Għanjiet ġodda għall-qima!
1 Fl-aħħar laqgħa annwali tal-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, li saret fl-4 t’Ottubru 2014, ġie mħabbar li l-ktieb tal-għanjiet li qed nużaw bħalissa se jiġi rivedut. Din tassew kienet aħbar eċċitanti! Kull min attenda ġie mfakkar f’kemm l-għanjiet tas-Saltna għandhom ikunu parti importanti mill-qima tagħna.—Salm 96:2.
2 Għandek mnejn taħseb, ‘Għala hemm bżonn li jiġi rivedut il-ktieb tal-għanjiet?ʼ Hemm diversi raġunijiet. L-ewwel, il-fehma tagħna tal-Iskrittura dejjem qed tiġi rfinuta, u dan jistaʼ jeffettwa l-kliem tal-għanjiet tagħna. (Prov. 4:18) Raġuni oħra għala se jiġi rivedut il-ktieb bl-Ingliż hi din: Ħafna espressjonijiet u frażijiet li jintużaw fil-ktieb tal-għanjiet li qed nużaw bħalissa ttieħdu mill-edizzjoni li kellna qabel tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż. Issa rridu nbiddlu l-kliem tal-għanjiet biex jaqbel mal-kliem li ntuża fl-edizzjoni riveduta. Peress li hemm bżonn ħafna xogħol sempliċement biex naġġornaw il-kliem, ġie deċiż li nżidu ftit għanjiet ġodda.
3 Se jkollna għalfejn noqogħdu nistennew sakemm jiġi stampat il-ktieb tal-għanjiet il-ġdid qabel ma nkunu nistgħu nibdew nużaw l-għanjiet il-ġodda? Le. Għandna l-pjaċir ngħidulkom li fix-xhur li ġejjin, għadd taʼ għanjiet ġodda se joħorġu fuq il-Websajt tagħna, jw.org/mt. Meta toħroġ għanja ġdida, din se titniżżel fl-iskeda biex inkantawha fl-aħħar tal-Laqgħa tas-Servizz bin-nota “għanja ġdida.”
4 Kif titgħallem l-għanjiet il-ġodda: Jistaʼ jkun taʼ sfida biex dak li jkun jitgħallem għanja ġdida. Xorta waħda, bħas-salmista, aħna rridu nkantaw b’entużjażmu fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u ‘ma nibqgħux siekta.’ (Salm 30:12) Biex titgħallem għanja ġdida, segwi dawn il-passi sempliċi.
Ismaʼ r-rekording tal-pjanu tal-għanja diversi drabi. Dan tistaʼ ssibu fuq il-Websajt tagħna. Iktar ma tismaʼ l-melodija, iktar se jkun faċli għalik biex tiftakarha.
Studja l-kliem, u pprova tgħallmu bl-amment.
Kanta l-għanja mal-mużika. Ibqaʼ agħmel dan sakemm tkun taf tkantaha sew.
Kanta l-għanjiet il-ġodda diversi drabi matul is-sessjoni tal-Qima Bħala Familja sakemm familtek tkun drat tkantahom.
5 Fix-xhur li ġejjin, meta għanja ġdida tkun imniżżla fl-iskeda biex titkanta fl-aħħar tal-Laqgħa tas-Servizz, il-kongregazzjoni se tismaʼ r-rekording tal-pjanu darba biss. Imbagħad l-udjenza se tkanta l-għanja mar-rekording tal-pjanu, bħalma nagħmlu s-soltu.
6 Meta toqgħod taħseb ftit, il-fatt li nkantaw fil-laqgħat iferraħna għax inkunu qed ningħaqdu f’li nkantaw tifħir lil Ġeħova. Għalhekk, m’għandniex naqbdu d-drawwa li nqumu minn postna għal xejn b’xejn meta nkunu se nkantaw fil-laqgħat Kristjani tagħna.
7 Hemm mod ieħor kif nistgħu nuru apprezzament xieraq għall-mużika sagra tagħna. Fl-assembleat u l-konvenzjonijiet, ikun hemm intervall mużikali qabel kull sessjoni. Darbtejn fis-sena, aħwa leali mill-erbat irkejjen tad-dinja jivvjaġġaw lejn Patterson, New York, u jħallsu kollox minn buthom. Dan jagħmluh biex jipproduċu mużika mill-isbaħ biex nużawha fil-qima tagħna. B’hekk, meta ċ-chairman jistidinna nsibu postna u nagħtu widen għal dak li l-orkestra ħejjiet għalina, għandna nobdu. Meta nagħmlu hekk, dan se jgħinna nħejju qalbna għall-informazzjoni li se nirċievu.—Esd. 7:10.
8 Illum, se ngħalqu l-laqgħa tagħna bl-għanja l-ġdida li għandha l-isem “The Kingdom Is in Place—Let It Come!” Din l-għanja, li ndaqqet fil-laqgħa annwali li għaddiet, inkitbet speċjalment minħabba li s-Saltna għalqet mitt sena minn mindu ġiet stabbilita.
9 L-għanjiet il-ġodda żgur li huma “affarijiet tajbin” mingħand Ġeħova. (Mt. 12:35a) Ejja nkunu determinati li nitgħallmu dawn l-għanjiet ġodda u nkantawhom minn qalbna, biex b’hekk nagħtu tifħir u unur tant mistħoqq lil Alla!—Salm 147:1.