Uża l-Websajt Tagħna Biex Tgħallem lil Uliedek
1. X’inhi l-mira tas-sezzjoni “Tfal” fil-Websajt tagħna?
1 Il-Websajt tagħna, jw.org/mt, hi disinjata biex tolqot lil nies taʼ kull età. Is-sezzjoni tal-Websajt bit-titlu “Tfal” (ikklikkja fuq Tagħlim tal-Bibbja > Tfal) tgħin lit-tfal żgħar u l-ġenituri tagħhom biex jersqu qrib taʼ xulxin u taʼ Ġeħova. (Dt. 6:6, 7) Kif tistaʼ tuża din is-sezzjoni biex tgħallem lil uliedek?
2. Kif tistaʼ tagħżel materjal xieraq għall-età taʼ wliedek biex tistudja magħhom?
2 Kun Lest li Tadatta: It-tfal kollha għandhom il-bżonnijiet partikulari tagħhom. (1 Kor. 13:11) Allura, kif tistaʼ tagħżel materjal xieraq għall-età taʼ wliedek biex tistudja magħhom? Staqsi lilek innifsek: ‘X’se jinteressa lil uliedi? Kemm se jifhmu? Kemm se jirnexxilhom idumu attenti?’ Mat-tfal li għandhom tliet snin jew inqas, tistaʼ tiddiskuti l-istejjer li ssib fis-sezzjoni “Nitgħallem mill-Bibbja.” Familji oħrajn jieħdu pjaċir bl-istejjer tal-Bibbja li jinsabu fis-sezzjoni “Għallem lil Uliedek.” Ukoll ikkunsidra s-suġġerimenti li ġejjin.
3. Il-ġenituri kif jistgħu jużaw b’mod effettiv l-istejjer u l-attivitajiet li jinsabu fis-sezzjoni “Proġetti għall-Qima tal-Familja”?
3 Proġetti għall-Qima tal-Familja: Dawn il-proġetti huma għodda biex tgħin lill-kapijiet tal-familja jistudjaw maʼ wliedhom. Biex issir taf kif tuża l-istejjer u l-attivitajiet, agħfas il-buttuna biex tiddawnlowdja u aqra l-“Gwida għall-Ġenituri” għal kull proġett. Uża l-attivitajiet bl-istampi, bħall-paġni biex jiġu mpinġijin bil-kulur, sabiex tgħallem tfal iżgħar. Għin lil tfal akbar ilestu l-attivitajiet għall-istudju. L-attivitajiet kollha f’kull proġett huma relatati mal-istess storja jew lezzjoni tal-Bibbja, u għalhekk it-tfal taʼ kull età jistgħu jieħdu sehem fl-istess proġett għall-qima tal-familja.
4. X’tistaʼ ssib fis-sezzjoni “Sir Ħabib taʼ Ġeħova”?
4 Sir Ħabib taʼ Ġeħova: Il-vidjows, l-għanjiet, u l-attivitajiet f’din is-sezzjoni tal-Websajt tagħna jgħinu lill-ġenituri biex inaqqxu l-Kelma t’Alla fit-tfal ċkejknin tagħhom. (Dt. 31:12) Kull vidjow tal-kartun qasir jgħallem lezzjoni importanti. Attivitajiet bħal fittex u sib jenfasizzaw dawn il-lezzjonijiet. Ladarba t-tfal iħobbu jkantaw—u l-għanjiet jgħinu lit-tfal jiftakru dak li tgħallmu—għanjiet tas-Saltna u għanjiet miktubin apposta għalihom jittellgħu regolarment fuq il-Websajt.
5. Il-ġenituri għala għandhom jitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom jgħallmu l-verità lil uliedhom?
5 Ġenituri, Ġeħova jridkom tirnexxu bħala ommijiet u missirijiet. Għalhekk, itolbuh biex jgħinkom tgħallmu lil uliedkom il-verità. (Mħ. 13:8) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, tistgħu tħarrġu lil uliedkom biex isiru ‘għorrief għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.’—2 Tim. 3:15; Prov. 4:1-4.