Kif nidher f’għajnejn Ġeħova?
1. Il-Bibbja kif inhi bħal mera?
1 Kemm spiss tħares fil-mera? Il-biċċa l-kbira minna nagħmlu dan kuljum għax b’hekk inkunu nistgħu naraw affarijiet fid-dehra fiżika tagħna li jkollhom bżonn l-attenzjoni. Il-Bibbja ġiet imxebbha maʼ mera. Meta naqraw il-Kelma t’Alla aħna niġu megħjunin biex naraw il-persuna ġewwinija tagħna, il-persuna li jara Ġeħova. (1 Sam. 16:7; Ġak. 1:22-24) Il-Kelma t’Alla tistaʼ “tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb.” (Ebr. 4:12) Il-qari u l-meditazzjoni fuq il-Bibbja kuljum kif se jgħinuna naraw liema aspetti rridu nsaħħu ħalli nkunu evanġelizzaturi iktar effettivi?—Salm 1:1-3.
2. Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinna neżaminaw lilna nfusna?
2 Uża l-Bibbja bħala mera: Rakkonti Bibliċi taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova jgħallmuna liema kwalitajiet jgħożż. Pereżempju, David wera żelu għal isem Alla. (1 Sam. 17:45, 46) Isaija b’kuraġġ offra li jmur jipprietka f’territorju diffiċli. (Is. 6:8, 9) L-imħabba profonda li Ġesù għandu għal Missieru tas-sema qanqlitu jħares lejn il-ministeru bħala sors taʼ serħan u sodisfazzjon minflok bħala tagħbija mhix pjaċevoli. (Ġw. 4:34) Il-Kristjani tal-ewwel seklu ppritkaw biż-żelu, straħu fuq Ġeħova, u kienu determinati li ma jaqtgħux qalbhom. (Atti 5:41, 42; 2 Kor. 4:1; 2 Tim. 4:17) Meditazzjoni fuq dawn l-eżempji tgħinna nħarsu lejna nfusna bil-mira li ntejbu l-kwalità tas-servizz sagru tagħna.
3. Għala m’għandniex niħduha bil-lajma biex nagħmlu aġġustamenti meħtiġin?
3 Ħu azzjoni biex tirranġa d-difetti: M’għandniex xi ngħidu, ma jagħmlilna l-ebda ġid jekk inħarsu f’mera u mbagħad ninjoraw xi difett. Nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna naraw lilna nfusna b’mod imparzjali u mbagħad biex jgħinna nagħmlu aġġustamenti meħtiġin. (Salm 139:23, 24; Lq. 11:13) Peress li ż-żmien li fadal tqassar u hemm il-ħajja tagħna u dik t’oħrajn fin-nofs, m’għandniex noqogħdu niħduha bil-lajma biex nagħmlu bidliet neċessarji.—1 Kor. 7:29; 1 Tim. 4:16.
4. X’jiġri lill-bniedem li jħares fiss lejn il-Kelma t’Alla u jaġixxi fi qbil maʼ dak li jara?
4 Ġeħova jinnota l-persuna ġewwinija taʼ dak li jkun, li hi ħafna iktar importanti mid-dehra taʼ barra. (1 Pt. 3:3, 4) X’jiġri lill-bniedem li jħares fiss lejn il-Kelma t’Alla u mbagħad jaġixxi fi qbil maʼ dak li jara? Hu “ma jkunx wieħed li jismaʼ u jinsa imma wieħed li jobdi l-kelma, ikun hieni li qed jagħmilha.” (Ġak. 1:25) Iva, aħna se nkunu ministri ferħanin u effettivi għax “nirriflettu bħall-mirja l-glorja taʼ Ġeħova.”—2 Kor. 3:18.