Ħares lil Moħħok
1. X’inhi t-tema tal-assemblea tas-circuit għas-sena taʼ servizz 2013, u x’inhu l-għan tal-programm?
1 Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex iħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, u b’moħħhom kollu. (Mt. 22:37, 38) Il-konvenzjoni, l-assemblea tas-circuit, u l-jum t’assemblea speċjali taʼ din is-sena ġew imfasslin biex jgħinuna nsaħħu l-persuna li aħna minn ġewwa. Bħalma tistgħu tiftakru, it-tema tal-konvenzjoni distrettwali tagħna hi “Ħares lil Qalbek!” It-tema tal-programm tal-jum t’assemblea speċjali għas-sena taʼ servizz 2013 hi “Ħares lill-Kuxjenza Tiegħek.” U s-serje tal-assembleat tas-circuit li tibda x-xahar id-dieħel se jkollha t-tema “Ħares lil Moħħok,” ibbażata fuq Mattew 22:37. Dan il-programm hu mfassal biex jgħin lil kull wieħed u waħda minna janalizza l-ħsibijiet tiegħu stess bl-għan li jagħmilhom jogħġbu iktar lil Ġeħova.
2. Għal liema mistoqsijiet għandna nfittxu t-tweġibiet matul il-programm?
2 X’Se Jiġi Preżentat: Hekk kif nisimgħu l-assemblea tas-circuit, għandna nfittxu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet, li jirrappreżentaw il-punti prinċipali:
• Kif nistgħu nevitaw li naħsbu ‘l-ħsibijiet tal-bniedem’?
• Kif nistgħu ngħinu f’li jitneħħa l-velu li jagħmi l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux?
• Liema attitudni mentali jrid ikollna?
• X’inhuma l-benefiċċji li jiġu minn meditazzjoni xierqa?
• Kif nistgħu nħallu lil Ġeħova jsawwar il-ħsib tagħna?
• L-irġiel miżżewġin, in-nisa miżżewġin, il-ġenituri, u t-tfal, kif jistgħu jikkontribwixxu għall-hena fil-familja?
• Kif nistgħu nkunu lesti għall-jum taʼ Ġeħova?
• Xi jfisser li nħejju lil moħħna għal attività intensiva?
• X’benefiċċji jiksbu l-uħud li japplikaw dak li jitgħallmu?
3. Għala hu importanti li nattendu kemm is-Sibt u kemm il-Ħadd, noqogħdu attenti, u napplikaw dak li nitgħallmu?
3 Satana qed jiġġieled biex jikkorrompi l-mod kif naħsbuha. (2 Kor. 11:3) Għalhekk, irridu nipproteġu lil moħħna u nikkontrollaw il-ħsibijiet tagħna. Għandna bżonn inkomplu nirriflettu l-moħħ taʼ Kristu u niġġieldu kontra l-influwenzi taʼ din id-dinja mingħajr liġi. (1 Kor. 2:16) Għalhekk, agħmel arranġamenti biex tattendi kemm is-Sibt u kemm il-Ħadd tal-assemblea tas-circuit. Oqgħod attent. Jekk napplikaw l-informazzjoni vitali li tiġi preżentata se niġu megħjunin inħejju lil moħħna għas-servizz żeluż tas-Saltna.—1 Pt. 1:13.