Ħu bħala mudell lill-profeti—Mikea
1. Mikea għandu mnejn ħaseb dwar liema mistoqsija, u għala l-ippritkar tiegħu ma kienx fieragħ?
1 ‘Meta se jiġi t-tmiem taʼ din is-sistema mħassra?’ Il-profeta Mikea għandu mnejn ħaseb dwar mistoqsija simili hekk kif xandar il-messaġġi taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova kontra s-saltniet taʼ Iżrael u Ġuda. Iżda l-ippritkar tiegħu ma kienx fieragħ. Fis-sena 740 QEK, matul il-ħajja taʼ Mikea, twettaq il-kliem taʼ Ġeħova kontra s-Samarija. (Mik. 1:6, 7) Iktar tard, Ġerusalemm inqerdet fis-sena 607 QEK. (Mik. 3:12) Kif nistgħu nimitaw lil Mikea hekk kif nistennew it-twettiq tal-ġudizzji taʼ Ġeħova fi żmienna?
2. Kif u għala nuru l-paċenzja hekk kif nistennew il-jum taʼ Ġeħova?
2 Kun paċenzjuż: Mikea kiteb: “Jien lil Ġeħova nibqaʼ nfittex. Jien se nistenna b’attitudni xierqa lill-Alla tas-salvazzjoni tiegħi.” (Mik. 7:7) M’għandniex xi ngħidu, Mikea ma qagħadx jistenna t-tmiem b’idejh fuq żaqqu. Baqaʼ bieżel bħala l-profeta taʼ Ġeħova. Hekk kif nistennew il-jum taʼ Ġeħova, aħna wkoll għandna nieħdu sehem f’“atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Pt. 3:11, 12) Il-paċenzja taʼ Ġeħova tagħti lin-nies ċans biex jindmu. (2 Pt. 3:9) Għalhekk, nieħdu bis-serjetà t-twissija divina biex nimitaw il-paċenzja tal-profeti.—Ġak. 5:10.
3. Għala għandna nitolbu lil Ġeħova bil-ħrara għall-ispirtu qaddis tiegħu?
3 Strieħ fuq is-saħħa taʼ Ġeħova: Għalkemm Mikea kellu inkarigu diffiċli, hu dar lejn Ġeħova għas-saħħa biex iwettqu. (Mik. 3:8) Mhux taʼ b’xejn li l-Kelma taʼ Ġeħova tħeġġiġna biex nistrieħu fuq Alla għas-saħħa. Hu b’mod ġeneruż jagħti l-qawwa lill-għajjenin biex ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet teokratiċi tagħhom. (Salm 84:5, 7; Is. 40:28-31) Int esperjenzajt dan personalment fis-servizz sagru tiegħek? Titlob regolarment lil Ġeħova għall-għajnuna tal-ispirtu qaddis setgħan tiegħu?—Lq. 11:13.
4. Il-ħajja taʼ Mikea għala hi t’eżempju tajjeb għalina llum?
4 Matul ħajtu kollha, l-iktar ħaġa importanti għal Mikea kienet li jagħmel ir-rieda t’Alla. Hu kien determinat li jibqaʼ leali avolja kien imdawwar mit-taħsir morali. B’mod simili, l-integrità tagħna kuljum tgħaddi mill-provi. Għalhekk, ejja nsaħħu d-determinazzjoni tagħna biex “nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—Mik. 4:5.