Ix-Xhieda taʼ Ġeħova—Organizzati Biex Jaqsmu l-Aħbar Tajba m’Oħrajn
Għal iktar minn 100 sena, ix-Xhieda taʼ Ġeħova organizzaw ruħhom biex jaqsmu l-aħbar tajba. F’din l-akbar kampanja taʼ ppritkar li qatt rat id-dinja, aħna nxandru dan il-messaġġ b’mijiet taʼ lingwi u f’iktar minn 230 pajjiż. (Mt. 24:14) Għala huwa neċessarju dan ix-xogħol? Kif qed jitwettaq fuq skala globali? Id-DVD Jehovah’s Witnesses—Organized to Share the Good News iwieġeb dawn il-mistoqsijiet billi jipprovdi ħarsa dettaljata dwar id-diversi aspetti tal-attivitajiet internazzjonali tagħna. Wara li tara d-DVD, ikkunsidra l-mistoqsijiet li ġejjin.
Dan id-DVD kif kabbar l-apprezzament tiegħek (1) għall-isforz li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova qed tagħmel biex tqassam l-aħbar tajba? (2 Tim. 4:2) (2) għall-familji taʼ Betel madwar id-dinja? (3) għat-taħriġ edukattiv provdut għall-missjunarji u għall-indokraturi? (2 Tim. 2:2) (4) għall-importanza biex tibda l-ġurnata billi tikkunsidra l-iskrittura tal-jum u tipprepara kull ġimgħa għal-laqgħat tal-kongregazzjoni? (Atti 17:11) (5) għall-benefiċċji li nattendu l-laqgħat Kristjani tagħna? (Ebr. 10:24, 25) (6) għall-barkiet li se tirċievi meta l-art terġaʼ ssir Ġenna? (Is. 11:9) (7) għall-privileġġ li għandek biex tieħu sehem fix-xogħol tal-ħsad li għadu sejjer?—Ġw. 4:35.
Dan id-DVD wera li kien għodda eċċellenti biex lin-nies li juru interess tagħmilhom familjari max-xogħol taʼ madwar id-dinja li qed isir mix-Xhieda taʼ Ġeħova. (8) Meta jkun tajjeb li nuru d-DVD lill-istudenti tal-Bibbja tagħna, lil qrabatna, u lil oħrajn? (9) Liema reazzjoni pożittiva rajt meta wrejthulhom?
Hekk kif nirriflettu fuq dak li qed iwettaq Ġeħova, aħna nitqanqlu biex nidwu dawn is-sentimenti tas-salmista: “Int għamilt ħafna affarijiet, iva, għemejjel taʼ l-għaġeb, O Ġeħova Alla tiegħi, u ħsibijietek huma dwarna; ħadd ma jistaʼ jitqabbel miegħek.” (Salm 40:5) Jalla nużaw dan id-DVD b’mod tajjeb billi ngħinu lil oħrajn jiżviluppaw apprezzament għal Ġeħova u għall-organizzazzjoni tiegħu!