Kif nilħqu l-qalb tal-istudenti tagħna
1. Ġesù kif effettwa l-qalb tas-semmiegħa tiegħu?
1 Ġesù Kristu laħaq il-qalb tas-semmiegħa tiegħu. Minn tal-inqas f’okkażjoni minnhom, il-qlub tad-dixxipli tiegħu kienu “mkebbsin” wara li spjegalhom b’mod ċar l-Iskrittura. (Lq. 24:32) Ladarba l-ubbidjenza lejn Alla għandha tiġi mill-qalb, kif nistgħu nqanqlu l-emozzjonijiet taʼ dawk li ngħallmu ħalli b’ħeffa jbiddlu ħajjithom?—Rum. 6:17.
2. It-tattika u d-dixxerniment kif jgħinuk tilħaq il-qalb tan-nies?
2 Uża t-tattika u d-dixxerniment: Għal ħafna, billi sempliċement tgħidilhom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin mhux se tqanqalhom biex jieħdu azzjoni. Fil-fatt, jekk tattakka t-twemmin tar-reliġjon tagħhom b’ruxxmata skritturi, tistaʼ saħansitra timbottahom. Biex inqanqlu individwu, l-ewwel irridu nagħrfu r-raġunijiet għala hu jemmen u jaġixxi b’tali mod. Jekk bit-tattika tagħżel sew mistoqsijiet li jitolbu opinjoni, dan se jinkuraġġixxi lill-individwu biex jgħid il-ħsibijiet profondi tiegħu. (Prov. 20:5) Huwa biss dak il-ħin li nkunu nistgħu nagħżlu informazzjoni mill-Kelma t’Alla li tistaʼ tmisslu qalbu. Għaldaqstant, għandna nuru interess personali u nkunu paċenzjużi. (Prov. 25:15) Ftakar li n-nies jagħmlu progress spiritwali b’pass differenti minn xulxin. Agħti ċans għall-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova biex jinfluwenza l-ħsieb u l-azzjonijiet tagħhom.—Mk. 4:26-29.
3. Kif nistgħu ngħinu lil dawk li ngħallmu biex jikkultiva kwalitajiet tajbin?
3 Għinhom jikkultivaw kwalitajiet tajbin: Siltiet tal-Bibbja li juru t-tjubija u l-imħabba taʼ Ġeħova jistgħu jgħinu lil dawk li ngħallmu biex jikkultivaw kwalitajiet sbieħ. Aħna nistgħu nużaw skritturi bħal Salm 139:1-4 jew Luqa 12:6, 7 biex nuru kemm Alla għandu interess personali f’kull wieħed minna. Meta individwi jiżviluppaw apprezzament kbir għall-qalb tajba taʼ Ġeħova, l-imħabba tagħhom u d-devozzjoni li għandhom lejn Alla se jikbru. (Rum. 5:6-8; 1 Ġw. 4:19) Apparti minn hekk, meta jsiru jafu li l-kondotta tagħhom teffettwa lil Ġeħova b’mod personali, għandhom mnejn jiġu mmotivati biex jaġixxu b’tali mod li jogħġob u jonora lilu.—Salm 78:40, 41; Prov. 23:15.
4. Kif nistgħu nuru rispett għal-libertà tal-għażla taʼ dak li jkun meta ngħallmu lil individwi fil-ministeru?
4 Ġeħova ma jisforza lil ħadd biex jobdi l-kmandi tiegħu. Minflok, hu jiġbed lin-nies billi jurihom l-għerf taʼ meta wieħed jimxi fuq il-pariri tiegħu. (Is. 48:17, 18) Aħna nkunu qed nimitaw lil Ġeħova meta ngħallmu b’tali mod li jgħin lin-nies jaslu għall-konklużjoni tagħhom stess. Meta individwi jikkonvinċu lilhom infushom dwar il-bżonn li jagħmlu bidliet f’ħajjithom, ir-riżultati se jkunu dejjiema. (Rum. 12:2) Barra minn hekk, dan se jressaqhom iktar qrib lejn Ġeħova, “dak li jeżamina l-qlub.”—Prov. 17:3.