LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w22 Lulju pp. 8-13
  • Naħdmu mal-Wieħed li Qed Imexxina—Ġesù

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Naħdmu mal-Wieħed li Qed Imexxina—Ġesù
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠESÙ JMEXXI X-​XOGĦOL TAL-​IPPRITKAR
  • ĠESÙ JINKARIGA LSIR
  • ĠESÙ JORGANIZZA LID-​DIXXIPLI TIEGĦU
  • “Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom”
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Min Hu l-Ilsir Leali u Għaqli?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
  • Huma “Jibqgħu Mexjin Wara l-Ħaruf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Ilsir” li hu Kemm Leali u Kemm Diskret
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
w22 Lulju pp. 8-13

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 29

Naħdmu mal-​Wieħed li Qed Imexxina—Ġesù

“Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.”—MT. 28:18.

GĦANJA 13 Kristu, l-​eżempju tagħna

ĦARSA BIL-​QUDDIEMa

1. Ġeħova liema xogħol irid li jsir?

ILLUM, Ġeħova jrid li l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiġi ppritkata mad-​dinja kollha. Dan hu x-​xogħol taʼ Ġeħova. (Mk. 13:10; 1 Tim. 2:3, 4) U tant hu importanti għalih li għażel lil Ibnu l-​maħbub biex imexxi dan ix-​xogħol. U minħabba li Ġesù qed jiggwidana, nistgħu nkunu ċerti li x-​xogħol tal-​ippritkar se jitlesta kif irid Ġeħova qabel jiġi t-​tmiem.—Mt. 24:14.

2. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 F’dan l-​artiklu se naraw kif Ġesù qed juża “lill-​ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-​ikel spiritwali u jorganizza lis-​segwaċi tiegħu fl-​ikbar kampanja taʼ ppritkar li qatt saret. (Mt. 24:45) Se naraw ukoll x’għandu jagħmel kull wieħed u waħda minna biex ngħinu lil Ġesù u lill-​ilsir leali u għaqli.

ĠESÙ JMEXXI X-​XOGĦOL TAL-​IPPRITKAR

3. X’awtorità ngħata Ġesù?

3 Ġesù qed imexxi x-​xogħol tal-​ippritkar. Kif nistgħu nkunu ċerti minn dan? Ftit qabel ma telaʼ fis-​sema, Ġesù ltaqaʼ maʼ ftit mid-​dixxipli tiegħu fuq muntanja fil-​Galilija. Hu qalilhom: “Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.” Wara dan il-​kliem, innota x’qalilhom: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.” (Mt. 28:18, 19) Mela, fost affarijiet oħrajn, Ġesù ngħata l-​awtorità biex imexxi x-​xogħol tal-​ippritkar.

4. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù għadu qed jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​ippritkar?

4 Ġesù qal li x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli kellu jsir mad-​dinja kollha u li hu se jkun mad-​dixxipli tiegħu “l-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:20) Dan il-​kliem jurina b’mod ċar li Ġesù kellu jibqaʼ jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​ippritkar sal-​lum il-​ġurnata.

5. Kif qed ngħinu biex titwettaq il-​profezija taʼ Salm 110:3?

5 Ġesù ma kienx inkwetat li mhux se jkun hemm biżżejjed ħaddiema matul il-​konklużjoni tas-​sistema. Hu kien jaf li l-​kliem li pprofetizza s-​salmista se jitwettaq: “Niesek se joffru lilhom infushom minn rajhom f’jum il-​qawwa militari tiegħek.” (Salm 110:3) Jekk tipprietka l-​aħbar tajba, inti qed tgħin lil Ġesù u lill-​ilsir leali u għaqli u qed tgħin biex titwettaq din il-​profezija. Ix-​xogħol tal-​ippritkar qed isir, imma hemm l-​isfidi.

6. X’inhi waħda mill-​isfidi li jiffaċċjaw dawk li jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna?

6 Waħda mill-​isfidi li jiffaċċjaw dawk li jippritkaw hi l-​oppożizzjoni. L-​apostati, mexxejja reliġjużi, u politikanti jaqilgħu gideb dwar ix-​xogħol tagħna. Jekk tal-​familja, nies oħrajn li nafu, jew dawk li jaħdmu magħna jemmnu dan il-​gideb, jaf jagħmlulna pressjoni biex nieqfu naqdu lil Ġeħova u nieqfu nippritkaw. F’xi pajjiżi, l-​għedewwa tagħna jheddu, jattakkaw jew jarrestaw lill-​aħwa, u anke jitfgħuhom il-​ħabs. Aħna ma niħduhiex bi kbira jekk in-​nies jittrattawna b’dan il-​mod. Ġesù qal: “Tkunu mibgħudin mill-​ġnus kollha minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Il-​fatt li qed nesperjenzaw din il-​mibegħda juri li Ġeħova kuntent bina. (Mt. 5:11, 12) Satana qed jikkaġuna din l-​oppożizzjoni kollha. Imma Ġesù huwa bil-​wisq iktar b’saħħtu minnu! Bl-​għajnuna taʼ Ġesù, l-​aħbar tajba qed tiġi ppritkata lin-​nies tad-​dinja kollha. Ejja naraw kif.

7. X’juri li l-​profezija taʼ Rivelazzjoni 14:6, 7 qed titwettaq?

7 Sfida oħra li niffaċċjaw meta nippritkaw hi li n-​nies jitkellmu b’ħafna lingwi differenti. Fil-​viżjoni li ra l-​appostlu Ġwanni, Ġesù qal li l-​aħbar tajba xorta se tiġi ppritkata. (Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7.) Kif? Aħna qed nagħtu l-​opportunità lil kemm jistaʼ jkun nies biex jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna. Illum, nies minn madwar id-​dinja jistgħu jaqraw materjal ibbażat minn fuq il-​Bibbja fuq jw.org, li jinsab f’iktar minn 1,000 lingwa! Il-​Ġemgħa li Tiggverna ddeċidiet li jiġi tradott il-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!, l-​għodda prinċipali tagħna biex nagħmlu dixxipli. Dan il-​ktieb ġie tradott f’iktar minn 700 lingwa! Tagħlim tal-​Bibbja jinsab ukoll f’vidjows għal nies neqsin mis-​smigħ u f’pubblikazzjonijiet bil-​Braille għal nies neqsin mid-​dawl. Aħna qed naraw il-​profeziji tal-​Bibbja jitwettqu. Nies “mill-​ilsna kollha tal-​ġnus” qed jitgħallmu jitkellmu l-​“lingwa pura” tal-​veritajiet tal-​Bibbja. (Żak. 8:23; Sof. 3:9) Dan kollu qed jitwettaq permezz tal-​aqwa mexxej, Ġesù Kristu.

8. X’inhu r-​riżultat tax-​xogħol tal-​ippritkar li qed nagħmlu llum?

8 Illum, iktar minn tmien miljun persuna fʼ240 pajjiż jagħmlu parti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u kull sena għaxriet t’eluf jitgħammdu! Imma l-​iktar ħaġa importanti hi l-​kwalitajiet Kristjani tagħhom, jiġifieri “l-​personalità l-​ġdida” li dawn id-​dixxipli ġodda ħadmu biex ikollhom. (Kol. 3:8-​10) Huma ma baqgħux immorali, vjolenti, juru preferenzi, u kburin bil-​pajjiż tagħhom. Il-​profezija li nsibu f’​Isaija 2:4 “ma jitħarrġux iktar għall-​gwerra” qed titwettaq. Peress li naħdmu iebes biex nilbsu l-​personalità l-​ġdida, aħna ngħinu n-​nies biex jinġibdu lejn l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u nuru li aħna qed insegwu l-​mexxej tagħna Kristu Ġesù. (Ġw. 13:35; 1 Pt. 2:12) Dawn l-​affarijiet mhux qed jiġru b’kumbinazzjoni. Ġesù qed jagħtina l-​għajnuna li għandna bżonn.

ĠESÙ JINKARIGA LSIR

9. Kif naraw f’​Mattew 24:45-​47, Ġesù x’qal li se jiġri fiż-​żmien tal-​aħħar?

9 Aqra Mattew 24:45-​47. Ġesù qal li matul iż-​żmien tal-​aħħar hu kellu jinkariga “lsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-​ikel spiritwali. Allura nistennew li dan l-​ilsir qed jaħdem iebes illum. U hekk qed jagħmel! Ġesù uża grupp żgħir taʼ rġiel midlukin biex jagħtu “l-​ikel [spiritwali] fiż-​żmien xieraq” lin-​nies t’Alla u lill-​uħud interessati. Dawn l-​irġiel ma jqisux lilhom infushom bħala sidien t’oħrajn. (2 Kor. 1:24) Minflok huma jafu li Ġesù Kristu hu l-​“mexxej” u l-​“kmandant” tal-​poplu tiegħu.—Is. 55:4.

Grupp taʼ stampi: Pubblikazzjonijiet differenti li ntużaw fil-​passat għal studji tal-​Bibbja maʼ wħud interessati. 1. 1946: “Let God Be True.” Oħt fil-​ministeru qed toffri ktieb lil koppja. 2. 1968: “The Truth That Leads to Eternal Life.” Raġel qed jaqra ktieb id-​dar tiegħu. 3. 1982: “Int Tista’ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art.” Ħu qed jagħmel studju tal-​Bibbja maʼ raġel. 4. 1995: “Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Ta’ Dejjem.” Ħu qed jagħmel studju tal-​Bibbja maʼ raġel li jaħdem miegħu, fil-​brejk. 5. 2005 u 2015: Il-​kotba “Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?” u “X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja?” Oħt qed tagħmel studju tal-​Bibbja maʼ mara. 6. 2021: “Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!” Oħt qed tagħmel studju tal-​Bibbja maʼ mara permezz tal-​videoconference.

10. Liema pubblikazzjoni mill-​istampi għenitek biex issir qaddej taʼ Ġeħova?

10 Mill-​1919, l-​ilsir leali u għaqli pprepara diversi pubblikazzjonijiet biex uħud interessati jitgħallmu l-​verità dwar il-​Kelma t’Alla. Fl-​1921, l-​ilsir ipprepara l-​ktieb The Harp of God biex jgħin lil dawk interessati jitgħallmu tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Maż-​żmien ġew provduti pubblikazzjonijiet oħrajn. Liema pubblikazzjoni għenitek biex issir taf u tħobb lil Missierek tas-​sema? Kienet “Let God Be True,” Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna, Int Tista’ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art, Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Ta’ Dejjem, Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?, X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja?, jew l-​aħħar pubblikazzjoni li ħarġet, Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!? Dawn il-​pubblikazzjonijiet kollha ġew magħmula biex jgħinuna nagħmlu dixxipli u meta ħarġu kienu dak li kellna bżonn.

11. Għala huwa importanti li lkoll kemm aħna nkomplu nitgħallmu dwar Ġeħova u l-​Bibbja?

11 Mhux dawk l-​uħud ġodda biss għandhom bżonn ikollhom għarfien tajjeb dwar Ġeħova u l-​Bibbja, imma anki aħna. L-​appostlu Pawlu kiteb: “L-​ikel solidu hu għan-​nies maturi.” Pawlu qal ukoll li meta napplikaw dak li nitgħallmu mill-​Iskrittura se jgħinna nkunu nafu ‘nagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.’ (Ebr. 5:14) Illum jistaʼ jkun diffiċli ħafna biex nobdu l-​livelli taʼ Ġeħova għax ħafna nies huma immorali ħafna. Imma Ġesù jagħmel ċert li aħna nitgħallmu l-​affarijiet li għandna bżonn biex ikollna fidi soda. Aħna nirċievu t-​tagħlim mill-​Kelma ispirata t’Alla, il-​Bibbja. L-​ilsir leali u għaqli jipprepara u jqassam dan l-​ikel taħt id-​direzzjoni taʼ Ġesù.

12. Bħal Ġesù, kif urejna kemm hu importanti għalina l-​isem t’Alla?

12 Bħal Ġesù, aħna tajna l-​importanza li jixraqlu l-​isem t’Alla. (Ġw. 17:6, 26) Pereżempju, fl-​1931 bdejna nissejħu x-​Xhieda taʼ Ġeħova kif tgħid il-​Bibbja. B’hekk urejna kemm hu importanti għalina l-​isem t’Alla u li ridna nkunu magħrufin b’isem Missierna tas-​sema. (Is. 43:10-​12) U minn Ottubru taʼ dik is-​sena, l-​isem t’Alla deher fuq il-​faċċata taʼ kull ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa. Barra minn hekk, fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ta’ l-​Iskrittura Mqaddsa reġaʼ tpoġġa l-​isem t’Alla fejn suppost. Dan hu totalment differenti mill-​knejjes tal-​Kristjaneżmu li neħħew l-​isem Ġeħova minn ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja tagħhom!

ĠESÙ JORGANIZZA LID-​DIXXIPLI TIEGĦU

13. X’jikkonvinċik li Ġesù qed juża “lill-​ilsir leali u għaqli” llum? (Ġwanni 6:68)

13 Permezz “tal-​ilsir leali u għaqli,” Ġesù bena organizzazzjoni tal-​għaġeb fuq l-​art biex ikun hemm qima pura. Kif tħossok dwar din l-​organizzazzjoni? Forsi tħossok l-​istess kif ħassu l-​appostlu Pietru meta qal lil Ġesù: “Għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:68) Min jaf x’sar minna llum kieku ma ltqajniex max-​Xhieda taʼ Ġeħova! Permezz taʼ din l-​organizzazzjoni, Kristu jagħmel ċert li jkollna dak li għandna bżonn biex nibqgħu leali lejn Ġeħova. Ukoll, jagħtina trejning biex ikollna suċċess fil-​ministeru. Iktar minn hekk, hu jgħinna nilbsu “l-​personalità l-​ġdida” ħalli b’hekk nogħġbu lil Ġeħova.—Efes. 4:24.

14. Minħabba li int parti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kif ibbenefikajt matul il-​pandemija tal-​COVID-​19?

14 Ġesù jipprovdilna direzzjoni tajba anki fi żmien diffiċli. Dan rajnieh b’mod ċar meta bdiet il-​pandemija tal-​COVID-​19. Filwaqt li ħafna nies ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, Ġesù għamel ċert li nirċievu direzzjoni biex inkunu protetti. Konna inkuraġġiti biex nilbsu l-​maskra u nżommu d-​distanza soċjali. L-​anzjani ġew imfakkrin biex ikollhom kuntatt regolari mal-​aħwa tal-​kongregazzjoni u joqogħdu attenti għal dak li kellhom bżonn biex jibqgħu protetti, f’saħħithom, u qrib taʼ Ġeħova. (Is. 32:1, 2) Ukoll, irċivejna direzzjoni u inkuraġġiment mir-​rapporti tal-​Ġemgħa li Tiggverna.

15. X’direzzjoni rċivejna dwar il-​laqgħat u l-​ministeru waqt il-​pandemija, u x’kien ir-​riżultat?

15 Waqt il-​pandemija rċivejna direzzjoni ċara dwar kif nattendu l-​laqgħat u nieħdu sehem fil-​ministeru. Fi żmien qasir bdejna nattendu l-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet permezz tal-​videoconference. Ukoll, il-​biċċa l-​kbira tax-​xogħol tal-​ippritkar sar permezz tal-​ittri u tat-​telefown. Ġeħova bierek l-​isforzi tagħna. Ħafna fergħat irrapportaw żieda kbira fin-​numru taʼ pubblikaturi. Fil-​fatt, ħafna minn ħutna kellhom esperjenzi taʼ inkuraġġiment matul dan iż-​żmien.—Ara l-​kaxxa “Ġeħova Jbierek ix-​Xogħol tal-​Ippritkar.”

Ġeħova Jbierek ix-​Xogħol tal-​Ippritkar

  • Koppja mill-​Amerika ilhom jgħixu fl-​Ewropa għal iktar minn 15-​il sena. Meta bdiet il-​pandemija, il-​koppja ddeċidiet li tipprietka lill-​familja kollha u lil nies oħrajn li kienu jafu meta kienu jgħixu l-​Amerika. Biex jippritkaw lil kulħadd, huma bagħtu iktar minn 200 ittra permezz tal-​Internet. Huma għamlu żjajjar lura u bagħtu links għall-​pubblikazzjonijiet u l-​vidjows lil dawk li wrew interess. Ġeħova bierek l-​isforzi tagħhom. Fi tmien xhur il-​koppja bdew jikkonduċu 14-​il studju tal-​Bibbja!

  • Matul il-​kampanja taʼ Novembru tal-​2020, ħu ċempel lil raġel li kien l-​iskola miegħu ħafna snin ilu u offrielu It-​Torri tal-​Għassa bit-​tema “X’Inhi s-​Saltna t’Alla?” Ir-​raġel aċċetta r-​rivista u aċċetta wkoll li l-​ġimgħa taʼ wara jitkellmu dwarha. Meta l-​ħu kkuntattjah, ir-​raġel qallu: “Qabel ċempiltli tlabt lil Alla u staqsejtu jgħinni nkun naf xi jrid minni.” Ir-​raġel aċċetta studju tal-​Bibbja, beda jattendi l-​laqgħat, u beda japplika dak li jitgħallem. Iktar tard hu qal lill-​ħu: “Fil-​passat kont inħoss xi ħaġa nieqsa f’ħajti. Issa nifhem li kien Ġeħova. Nirringrazzjak kull ġurnata talli għentni nersaq qrib tiegħu.”

16. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

16 Xi wħud forsi ħasbu li l-​organizzazzjoni qed toqgħod attenta żżejjed minħabba l-​pandemija. Imma llum nistgħu naraw b’mod ċar li d-​direzzjoni li rċivejna kienet tajba ħafna. (Mt. 11:19) U meta nimmeditaw fuq kif Ġesù bi mħabba qed imexxi l-​poplu tiegħu, se nkunu ċerti li jiġri x’jiġri fil-​futur, Ġeħova u Ibnu l-​maħbub se jkunu magħna.—Aqra Ebrej 13:5, 6.

17. Il-​fatt li Ġesù hu l-​mexxej tiegħek, kif tħossok?

17 Kemm aħna ferħanin li l-​mexxej tagħna hu Ġesù! Aħna nagħmlu parti minn organizzazzjoni magħquda minkejja li għandna kultura, nazzjon, u lingwa differenti. Aħna nirċievu ħafna tagħlim mill-​Kelma t’Alla u nirċievu t-​trejning li għandna bżonn biex nagħmlu x-​xogħol tal-​ippritkar. Kull wieħed u waħda minna qed jiġi mgħallem kif jilbes il-​personalità l-​ġdida u biex inħobbu lil xulxin. Kemm għandna għalfejn inkunu kburin li Ġesù hu l-​mexxej tagħna!

X’JIKKONVINĊIK LI ĠESÙ QED . . .

  • imexxi x-​xogħol tal-​ippritkar mad-​dinja kollha?

  • jiggwida “lill-​ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-​ikel spiritwali?

  • jiggwida lid-​dixxipli tiegħu matul żmien diffiċli?

GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-​Midluk

a Illum, miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal qed jagħmlu l-​almu tagħhom biex jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Int wieħed jew waħda minnhom? Jekk iva, inti qed tkun gwidat mill-​Mulej tagħna, Ġesù Kristu. F’dan l-​artiklu se naraw l-​evidenza li Ġesù qed imexxi x-​xogħol tal-​ippritkar illum. Li nimmeditaw fuq din l-​informazzjoni se jgħinna biex inkunu determinati li nkomplu naqdu lil Ġeħova taħt id-​direzzjoni taʼ Kristu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja