Laqgħat għas-servizz tal-għalqa li jwettqu x-xogħol tagħhom
1. Xi skop għandha l-laqgħa għas-servizz tal-għalqa?
1 F’okkażjoni minnhom, Ġesù ltaqaʼ maʼ 70 mid-dixxipli tiegħu qabel ma marru għal kampanja tal-ippritkar. (Lq. 10:1-11) Hu inkuraġġiehom billi fakkarhom li mhux se jkunu waħedhom u li kienu qed jiġu ggwidati minn “Sid il-ħsad,” Ġeħova. Barra minn hekk, hu tahom l-istruzzjonijiet li bihom ramahom biex jagħmlu x-xogħol, u organizzahom “tnejn tnejn.” Illum, il-laqgħat li jkollna qabel ma mmorru fil-ministeru għandhom skop simili—biex jinkuraġġuna, jarmawna, u jorganizzawna.
2. Il-laqgħa għas-servizz tal-għalqa kemm għandha tkun twila?
2 Bħalissa, il-laqgħa għas-servizz tal-għalqa ddum bejn 10 minuti u 15-il minuta. Dan kien jinvolvi li jiġu organizzati l-gruppi, li jiġi assenjat it-territorju, u li tingħad talba. Issa dan se jinbidel. Minn April, laqgħa għas-servizz tal-għalqa għandha ddum bejn ħames u sebaʼ minuti. Madankollu, meta l-laqgħa għas-servizz issir wara l-laqgħa tal-kongregazzjoni, għandha ssir f’inqas ħin, ladarba dawk fl-attendenza jkunu diġà bbenefikaw minn diskussjoni Skritturali. Minħabba li se jkun hemm laqgħat għas-servizz tal-għalqa iqsar, dan se jippermettilna nqattgħu iktar ħin fil-ministeru. Apparti minn hekk, jekk pijunieri jew pubblikaturi jkunu bdew jippritkaw qabel il-laqgħa għas-servizz tal-għalqa, ikollhom bżonn li jieqfu biss għal waqfa qasira mill-ippritkar.
3. Il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa kif jistgħu jiġu organizzati b’tali mod li jkunu t’għajnuna kemm jistaʼ jkun għall-pubblikaturi?
3 Il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa għandhom jiġu organizzati b’tali mod li jkunu t’għajnuna kemm jistaʼ jkun għall-pubblikaturi. F’ħafna kongregazzjonijiet hu iktar taʼ vantaġġ għal gruppi tas-servizz tal-għalqa li jiltaqgħu separatament milli jiltaqgħu flimkien f’post wieħed. Dan jistaʼ jagħmilha iktar faċli għall-pubblikaturi biex dak li jkun jasal għal-laqgħa għas-servizz tal-għalqa u forsi anki għat-territorju. Il-pubblikaturi jistgħu jiġu organizzati malajr, u għandu mnejn ikun eħfef għall-indokraturi tal-gruppi biex jagħtu attenzjoni sew lil dawk fil-grupp tagħhom. Il-ġemgħa tal-anzjani jistgħu jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi lokali u jaraw x’inhu l-aħjar. Qabel ma l-laqgħa tispiċċa b’talba qasira, kulħadd għandu jkun jaf fejn u maʼ min se jaħdem.
4. Il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa għala għandhom jitqiesu importanti daqs il-laqgħat l-oħra tal-kongregazzjoni?
4 Importanti daqs il-laqgħat l-oħra tal-kongregazzjoni: Minħabba li l-laqgħat għas-servizz tal-għalqa jsiru għal benefiċċju taʼ dawk li jkunu ħerġin fil-ministeru, għandu mnejn li ma jkunx hemm il-membri tal-kongregazzjoni kollha. Madankollu, dan ma jfissirx li għandhom jittieħdu ħafif ħafif jew jitqiesu mhux importanti daqs il-laqgħat l-oħra tal-kongregazzjoni. Bħal-laqgħat kollha tagħna, il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa huma provvediment minn Ġeħova biex inqanqlu lil xulxin għall-imħabba u l-għemejjel tajbin. (Ebr. 10:24, 25) Għaldaqstant, il-ħu li jikkonduċi għandu jkun preparat sew ħalli d-diskussjoni tonora lil Ġeħova u ħalli dawk fl-udjenza jibbenefikaw. Jekk ikun prattiku, il-pubblikaturi li jkunu se joħorġu fil-ministeru għandhom jagħmlu sforz biex jattendu.
Il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa m’għandhomx jittieħdu ħafif ħafif jew jitqiesu mhux importanti daqs il-laqgħat l-oħra tal-kongregazzjoni
5. (a) X’inhu l-irwol tal-indokratur tas-servizz f’li jagħmel arranġamenti għal-laqgħat għas-servizz tal-għalqa? (b) Oħt kif għandha tikkonduċi laqgħa għas-servizz tal-għalqa?
5 Preparazzjoni mill-ħu li jikkonduċi l-laqgħa: Sabiex xi ħadd ikun preparat sew biex jagħmel il-parti tiegħu f’laqgħa, ikollu bżonn jirċievi l-inkarigu minn qabel. Dan japplika wkoll għal-laqgħat għas-servizz tal-għalqa. Ovvjament, meta l-gruppi għas-servizz tal-għalqa jiltaqgħu separatament, l-indokraturi tal-gruppi jew l-assistenti tagħhom jikkonduċu l-laqgħa għall-grupp tagħhom. Madankollu, meta l-gruppi kollha tal-kongregazzjoni jiltaqgħu flimkien għal-laqgħa għas-servizz tal-għalqa, l-indokratur tas-servizz għandu jassenja lil xi ħadd biex jikkonduċi. Xi indokraturi tas-servizz jagħtu skeda lill-aħwa kollha li jikkonduċu l-laqgħa u jħalli kopja tal-iskeda mwaħħla man-notice board. L-indokratur tas-servizz għandu juża l-għaqal meta jassenja lill-aħwa li jikkonduċu l-laqgħa. Jistaʼ jagħmel dan billi jżomm f’moħħu li l-kwalità taʼ dawn il-laqgħat tiddependi wkoll mill-abbiltà taʼ kemm jaf jgħallem u jorganizza dak li jikkonduċi l-laqgħa. Jekk m’hemm ebda anzjan, qaddej ministerjali, jew ħu mgħammed li jikkwalifika biex jiġi assenjat f’xi ġranet partikulari, l-indokratur tas-servizz għandu jassenja oħt mgħammda kapaċi biex tikkonduċi.—Ara l-artiklu “Meta oħt ikollha tikkonduċi.”
6. Għala hu importanti li min hu inkarigat jipprepara sew?
6 Meta nirċievu inkarigu fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku jew fil-Laqgħa tas-Servizz, aħna niħduh bis-serjetà u nippreparaw sew. Huma biss ftit minna li nħallu sakemm inkunu sejrin għal-laqgħa biex nibdew naħsbu dwar dak li se ngħidu. Bl-istess mod, sabiex l-inkarigu għal laqgħa għas-servizz tal-għalqa jsir sew, m’għandniex inħalluh għall-aħħar minuta. Issa li l-laqgħa għas-servizz tal-għalqa se tkun iqsar, preparazzjoni tajba hi importanti iktar mis-soltu biex il-laqgħa tkun taʼ ġid u tispiċċa fil-ħin. Preparazzjoni tajba tinkludi wkoll li jinkiseb biżżejjed territorju bil-quddiem.
7. X’inhuma xi affarijiet li l-ħu li jikkonduċi jistaʼ jiddiskuti?
7 Dak li jistaʼ jiġi diskuss: Ladarba ċ-ċirkustanzi jvarjaw minn territorju għal ieħor, l-ilsir leali ma jagħtix outline għal kull laqgħa għas-servizz tal-għalqa. Il-kaxxa “Matul il-laqgħa għas-servizz tal-għalqa, tistaʼ tikkunsidra” tagħti xi suġġerimenti. Normalment, il-laqgħa tkun f’forma taʼ diskussjoni. Kultant, tistaʼ ssir turija ppreparata sew jew jintwera vidjow addattat mill-Websajt jw.org. Meta jipprepara għal-laqgħa għas-servizz tal-għalqa, il-ħu li jikkonduċi għandu jaħseb dwar x’se jinkuraġġixxi u kif se jarma lil dawk li ħerġin fil-ministeru dakinhar.
Meta jipprepara għal-laqgħa għas-servizz tal-għalqa, il-ħu li jikkonduċi għandu jaħseb dwar x’se jinkuraġġixxi u kif se jarma lil dawk li ħerġin fil-ministeru dakinhar
8. X’tistaʼ tkun l-aħjar ħaġa biex tiġi diskussa matul il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa nhar taʼ Sibt u Ħadd?
8 Pereżempju nhar taʼ Sibt, il-maġġorparti tal-pubblikaturi joffru It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! Ħafna minn dawk li joħorġu fil-ministeru nhar taʼ Sibt ma joħorġux matul il-ġimgħa, allura għandhom mnejn isibuha diffiċli biex jiftakru l-preżentazzjoni li jkunu pprattikaw matul il-lejla tal-Qima Bħala Familja. Għaldaqstant, għandu mnejn ikun aħjar għal ħu li jkun qed jikkonduċi li jirrivedi wieħed mill-eżempji taʼ preżentazzjonijiet mill-aħħar paġna tal-Ministeru tas-Saltna. Għażliet oħra jinkludu li jiddiskuti kif l-aħwa jistgħu jsemmu aħbar, ġrajja, jew festa lokali fi preżentazzjoni għal rivista. Inkella jistaʼ jiddiskuti x’jistaʼ jingħad lill-inkwilin biex ikun jaf x’se jiġi diskuss fiż-żjara li jkun imiss f’każ li jaċċetta r-rivisti. Jekk xi wħud fil-laqgħa għas-servizz tal-għalqa diġà jkunu qed joffru r-rivisti taʼ dak ix-xahar, il-ħu li jkun qed jikkonduċi jistaʼ jsaqsihom biex jagħtu s-suġġerimenti tagħhom fil-qosor jew biex jirrakkontaw esperjenzi li jinkuraġġixxu. Nhar taʼ Ħadd, il-ħu li jikkonduċi jistaʼ jagħżel li jagħmel xi ħaġa simili bl-offerta tax-xahar. Pubblikazzjonijiet għall-istudju, bħall-browxers Aħbar Tajba u Ismaʼ Minn Alla u l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? jistgħu jiġu offruti fi kwalunkwe ġurnata, u allura l-ħu li jikkonduċi f’laqgħa għas-servizz jistaʼ (ikompli f’paġna 9) jikkunsidra fil-qosor kif waħda minn dawn il-pubblikazzjonijiet tistaʼ tiġi offruta.
9. X’jistaʼ jiġi diskuss fi tmiem il-ġimgħa waqt kampanja speċjali?
9 Jekk il-kongregazzjoni tkun qed tieħu sehem f’kampanja speċjali fi tmiem il-ġimgħa, dak li jikkonduċi jistaʼ jikkunsidra kif jistgħu jiġu offruti r-rivisti kurrenti flimkien mal-invit jew il-fuljett, jew jistaʼ jagħżel li jiddiskuti x’jistaʼ jsir jekk l-inkwilin juri interess. Għażla oħra tistaʼ tkun li jirrakkonta esperjenza li tenfasizza l-valur taʼ kampanji bħal dawn.
10, 11. Il-preparazzjoni mill-pubblikaturi għala hi importanti biex il-laqgħa għas-servizz tal-għalqa tkun taʼ suċċess?
10 Preparazzjoni mill-pubblikaturi: Anki l-pubblikaturi għandhom sehem f’li jagħmlu l-laqgħa għas-servizz tal-għalqa waħda taʼ suċċess. Billi jippreparaw bil-quddiem għas-servizz, forsi matul il-qima bħala familja, huma jkollhom xi ħaġa x’jirrakkontaw lil pubblikaturi oħra. Preparazzjoni tajba tinkludi wkoll li jkollhom ammont taʼ rivisti u letteratura qabel jaslu l-laqgħa għas-servizz tal-għalqa ħalli kulħadd ikun jistaʼ jitlaq għat-territorju mingħajr telf taʼ żmien.
11 Huwa importanti wkoll li nippjanaw li naslu għal-laqgħa għas-servizz tal-għalqa ftit minuti qabel tibda. Naturalment, għandna nagħmlu sforz li nkunu fil-ħin għal-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni. Madankollu, jistaʼ jkun taʼ tfixkil kbir meta naslu tard għal-laqgħa għas-servizz tal-għalqa. Kif? Il-ħu li jkun qed jieħu t-tmexxija jikkunsidra diversi fatturi qabel ma jorganizza l-grupp. Jekk ikun hemm ftit pubblikaturi, għandu mnejn jibgħat lil kulħadd f’territorju li diġà jkun inbeda. Jekk xi wħud ikunu mxewha għal-laqgħa għas-servizz tal-għalqa u t-territorju jkun ’il bogħod, għandu mnejn jassenja lil dawn il-pubblikaturi maʼ dawk li jkollhom karozza. Jekk it-territorju fih żona magħrufa għall-kriminalità, għandu mnejn jassenja aħwa rġiel biex jaħdmu maʼ jew viċin gruppi t’aħwa nisa. Pubblikaturi b’saħħa batuta għandhom mnejn jiġu assenjati biex jagħmlu toroq li jkunu bla tlajjaʼ u nżul jew li għandhom djar bi ftit taraġ. Pubblikaturi iktar ġodda jistgħu jiġu assenjati m’oħrajn t’iktar esperjenza. Imma, jekk xi pubblikaturi jiġu tard, l-arranġamenti spiss ikollhom jitbiddlu jew isiru mill-ġdid minħabba fihom. Ovvjament, għandu mnejn li kultant ikollna raġuni valida għala naslu tard. Madankollu, jekk ikollna d-drawwa li nkunu tard, ikun tajjeb li nsaqsu lilna nfusna jekk hux minħabba nuqqas t’apprezzament għal-laqgħat għas-servizz tal-għalqa jew hux minħabba li nonqsu li norganizzaw l-affarijiet personali tagħna bil-quddiem.
12. Jekk normalment tagħmel l-arranġamenti tiegħek tas-servizz, x’tistaʼ tikkunsidra?
12 Il-pubblikaturi li jiltaqgħu għas-servizz jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-arranġamenti tagħhom stess qabel ma tibda l-laqgħa jew jitolbu li xi ħadd jiġi assenjat magħhom. Jekk normalment tagħmel l-arranġamenti tiegħek, tistaʼ ‘twessaʼ qalbek’ billi taħdem maʼ pubblikaturi differenti minflok taħdem mal-istess erbat iħbieb kull darba? (2 Kor. 6:11-13) Tistaʼ kultant tirranġa biex taħdem maʼ pubblikatur iktar ġdid biex tgħinu jtejjeb l-abbiltà tat-tagħlim tiegħu? (1 Kor. 10:24; 1 Tim. 4:13, 15) Ismaʼ sew kull istruzzjoni li tkun qed tingħatalek, inkluż minn fejn se tibda tipprietka. Meta tispiċċa l-laqgħa, evita li tbiddel l-arranġamenti u mur fit-territorju mill-ewwel.
13. Jekk dawk kollha involuti jkunu attenti u jagħmlu l-parti tagħhom, il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa kif se jkunu taʼ benefiċċju għalina?
13 Wara l-ippritkar, is-70 li Ġesù organizza għall-ministeru “ġew lura ferħanin.” (Lq. 10:17) Bla dubju, il-fatt li Ġesù ltaqaʼ magħhom u kellimhom qabel marru jippritkaw għenhom biex ikunu taʼ suċċess. Illum, il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa jistgħu jħallu effett simili. Jekk dawk kollha involuti jkunu attenti u jagħmlu l-parti tagħhom, il-laqgħat għas-servizz tal-għalqa se jinkuraġġuna, jarmawna, u jorganizzawna biex inwettqu x-xogħol tagħna taʼ li nagħtu “xiehda lill-ġnus kollha.”—Mt. 24:14.