LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w21 April pp. 26-29
  • “Issa Vera Nieħu Pjaċir fil-​Ministeru!”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Issa Vera Nieħu Pjaċir fil-​Ministeru!”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MA BQAJTX INĦOSSNI FERĦANA
  • TGĦALLIMT LEZZJONI IMPORTANTI BLA ĦSIEB
  • ERĠAJT BDEJT NIEĦU PJAĊIR NIPPRIETKA
  • SIBT RAĠEL LI GĦENNI ĦAFNA FIL-​MINISTERU
  • ĠEĦOVA KOMPLA JBERIKNA
  • MA SETAX IKOLLI ĦAJJA AĦJAR
  • Għala Għandek Titlob?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Il-Barkiet tal-Ministeru Bħala Pijunier
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Hemm Bżonn—55 Pijunier Awżiljarju
    Il-Ministeru tas-Saltna—1997
  • April—Żmien biex ‘Nitħabtu u Nitqabdu’
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
w21 April pp. 26-29
Vanessa Vicini.

BIJOGRAFIJA

“Issa Vera Nieħu Pjaċir fil-​Ministeru!”

KIF IRRAKKONTAT MINN VANESSA VICINI

JIEN trabbejt fir-​raħal taʼ Balclutha, fi New Zealand. Meta kont żgħira, kont inħobbu lil Ġeħova, u ma kontx niddejjaq ngħid li jien waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kont nieħu pjaċir immur il-​laqgħat għax meta kont inkun mal-​aħwa kont inħossni ferħana. Minkejja li kont nistħi xorta kont nieħu pjaċir immur nipprietka kull ġimgħa. U ma kontx niddejjaq nagħti xhieda lil sħabi tal-​iskola u oħrajn. Kont kburija li jien waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u taʼ 11-​il sena ddedikajt ħajti lilu.

MA BQAJTX INĦOSSNI FERĦANA

B’dispjaċir, meta kelli madwar 13-​il sena, il-​ħbiberija li kelli maʼ Ġeħova ma baqgħetx b’saħħitha. Kont nara lil sħabi tal-​iskola jagħmlu dak li jixtiequ huma u jien ridt nagħmel bħalhom. Bdejt inħoss li l-​ġenituri kienu qed ikunu strict miegħi u li l-​livelli taʼ Ġeħova kienu diffiċli għalija. Imbagħad bdejt naħseb li mhux se jkun faċli biex nibqaʼ Xhud taʼ Ġeħova. Minn dejjem kont nemmen li Ġeħova jeżisti, imma ma bqajtx qrib tiegħu.

Minkejja li bqajt noħroġ ftit fil-​ministeru ma kontx inkun preparata. Għalhekk, kont insibha diffiċli biex nibda u nkompli konversazzjoni man-​nies u qatt ma kien ikolli return visit jew studju tal-​Bibbja. Spiċċajt niddejjaq noħroġ fuq il-​ministeru. Kont ngħid, ‘Kif jirnexxilhom jibqgħu joħorġu jippritkaw ġimgħa wara ġimgħa?’

Meta kelli 17-​il sena, ridt immur ngħix waħdi. Għalhekk, għamilt il-​bagalja u tlaqt lejn l-​Awstralja. Il-​ġenituri tiegħi ma ħadux pjaċir meta jien tlaqt mid-​dar. Imma għalkemm kienu inkwetati għalija, huma ħasbu li jien kont se nibqaʼ naqdi lil Ġeħova.

Meta mort ngħix l-​Awstralja, iktar mort lura spiritwalment. Bdejt infalli l-​laqgħat. Għamilt ħbieb maʼ żgħażagħ li kienu bħali. L-​ewwel konna mmorru l-​laqgħat u wara mmorru fil-​clubs, nixorbu u niżfnu. Meta naħseb dwar dak iż-​żmien nirrealizza li kelli sieq waħda fil-​verità u l-​oħra fid-​dinja, imma xorta ma kontx inħossni kuntenta.

TGĦALLIMT LEZZJONI IMPORTANTI BLA ĦSIEB

Madwar sentejn wara, iltqajt maʼ oħt li mingħajr ma taf ħalliet impatt fuq ħajti. Dak iż-​żmien, kont qed ngħix maʼ ħames aħwa nisa single, u għedna lis-​circuit overseer u l-​mara tiegħu, Tamara, biex jiġu joqogħdu magħna għal ġimgħa. Meta r-​raġel tagħha kien ikollu x’jagħmel minħabba l-​affarijiet tal-​kongregazzjoni, hi kienet toqgħod magħna. Vera konna nidħqu u nieħdu pjaċir flimkien. Tamara vera kienet orrajt u kont nieħu pjaċir nitkellem magħha. Qatt ma bsart li xi ħadd daqshekk spiritwali jaf jieħu pjaċir.

Tamara kienet żeluża ħafna. Iż-​żelu li kellha għall-​verità u l-​ministeru kien impressjonanti. Hi kienet qed tagħti l-​aħjar tagħha lil Ġeħova u kienet ferħana, u jien kont qed nagħti ftit lil Ġeħova u kont imdejqa. L-​attitudni pożittiva tagħha kellha impatt kbir fuq ħajti. L-​eżempju tagħha fakkarni f’vers fil-​Bibbja, li jgħid, “Aqdu lil Ġeħova bl-​hena. . . . [u] b’għajta ferriħija.”—Salm 100:2.

ERĠAJT BDEJT NIEĦU PJAĊIR NIPPRIETKA

Jien ridt inħossni kif kienet tħossha Tamara imma biex inħoss dak il-​ferħ kelli bżonn nagħmel bidliet kbar. Domt madwar tliet snin biex nagħmel il-​bidliet li kien hemm bżonn. Bdejt nipprepara qabel noħroġ fuq il-​ministeru u kultant kont naqdi bħala pijuniera awżiljarja. Dan għenni biex ma nibżax meta nkun fuq il-​ministeru. U minħabba li bdejt nuża iktar il-​Bibbja bdejt nieħu pjaċir iktar, u ma domtx ma bdejt naqdi bħala pijuniera awżiljarja kull xahar.

Bdejt nagħżel ħbieb taʼ kull età u li kienu qed jagħtu l-​aħjar tagħhom lil Ġeħova. L-​eżempju tajjeb tagħhom għenni naħseb dwar x’kienet l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja tiegħi u biex nibda naqra l-​Bibbja kuljum. Dan għenni biex insir inħobb iktar il-​ministeru u wassalni biex nibda naqdi bħala pijuniera regulari. Għall-​ewwel darba wara ħafna snin bdejt inħossni kuntenta u parti mill-​kongregazzjoni.

SIBT RAĠEL LI GĦENNI ĦAFNA FIL-​MINISTERU

Sena wara, iltqajt maʼ Alex, persuna dħulija u li jħobb lil Ġeħova u l-​ministeru. Hu kien qaddej ministerjali u kien ilu jaqdi bħala pijunier regulari għal sitt snin. Alex kien mar il-​Malawi għal madwar tmien xhur biex jgħin fl-​ippritkar. Hemmhekk hu qattaʼ ħafna ħin mal-​missjunarji li kienu taʼ eżempju tajjeb għalih u inkuraġġewh biex dejjem ipoġġi lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajtu.

Fl-​2003, jien u Alex iżżewwiġna, u minn dakinhar ’l hawn bqajna naqdu lil Ġeħova fis-​servizz full-​time. Tgħallimna ħafna, u Ġeħova berikna b’ħafna modi.

ĠEĦOVA KOMPLA JBERIKNA

Vanessa fil-​ministeru maʼ oħt żgħira.

Qed nippritkaw fir-​raħal taʼ Gleno, f’Timor-​Leste

Fl-​2009, ġejna mistidnin biex immorru naqdu bħala missjunarji f’Timor-​Leste, pajjiż żgħir li jagħmel parti mill-​gżejjer fl-​Indoneżja. Konna ferħanin imma fl-​istess ħin bdejna nibżgħu. Ħames xhur wara wasalna fil-​belt kapitali Dili.

Il-​ħajja f’dan il-​pajjiż kienet differenti ħafna minn kif konna mdorrijin. Kellna nidraw il-​kultura, il-​lingwa, l-​ikel, u l-​istil taʼ ħajja t’hemmhekk. Fil-​ministeru, spiss konna niltaqgħu maʼ nies li kienu fqar ħafna, nies taʼ ftit skola, u oħrajn li kienu batew ħafna inġustizzja. U minħabba l-​gwerra u l-​vjolenza li kien hemm fil-​pajjiż, rajna ħafna nies li kellhom problemi taʼ saħħa u problemi emozzjonali.a

Il-​ministeru kien tal-​għaġeb! Niftakar darba waħda ltqajt maʼ Maria,b tifla taʼ 13-​il sena li kienet imdejqa ħafna. Ommha kienet mietet xi snin qabel, u bilkemm kienet tara lil missierha. Bħal ħafna tfal oħrajn tal-​età tagħha, Maria ma kinitx taf x’se tagħmel fil-​ħajja tagħha. Darba waħda, meta kienet qed tgħidli kif kienet qiegħda tħossha nfaqgħet tibki. Imma ma stajtx nifhem eżatt dak li riedet tgħidli għax kont għadni ma nafx sew il-​lingwa. Dak il-​ħin, tlabt lil Ġeħova biex jgħinni ħalli nkun nistaʼ ninkuraġġiha, u mbagħad qrajtilha xi versi mill-​Bibbja. Maż-​żmien, bdejt nara kif il-​verità kienet qed tbiddel il-​ħajja taʼ Maria. Maria tgħammdet, u llum qed tgħallem lil oħrajn dwar Ġeħova. Issa tagħmel parti mill-​familja kbira spiritwali taʼ Ġeħova u għandha ħafna aħwa li jħobbuha.

Ġeħova qed ibierek ix-​xogħol tal-​ippritkar f’Timor-​Leste. Għalkemm ħafna mill-​pubblikaturi tgħammdu f’dawn l-​aħħar għaxar snin, ħafna minnhom jaqdu bħala pijunieri, qaddejja ministerjali, u anzjani. Oħrajn jaħdmu fit-​traduzzjoni biex jipprovdu l-​letteratura fil-​lingwi tal-​pajjiż. Kemm kont nieħu pjaċir nismagħhom ikantaw fil-​laqgħat, nara dik it-​tbissima fuq wiċċhom, u narahom isiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova.

Vanessa, Alex, u tliet aħwa rġiel fuq il-​muturi sejrin iqassmu l-​inviti tat-​Tifkira.

Jien u Alex, sejrin inqassmu l-​inviti għat-​Tifkira

MA SETAX IKOLLI ĦAJJA AĦJAR

Il-​ħajja tagħna f’Timor-​Leste kienet differenti ħafna minn dik fl-​Awstralja, imma vera konna ferħanin. Xi kultant konna nivvjaġġaw b’vann żgħir li kien ikun mimli bin-​nies minbarra l-​ħut u l-​ħxejjex li kien ikollhom magħhom. Ġieli konna nikkonduċu studju tal-​Bibbja f’dar żgħira fejn kien ikun hemm ħafna sħana u bit-​tiġieġ iduru magħna. Minkejja li ma kienx faċli xorta waħda kont nieħu pjaċir.

Vanessa, Alex, u oħrajn rekbin ġo vann żgħir ippakkjat bin-​nies.

Fil-​vann, lesti biex immorru nippritkaw

Meta noqgħod naħseb, inħossni grata li l-​ġenituri tiegħi għamlu l-​almu tagħhom biex jgħallmuni dwar Ġeħova u baqgħu jgħinuni anke meta ma kontx naf jekk irridx nibqaʼ naqdih. Fil-​każ tiegħi, vera minnu dak li jgħid Proverbji 22:6. Il-​ġenituri tiegħi jieħdu pjaċir jaraw lili u lil Alex naqdu lil Ġeħova flimkien. Mill-​2016 ʼl hawn, bdejna nagħmlu x-​xogħol tas-​circuit fl-​Awstralasja.

Nuri vidjow taʼ Caleb u Sophia lil xi tfal żgħar

Meta niftakar li ftit snin ilu ma kontx nieħu pjaċir nipprietka lanqas nemmen. Issa vera nieħu pjaċir fil-​ministeru! Issa naf li jiġri x’jiġri fil-​ħajja tagħna, il-​ferħ veru jiġi milli naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha. Dawn l-​aħħar 18-​il sena li qdejt lil Ġeħova maʼ Alex kienu l-​isbaħ snin taʼ ħajti. Issa nifhem kemm hu veru meta David qal lil Ġeħova: “Dawk kollha li jistkennu fik se jifirħu; għal dejjem jgħajtu bil-​ferħ. . . . u dawk li jħobbu lil ismek se jithennew.”—Salm 5:11.

Vanessa u Alex qed jagħmlu studju tal-​Bibbja barra, maʼ omm u t-​tifla tagħha.

Kemm hu sabiħ li tistudja l-​Bibbja maʼ nies umli!

a F’Timor-​Leste, fl-​1975, kien hemm gwerra li damet sejra għal iktar minn 20 sena biex il-​pajjiż isir indipendenti.

b L-​isem ġie mibdul.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja