Għajnuna għall-Familji
1. Is-Sabat taʼ kull ġimgħa kif kien taʼ benefiċċju għall-familji Iżraelin?
1 L-osservanza tas-Sabat kienet provvediment kollu mħabba mingħand Ġeħova li kien taʼ benefiċċju għall-familji. L-Iżraelin kien jistrieħu mix-xogħlijiet tas-soltu tagħhom u kellhom ħin biex jirriflettu fuq it-tjubija taʼ Ġeħova u fuq ir-relazzjoni tagħhom miegħu. Il-ġenituri setgħu jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità biex inaqqxu l-Liġi f’qalb uliedhom. (Dt. 6:6, 7) Is-Sabat ipprovda ħin kull ġimgħa għan-nies taʼ Ġeħova biex jiffokaw fuq ir-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova.
2. Is-Sabat x’jgħallimna dwar Ġeħova?
2 M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova m’għadux jirrikjedi li l-familji josservaw is-Sabat. Madankollu, din il-liġi tgħallimna xi ħaġa dwar Alla tagħna. Hu minn dejjem kien interessat profondament fil-benesseri spiritwali taʼ niesu. (Is. 48:17, 18) Illum, mod wieħed kif Ġeħova jesprimi dan l-interess kollu mħabba hu permezz tal-lejla tal-Qima tal-Familja.
3. X’inhu l-iskop tal-lejla tal-Qima tal-Familja?
3 X’Inhu l-Iskop tal-Lejla tal-Qima tal-Familja? F’Jannar tal-2009, l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni beda jinżamm fl-istess lejla tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u tal-Laqgħa tas-Servizz. Raġuni waħda għal dan l-aġġustament kien biex il-familji jkollhom opportunità jsaħħu l-ispiritwalità tagħhom billi jagħżlu lejla speċifika kull ġimgħa għall-qima tal-familja. Kull familja ġiet inkuraġġita biex tagħmel l-istudju tal-familja tagħha fil-lejla li qabel kienet tintuża għall-istudju tal-ktieb, jekk dan kien prattiku, u biex tuża dan il-ħin għal diskussjoni u studju tal-Bibbja bla għaġla mfasslin għall-bżonnijiet tal-familja.
4. Il-familja bilfors trid tillimita d-diskussjoni tagħha għal siegħa biss? Spjega.
4 Sabiex nattendu l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni, kellna bżonn il-ħin biex nilbsu, nivvjaġġaw, eċċetra. Għal ħafna minna, biex attendejna din il-laqgħa taʼ siegħa ħadilna ħafna iktar minn siegħa biss. Bl-aġġustament fl-iskeda tagħna tal-laqgħa, issa għandna din il-lejla biex inqimu lil Ġeħova bħala familja. Għalhekk, m’għandniex għalfejn nillimitaw il-lejla tal-Qima tal-Familja tagħna għal siegħa biss. Minflok, għandna naħsbu dwar il-bżonnijiet u l-limitazzjonijiet tal-familja tagħna u fi qbil maʼ dan niddeċiedu kemm għandna nwarrbu ħin għaliha.
5. Hemm bżonn li nqattgħu l-ħin kollu f’diskussjoni bħala grupp? Spjega.
5 Hemm Bżonn li Nqattgħu l-Ħin Kollu f’Diskussjoni Bħala Grupp? Meta koppji miżżewġin u familji bi tfal jiddiskutu suġġetti Skritturali flimkien, huma jinkuraġġixxu lil xulxin. (Rum. 1:12) Il-familja tersaq eqreb lejn xulxin. Għalhekk, diskussjonijiet Skritturali għandhom ikunu l-iktar parti importanti tal-lejla tal-Qima tal-Familja. Madankollu, kull membru tal-familja jistaʼ wkoll iqattaʼ xi ħin fi studju persunali. Pereżempju, wara d-diskussjoni bħala grupp, il-familja forsi tibqaʼ flimkien waqt li kull individwu jkompli jistudja separatament, forsi billi jlesti l-preparazzjoni tiegħu għal-laqgħat jew il-qari tar-rivisti. Xi familji jagħżlu li t-televixin iħalluh mitfi l-lejla kollha.
6. Id-diskussjoni kif tistaʼ titmexxa?
6 Id-Diskussjoni Kif Tistaʼ Titmexxa? Id-diskussjoni m’għandhiex għalfejn tkun dejjem f’forma taʼ mistoqsija u tweġiba. Sabiex jagħmlu l-lejla tal-Qima tal-Familja ferriħija u interessanti, ħafna familji għandhom programm li hu simili għal-laqgħa tagħna taʼ matul il-ġimgħa. Huma jaqsmu d-diskussjoni tagħhom f’diversi partijiet u jittrattawhom b’diversi modi. Pereżempju, għandhom mnejn jaqraw il-Bibbja flimkien, jippreparaw għal parti mil-laqgħat, u jipprattikaw metodi differenti għall-ministeru. F’paġna 6 hemm xi suġġerimenti.
7. Il-ġenituri għandhom jistinkaw għal liema atmosfera?
7 Il-Ġenituri Għandhom Jistinkaw Għal Liema Atmosfera? Il-familja tiegħek se titgħallem l-aħjar f’atmosfera taʼ mħabba u rilassata. Kultant tistgħu tagħmlu l-istudju barra, jekk it-temp ikun sabiħ. Tiddejqux tieqfu minn ħin għal ħin meta jkun hemm bżonn. Xi familji jieklu xi ħaġa ħafifa wara l-programm. Filwaqt li l-ġenituri mhux se jużaw il-lejla tal-Qima tal-Familja biex iċanfru jew jiddixxiplinaw, forsi jkollhom jiddedikaw ftit mill-ħin biex jieħdu ħsieb tendenza jew problema speċifika li saru jafu biha. Madankollu, forsi jkun aħjar li jiddiskutu kwistjonijiet persunali li huma sensittivi maʼ xi ħadd mit-tfal fil-privat f’ħin ieħor matul il-ġimgħa sabiex ma jimbarazzawhx quddiem ħutu. Il-lejla tal-Qima tal-Familja m’għandhiex tkun okkażjoni taʼ dwejjaq jew serja żżejjed, imma għandha tirrifletti l-Alla l-hieni li nqimu aħna.—1 Tim. 1:11.
8, 9. Liema preparazzjoni hi meħtieġa mill-kapijiet tal-familja?
8 Il-Kap tal-Familja Kif Jistaʼ Jipprepara? Il-familja se tibbenefika l-iktar jekk il-kap tal-familja jipprepara bil-quddiem għal kull lejla tal-Qima tal-Familja billi jiddeċiedi x’għandu jiġi diskuss u kif jistgħu jikkunsidrawh bl-aħjar mod. (Prov. 21:5) Raġel miżżewweġ jagħmel tajjeb jekk jitkellem maʼ martu rigward dan. (Prov. 15:22) Kapijiet tal-familja, kultant għax ma tistaqsux lil uliedkom ukoll għas-suġġerimenti tagħhom? Jekk tagħmlu hekk, se tiksbu dehen imprezzabbli dwar dak li jinteressahom u jinkwetahom.
9 Fil-biċċa l-kbira mill-ġimgħat, il-kap tal-familja mhux se jkollu jqattaʼ ħin twil jipprepara. X’aktarx li l-familja se tieħu gost jekk ikollha ċerti aspetti regulari kull ġimgħa, u l-kap tal-familja mhux se jkollu jivvinta programm ġdid għalkollox kull darba. Jistaʼ jsibu taʼ vantaġġ jekk jipprepara wara kull studju waqt li l-bżonnijiet spiritwali taʼ familtu għadhom friski f’moħħu. Xi kapijiet tal-familja jiktbu aġenda qasira u jwaħħluha xi mkien fejn il-familja tistaʼ taraha faċilment, bħal fuq il-friġġ. Dan joħloq eċċitament u antiċipazzjoni u jagħti lill-familja ħin biex tipprepara jekk ikun hemm bżonn.
10. Dawk li jgħixu waħedhom kif jistgħu jużaw il-lejla tal-Qima tal-Familja tagħhom?
10 Xi Ngħidu Għal Dawk li Huma Waħedhom? Dawk li jgħixu waħedhom jistgħu jużaw il-lejla tal-Qima tal-Familja għal studju persunali. Programm taʼ studju persunali bażiku u siewi għandu jinkludi l-qari tal-Bibbja, il-preparazzjoni għal-laqgħat, u l-qari tat-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! Xi pubblikaturi, flimkien maʼ dan, jagħmlu proġett taʼ studju persunali. Kultant, għandhom mnejn ikunu jridu jistiednu pubblikatur ieħor jew xi familja biex tingħaqad magħhom għal diskussjoni Skritturali li tibni.
11, 12. X’inhuma xi ftit mill-benefiċċji meta jkollna lejla regulari tal-Qima tal-Familja?
11 X’Inhuma l-Benefiċċji Meta Jkollna Lejla Regulari tal-Qima tal-Familja? Dawk li jieħdu sehem b’qalb sħiħa fil-qima vera jersqu eqreb lejn Ġeħova. Barra minn dan, familji li jqimu flimkien isaħħu r-rabta tal-familja. Koppja miżżewġa kitbu dwar il-barkiet li qed igawdu: “Bħala koppja li naqdu bħala pijunieri u li m’għandniex tfal, verament inħarsu ’l quddiem għal-lejla tal-Qima tal-Familja tagħna. Inħossuna li qed nersqu eqreb lejn xulxin u lejn Missierna tas-sema. Issa meta nqumu dakinhar li nkunu warrabna biex nistudjaw flimkien, ngħidu lil xulxin: ‘Aqtaʼ x’se nagħmlu llejla? Il-Qima tal-Familja!’”
12 L-arranġament għal-lejla tal-qima tal-familja qed jgħin ukoll lil familji li jkollhom ħafna x’jagħmlu. Waħda omm li qed trabbi żewġ ulied subien waħedha u li qed taqdi bħala pijuniera regulari kitbet: “Fil-passat, l-istudju tal-familja tagħna kien batut. Kien irregulari u inkonsistenti għax kont inkun għajjiena. Ma stajtx nara kif kont se ndaħħlu fir-rutina. Allura qed niktbilkom biex nirringrazzjakom ħafna għal-lejla tal-Qima tal-Familja. B’suċċess qed ikollna studju tal-familja regulari u qed nesperjenzaw il-benefiċċji.”
13. X’jiddetermina kemm il-familja tiegħek se tibbenefika minn dan l-arranġament?
13 Bħas-Sabat, il-lejla tal-Qima tal-Familja hi għotja mingħand Missierna tas-sema li tistaʼ tgħin lill-familji. (Ġak. 1:17) Il-mod kif il-familji Iżraelin użaw is-Sabat iddetermina kemm ibbenefikaw spiritwalment. B’mod simili, il-mod kif nużaw il-lejla li ngħatatilna għall-qima tal-familja jiddetermina kemm il-familja tagħna se tibbenefika. (2 Kor. 9:6; Gal. 6:7, 8; Kol. 3:23, 24) Billi tagħmel użu tajjeb minn dan l-arranġament, familtek tistaʼ tidwi s-sentimenti tas-salmista: “Imma min-naħa tiegħi, li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija. Fil-Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.”—Salm 73:28.
[Kumment f’paġna 5]
Il-lejla tal-Qima tal-Familja m’għandhiex tkun okkażjoni taʼ dwejjaq jew serja żżejjed, imma għandha tirrifletti l-Alla l-hieni li nqimu aħna
[Kaxxa f’paġna 6]
ERFGĦU
Xi Ideat għal-Lejla tal-Qima tal-Familja
Bibbja:
• Aqraw silta mill-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa flimkien. Jekk il-materjal ikun adattat, individwu jistaʼ jaqra r-rakkont, u oħrajn jistgħu jaqraw il-kliem tal-karattri differenti.
• Irreċtaw silta mill-qari tal-Bibbja.
• Inkariga lil kull membru tal-familja biex jaqra l-kapitli tal-Bibbja li jmiss bil-quddiem u biex jieħu nota taʼ mistoqsija jew tnejn li jkollu fuq il-materjal. Imbagħad għamlu riċerka fuq il-mistoqsijiet taʼ kulħadd flimkien.
• Kull ġimgħa ppreparaw karta żgħira b’vers Bibliku miktub fuqha u pprovaw tgħallmuh bl-amment u spjegawh. Ġemmgħu kollezzjoni minn dawn il-karti, u rriveduhom kull ġimgħa biex taraw kemm tiftakru mill-iskritturi.
• Isimgħu rekording bl-awdjo tal-qari tal-Bibbja waqt li ssegwu fil-Bibbja.
Laqgħat:
• Ippreparaw flimkien għal parti mil-laqgħat.
• Ipprattikaw l-għanjiet tas-Saltna li nkunu se nkantaw matul il-ġimgħa li ġejja.
• Jekk xi ħadd għandu taħdita fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku jew turija fil-Laqgħa tas-Servizz, iddiskutu ideat dwar kif tistaʼ tiġi preżentata, jew ipprattikawha quddiem il-familja.
Bżonnijiet tal-Familja:
• Ikkunsidraw materjal mill-kotba Iż-Żgħażagħ Jistaqsu jew Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir.
• Agħmlu sessjoni taʼ prattika taʼ kif għandha tiġi trattata sitwazzjoni li tistaʼ tinqalaʼ fl-iskola.
• Agħmlu sessjoni taʼ prattika li fiha l-ġenituri u t-tfal ibiddlu l-irwoli. It-tfal jagħmlu riċerka fuq xi suġġett u mbagħad jirraġunaw mal-ġenituri.
Ministeru:
• Agħmlu sessjonijiet taʼ prattika biex tippreparaw preżentazzjonijiet għal tmiem il-ġimgħa.
• Iddiskutu miri realistiċi li l-familja tistaʼ tagħmel biex iżżid is-sehem tagħha fil-ministeru matul l-istaġun tat-Tifkira jew fil-vaganzi.
• Agħti lil kull membru tal-familja ftit minuti biex ifittex kif iwieġeb mistoqsijiet differenti li jistgħu jinqalgħu fil-ministeru, u mbagħad ipprattikawhom.
Suġġerimenti Oħrajn:
• Flimkien aqraw artiklu mir-rivisti kurrenti.
• Inkariga lil kull membru tal-familja jaqra bil-quddiem artiklu li jinteressah mir-rivisti kurrenti, u mbagħad staqsih biex jagħti rapport dwaru.
• Kultant stiednu pubblikatur jew koppja biex tingħaqad magħkom għal-lejla tal-Qima tal-Familja tagħkom, u forsi tistgħu tintervistawhom.
• Araw u ddiskutu wieħed mill-vidjos tagħna.
• Iddiskutu flimkien artikli taż-“Żgħażagħ Jistaqsu” jew “Għal Reviżjoni Bħala Familja” minn Stenbaħ!
• Iddiskutu flimkien artikli tal-“Għallem lil Uliedek” jew “Għaż-Żgħażagħ” mit-Torri tal-Għassa.
• Aqraw u ddiskutu silta mill-Yearbook kurrenti jew minn xi ħarġa mill-konvenzjoni distrettwali tal-aħħar.
• Wara li tattendu xi konvenzjoni jew assemblea, irrivedu l-punti prinċipali.
• Osservaw xi ħaġa mill-ħolqien taʼ Ġeħova, u ddiskutu x’tgħallimna dwar Ġeħova.
• Aħdmu fuq proġett flimkien, bħal xi mudell, mappa, jew tabella.