Ħares lill-Kuxjenza Tiegħek
1. X’inhi t-tema tal-jum t’assemblea speċjali għas-sena taʼ servizz 2013, u x’inhu l-iskop tal-programm?
1 Kull ġurnata, aħna niġu esposti għal sitwazzjonijiet li jistgħu ma jħalluniex inħarsu lill-kuxjenza tagħna. Hu proprju għalhekk li l-programm tal-jum t’assemblea speċjali għas-sena taʼ servizz 2013, li tibda fl-1 taʼ Settembru, 2012, għandu t-tema “Ħares lill-Kuxjenza Tiegħek.” (1 Tim. 1:19) Il-programm ġie mħejji biex jgħin lil kull wieħed u waħda minna ħalli b’serjetà u b’attenzjoni jara kif qed juża din l-għotja rimarkevoli mingħand il-Ħallieq tagħna.
2. Liema mistoqsijiet importanti se jitwieġbu matul il-programm?
2 Fittex Dawn il-Punti: Il-programm se jwieġeb seba’ mistoqsijiet prinċipali rigward il-kuxjenza:
• X’inhu taʼ periklu għall-kuxjenza?
• Kif nistgħu nħarrġu l-kuxjenza tagħna?
• Kif inhu possibbli li nkunu meħlusin mid-demm tal-bnedmin kollha?
• Il-mod kif naħsbu u naġixxu fuq il-prinċipji tal-Bibbja, x’jirrivela dwarna?
• Kif nistgħu nevitaw li nweġġgħu lill-oħrajn fejn jidħlu kwistjonijiet taʼ kuxjenza?
• Żgħażagħ, kif tistgħu tkampaw meta tkunu taħt pressjoni biex tagħmlu kompromess?
• Liema barkiet igawdu dawk li jsegwu l-kuxjenza tagħhom li tkun immexxija mill-ispirtu?
3. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-programm?
3 Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nirreżistu l-isforzi li jagħmel Satana biex iħassrilna l-kuxjenza tagħna. Permezz tal-Kelma u l-organizzazzjoni t’Alla, Missierna tas-sema kollu mħabba qed jgħidilna: “Din hi t-triq. Imxu fiha.” (Is. 30:21) Dan il-programm hu mod wieħed kif Ġeħova qed jipprovdi gwida bħal din. Għalhekk, agħmel arranġamenti biex tattendi l-assemblea kollha kemm hi. Oqgħod attent, u ara kif tistaʼ tapplika personalment dak li tkun tgħallimt. Tkellmu dwar il-programm bħala familja. Jekk inpoġġu fil-prattika l-istruzzjoni li nirċievu se niġu msaħħin biex inkomplu ‘nżommu kuxjenza tajba’ u se niġu megħjunin nevitaw li nitħajru niġu żvijati mill-pjaċiri temporanji tad-dinja taʼ Satana.—1 Pt. 3:16.