Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
1. Liema pubblikazzjoni ħarġet fil-konvenzjoni distrettwali tal-2010, u kif se nużawha?
1 Kemm konna eċċitati meta ħareġ ktieb ġdid b’dan it-titlu fil-Konvenzjoni Distrettwali tal-2010 “Ibqaʼ Qrib taʼ Ġeħova!” Din il-pubblikazzjoni tenfasizza tagħlimiet għall-ħajja tagħna taʼ kuljum li jinsabu fil-ktieb taʼ Ġeremija u dak tal-Lamentazzjonijiet. (Rum. 15:4) Dan il-ktieb hu mħejji biex nużawh fl-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni, u għalhekk se nibdew nistudjawh mill-ġimgħa li tibda 5 taʼ Novembru, 2012.
2. Għala nistgħu nibbenefikaw minn studju tal-ktieb Bibliku taʼ Ġeremija u dak tal-Lamentazzjonijiet?
2 Taʼ Benefiċċju Llum: Ġeremija, il-kittieb taʼ dan il-ktieb Bibliku ispirat, ipprofetizza matul żmien taʼ taqlib fil-Lhudija. Għall-ewwel, ma ħassux kwalifikat għall-inkarigu li ngħata. (Ġer. 1:6) Ukoll, hu ġie persegwitat minn nies li kien jafhom u forsi minn xi qraba mill-belt fejn kien joqgħod, Għanatot. (Ġer. 11:21, 22) Nistgħu nifhmu għala Ġeremija kultant ħassu skuraġġit. (Ġer. 20:14) Hekk kif inwettqu l-inkarigu tagħna biex ‘nagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha,’ spiss nesperjenzaw sfidi u sentimenti simili għal dawk li esperjenza Ġeremija. (Mt. 28:19) Hekk kif nistudjaw il-kitbiet tiegħu se niġu megħjunin biex inwettqu l-ministeru tagħna b’fiduċja u b’żelu.
3. Kif se nużaw ċerti aspetti tal-ktieb Ġeremija?
3 Affarijiet li Jispikkaw fil-Ktieb: Skritturi prinċipali li għandhom jinqraw matul id-diskussjoni huma miktubin bil-korsiv. Kull ġimgħa, fit-tmiem taʼ kull studju hemm mistoqsija sinifikanti jew tnejn miktubin b’tipa grassa li jenfasizzaw il-punti prinċipali tal-lezzjoni. Dawn il-mistoqsijiet għandhom isiru lill-udjenza bħala reviżjoni. Fil-ktieb hemm stampi mill-isbaħ li l-kongregazzjoni bla dubju se tkun trid tikkummenta dwarhom.
4. Kif nistgħu nibbenefikaw bis-sħiħ mill-istudju tal-ktieb Ġeremija?
4 Sabiex tibbenefika bis-sħiħ, ipprepara l-lezzjoni minn qabel. Fittex punti li tistaʼ tużahom fil-ħajja u l-ministeru tiegħek. Ikkummenta kemm jistaʼ jkun. Bil-barka taʼ Ġeħova, Ġeremija wettaq l-inkarigu tiegħu b’ferħ u b’kuntentizza. (Ġer. 15:16) Jalla l-istudju tagħna taʼ din il-pubblikazzjoni ġdida jgħinna nwettqu l-ministeru tagħna bl-istess mod!