 4:4) Però, sa dak iż-​żmien, ejja naħdmu iebes biex negħlbu l-​biżaʼ.

20. X’se jgħinna negħlbu l-​biżaʼ?

20 Irridu nkomplu nsaħħu l-​fiduċja tagħna li Ġeħova jħobb u jipproteġi lill-​qaddejja tiegħu. Se nkunu nistgħu nagħmlu dan billi nimmeditaw u nitkellmu dwar kif Ġeħova pproteġa lill-​qaddejja tiegħu fil-​passat. Ukoll, billi nżommu f’moħħna kif Ġeħova għenna b’mod personali biex niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli. Iva, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova aħna nistgħu negħlbu l-​biżaʼ!—Salm 34:4.

L-​IMĦABBA KIF TISTAʼ TGĦINNA NEGĦLBU L-​BIŻAʼ . . .

  • li ma nkunux nistgħu nipprovdu għall-​familja tagħna?

  • min-​nies?

  • mill-​mewt?

GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu

a Li tibżaʼ mhuwiex dejjem ħażin. Il-​biżaʼ tistaʼ tipproteġina mill-​periklu. Imma xi kultant ma jkunx tajjeb għalina li nibżgħu. Għala? Għax Satana jistaʼ juża din il-​biżaʼ biex iġegħelna nieħdu deċiżjoni ħażina. Għalhekk, huwa importanti li naħdmu iebes biex nikkontrollawha. X’se jgħinna nagħmlu dan? Kif se jurina dan l-​artiklu, meta nkunu ċerti li Ġeħova qiegħed magħna u jħobbna, se nkunu nistgħu negħlbu kull tip taʼ biżaʼ.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

c Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru 2012, paġni 7-​11.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Koppja qed jieħdu l-​ikel lil oħt u l-​familja tagħha.

e X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Il-​ġenituri taʼ ħu żagħżugħ qed jiħduha kontrih għax qed jaqdi lil Ġeħova, imma hu konvint li Ġeħova se jgħinu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja