LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w23 Frar pp. 26-30
  • Rajt il-Fidi tan-Nies taʼ Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rajt il-Fidi tan-Nies taʼ Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-IRLANDA TAʼ FUQ—“IL-PAJJIŻ TAL-BOMBI U L-BULLETS”
  • SIERRA LEONE—LEALI MINKEJJA L-FAQAR
  • IN-NIĠERJA—NIDRAW KULTURA ĠDIDA
  • IL-KENJA—L-AĦWA JURU PAĊENZJA MIEGĦI
  • L-ISTATI UNITI—FIDI MINKEJJA L-AFFARIJIET MATERJALI
  • “Dawk li jisimgħuk” se jiġu salvati
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Ix-Xogħol taʼ li Nagħmlu Dixxipli Sawwarli Ħajti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Il-barkiet jiġu milli nagħmlu dak li jitlob minna Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
w23 Frar pp. 26-30
Robert Landis.

BIJOGRAFIJA

Rajt il-Fidi tan-Nies taʼ Ġeħova

KIF RAKKONTATA MINN ROBERT LANDIS

X’AKTARX tiftakar konversazzjonijiet li kienu importanti għalik. Jien niftakar waħda li kelli madwar 50 sena ilu, meta kont il-Kenja ma’ ħabib tiegħi. Konna ilna nivvjaġġaw għal ħafna xhur. Konna qed nitkellmu fuq film li l-istorja tiegħu kellha x’taqsam mar-reliġjon. Imbagħad sieħbi qalli, “Il-Bibbja ma tgħidx hekk.”

Jien qbadt nidħaq għax ma ħsibtx li hu kien reliġjuż u għedtlu, “Mela int tifhem fil-Bibbja?” Hu ma wiġibnix mill-ewwel. Fl-aħħar qalli li ommu kienet waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova u li għallmitu xi affarijiet. Jien qabditni l-kurżità u għedtlu biex jgħidli iżjed.

Aħna domna nitkellmu kważi l-lejl kollu. Hu qalli li l-Bibbja turi li Satana qed jaħkem id-dinja. (Ġw. 14:30) Forsi int ilek tafha din, imma għalija kienet xi ħaġa ġdida u vera interessanti. Jien dejjem tgħallimt li hemm Alla qalbu tajba li qed imexxi d-dinja. Imma minħabba dak kollu li rajt f’ħajti, dan ma kienx jagħmel sens għalija. Minkejja li kelli 26 sena biss, rajt ħafna affarijiet li inkwetawni.

Missieri kien pilota mal-United States Air Force. Allura minn meta kont żgħir kont naf li l-armata setgħu jitfgħu bomba nukleari meta jridu. Meta kont l-università f’Kalifornja kienet għaddejja l-gwerra fil-Vjetnam. Jien kont nipprotesta mal-istudenti l-oħra. Il-pulizija kienu jiġru warajna u jitfgħulna l-gass tad-dmugħ. Dak kien żmien taʼ taqlib u protesti. Kienu nqatlu xi politikanti u n-nies kienu jipprotestaw. Kulħadd kellu opinjoni differenti dwar x’għandu jsir, u kien hemm taħwid kbir.

Robert fuq il-mutur tiegħu u għandu mappa f’idu.

Minn Londra għall-Afrika

Fl-1970, bdejt naħdem in-naħa taʼ fuq tal-Alaska u għamilt ħafna flus. Imbagħad mort Londra, xtrajt mutur, u bdejt insuq ’l isfel mingħajr ma kont naf fejn jien sejjer. Xhur wara wasalt l-Afrika. Kull fejn mort iltqajt ma’ nies li wkoll xtaqu jaħarbu mill-problemi li kellhom.

Allura minħabba dak li rajt u smajt, kien jagħmel sens li spirtu ħażin qed jikkontrolla d-dinja bħalma tgħallem il-Bibbja. Imma jekk Alla ma kienx qed jikkontrolla d-dinja, x’kien qed jagħmel? Jien xtaqt inkun naf.

Fix-xhur taʼ wara sirt naf it-tweġiba. U maż-żmien sirt naf u nħobb ħafna aħwa li baqgħu leali lejn l-Alla l-veru minkejja ċ-ċirkustanzi differenti tagħhom.

L-IRLANDA TAʼ FUQ—“IL-PAJJIŻ TAL-BOMBI U L-BULLETS”

Meta rġajt mort Londra, ikkuntattjajt lil omm il-ħabib tiegħi, u hi tatni Bibbja. Iktar tard meta mort Amsterdam, in-Netherlands, ħu rani naqra l-Bibbja fit-triq u għenni nitgħallem iżjed. Imbagħad mort Dublin, l-Irlanda, u sibt l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Jien ħabbatt u meta dħalt, iltqajt m’Arthur Matthews, ħu tal-esperjenza. Jien saqsejt għal studju tal-Bibbja, u hu aċċetta li jistudja miegħi.

Vera kont nieħu pjaċir nistudja, u kont inħares ’il quddiem biex naqra l-kotba u r-rivisti li ppubblikaw ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Ovvjament kont naqra l-Bibbja wkoll. Kemm kont ferħan! Fil-laqgħat, rajt li anki t-tfal kienu jafu jwieġbu mistoqsijiet li nies taʼ skola ilhom jixtiequ jkunu jafu. Pereżempju, ‘Għala hawn il-ħażen? Min hu Alla? X’jiġri meta mmutu?’ Il-ħbieb tiegħi kollha kienu Xhieda taʼ Ġeħova. Din ma kinitx problema għax ma kont naf lil ħadd iżjed fil-pajjiż. Huma għenuni nibda nħobb lil Ġeħova u naqdih.

Nigel, Denis, u jien

Jien tgħammidt fl-1972. Sena wara, bdejt naqdi bħala pijunier u mort f’kongregazzjoni żgħira fi Newry, l-Irlanda taʼ Fuq. Krejt dar li kienet maqtugħa għaliha fuq muntanja. F’għalqa viċin kien hemm il-baqar, u kont nipprattika t-taħditiet magħhom. Kienu jidhru qishom qed joqogħdu attenti waqt li qed jieklu. Huma ma setgħux ituni pariri, imma għenuni nitgħallem kif inħares lejn l-udjenza meta nagħti t-taħditiet. Fl-1974, bdejt naqdi bħala pijunier speċjali u spiss fis-service bdejt naħdem ma’ Nigel Pitt, li sar ħabib kbir tiegħi.

Dak iż-żmien kien hemm ħafna ġlied fl-Irlanda taʼ Fuq. Allura saret magħrufa bħala “l-pajjiż tal-bombi u l-bullets.” Kien normali li tara nies jiġġieldu u jisparaw, u karozzi jisplodu. Il-problemi spiss kienu jkunu minħabba l-politika u r-reliġjon. Imma l-Protestanti u l-Kattoliċi kienu jafu li x-Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux sehem fil-politika, allura ħallewna nippritkaw. In-nies li konna nitkellmu magħhom ħafna drabi kienu jkunu jafu fejn u meta se jkun hemm il-ġlied, allura kienu javżawna biex nevitaw il-periklu.

Imma xorta kien hemm il-periklu. Darba, jien u pijunier ieħor jismu Denis Carrigan, konna qed nippritkaw għat-tieni darba f’raħal viċin fejn ma kienx hemm Xhieda taʼ Ġeħova. Mara bdiet takkużana li konna suldati Ingliżi, probabbli għax ma konniex nitkellmu b’aċċent Irlandiż. Aħna bdejna nibżgħu. Anki jekk kont tipprova tkun orrajt mas-suldati, in-nies jisparawlek fl-irkoppa jew joqtluk. Aħna u nistennew tal-linja fil-bard, rajna karozza tieqaf quddiem il-ħanut tal-kafè fejn kien hemm dik il-mara. Hi ħarġet, u waqt li bdiet titkellem mal-irġiel fil-karozza bdiet tipponta lejna. Imbagħad l-irġiel saqu ħdejna u saqsewna xi mistoqsijiet dwar tal-linja. Meta waslet tal-linja, huma tkellmu max-xufier. Aħna ma stajniex nisimgħuhom. Ma kien hemm ħadd iżjed fuq tal-linja, allura konna ċerti li kienu qed jippjanaw biex jagħmlulna xi ħaġa. Imma xejn ma ġara. Xħin kont nieżel minn fuq tal-linja saqsejt lix-xufier: “Dawk l-irġiel kienu qed jitkellmu fuqna?” Hu qalli: “Jien għedtilhom min intom. Tinkwetawx, mhu se jiġrilkom xejn.”

Robert u Pauline fil-ġurnata tat-tieġ.

F’Marzu 1977, meta żżewwiġna

Fl-1976, meta kont f’konvenzjoni f’Dublin, iltqajt ma’ Pauline Lomax. Hi kienet pijuniera speċjali mill-Ingilterra, u kienet spiritwali, umli, u gustuża. Hi u ħuha Ray, kienu ilhom ħafna jafu l-verità. Sena wara, jien u Pauline żżewwiġna u komplejna naqdu bħala pijunieri speċjali f’Ballymena, l-Irlanda taʼ Fuq.

Aħna konna fix-xogħol tas-circuit f’Belfast, Londonderry, u postijiet perikolużi oħra. Aħna ġejna inkuraġġiti bil-fidi tal-aħwa li qabel bdew jaqdu lil Ġeħova kienu reliġjużi ħafna u jobogħdu lil oħrajn. Ġeħova żgur li berikhom u pproteġiehom!

Domt ngħix l-Irlanda għaxar snin. Imbagħad fl-1981 ġejna mistidnin immorru t-72 klassi taʼ Gilegħad. Wara li ggradwajna ġejna assenjati biex immorru Sierra Leone, l-Afrika.

SIERRA LEONE—LEALI MINKEJJA L-FAQAR

Aħna konna ngħixu f’dar għall-missjunarji ma’ 11-il persuna oħra li kienu orrajt ħafna. Bejnietna konna nużaw kċina, tliet toilets, żewġ showers, telefown, washing machine, u dryer. Id-dawl kien jinqataʼ ħafna drabi u meta ma konniex qed nistennewh. Fis-saqaf kellna l-ġrieden, u fil-basement kien hemm is-sriep velenużi.

Robert u oħrajn bil-muturi tagħhom qed jaqsmu xmara fuq ċattra tal-injam.

Naqsmu x-xmara biex immorru konvenzjoni fil-Guinea

Għalkemm kif konna ngħixu ma kienx daqshekk tajjeb, konna nieħdu pjaċir ħafna fuq is-service. In-nies kienu jirrispettaw il-Bibbja u jisimgħu. Ħafna studjaw il-Bibbja u saru Xhieda taʼ Ġeħova. In-nies tal-post kienu jgħajtuli “Mr. Robert” u lil Pauline “Mrs. Robert.” Imma meta bdejt naħdem iżjed fl-uffiċċju tal-fergħa u noħroġ inqas fil-ministeru, in-nies bdew jgħajtu lil Pauline “Mrs. Pauline” u lili “Mr. Pauline.” Pauline kienet togħġobha din!

Robert u Pauline bit-trakk tagħhom.

Sejrin għal kampanja taʼ ppritkar fi Sierra Leone

Ħafna mill-aħwa kienu fqar, imma Ġeħova dejjem ħa ħsiebhom, kultant b’modi tal-għaġeb. (Mt. 6:33) Niftakar darba, oħt kien baqgħalha ftit flus biex tixtri l-ikel għaliha u għat-tfal. Imma hi tathom lil ħu marid li ma kellux biżżejjed flus biex jixtri l-mediċina tal-malarja. Iżjed tard dakinhar, mara qabdet u marret għand l-oħt u ħallsitha biex tagħmlilha xagħarha. Kien hemm ħafna sitwazzjonijiet bħal dawn.

IN-NIĠERJA—NIDRAW KULTURA ĠDIDA

Domna disaʼ snin Sierra Leone. Imbagħad bagħtuna fl-uffiċċju tal-fergħa fin-Niġerja. Jien bdejt nagħmel l-istess xogħol li kont nagħmel fi Sierra Leone, imma għal Pauline kienet bidla kbira u diffiċli. Qabel kienet tagħmel 130 siegħa kull xahar fil-ministeru u kellha studji tajbin. Issa bdiet tagħmel ġranet issewwi l-ħwejjeġ. Damet biex drat, imma ndunat li l-aħwa kienu japprezzaw ħafna x-xogħol li kienet tagħmel, u ffokat fuq li tinkuraġġixxi lill-Beteliti l-oħra kemm tistaʼ.

Il-kultura tan-Niġerja kienet ġdida għalina u kellna ħafna x’nitgħallmu. Darba ħu daħal fl-uffiċċju tiegħi m’oħt li kienet għadha kif bdiet f’Betel. Xħin mort biex noħdilha b’idejha niżlet għarkopptejha quddiemi. Ma stennejthiex li se tagħmel hekk! Mill-ewwel ħsibt fl-iskritturi t’Atti 10:25, 26 u Rivelazzjoni 19:10. Bdejt naħseb, ‘Tgħid ngħidilha biex ma tagħmilx hekk?’ Imma għedt la ġiet aċċettata Betel taf x’tgħid il-Bibbja.

Tgħidx kemm stħajt jien u nkellimha! Imbagħad għamilt ftit riċerka u sirt naf li dak iż-żmien fil-pajjiż hekk kienet il-kultura tagħhom. Anki l-irġiel kienu jagħmlu hekk, għax kien mod kif juru rispett. Dan ma kienx qima. Anki fil-Bibbja hemm eżempji bħal dan. (1 Sam. 24:8) Imnalla dak il-ħin m’għedtilha xejn lill-oħt, għax kont niksirha.

Iltqajna ma’ ħafna nies min-Niġerja li wrew kemm huma leali matul is-snin. Wieħed minnhom kien Isaiah Adagbona.a Hu tgħallem il-verità meta kien żagħżugħ, imma mbagħad marad bil-ġdiem. Hu kellu jmur joqgħod f’post fejn ikun hemm nies bil-ġdiem, u hu biss kien Xhud taʼ Ġeħova. Minkejja l-oppożizzjoni, hu għen lil iktar minn 30 persuna oħra bil-ġdiem jidħlu fil-verità u hemmhekk bdiet kongregazzjoni.

IL-KENJA—L-AĦWA JURU PAĊENZJA MIEGĦI

Ma’ rinoċeronte żgħir fil-Kenja

Fl-1996 bagħtuna fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Kenja. L-aħħar darba li kont il-Kenja kien meta mort mal-ħabib tiegħi. Jien u l-mara konna qed noqogħdu Betel. Viċin Betel kien hemm ħafna xadini. Huma kienu jħobbu jisirqu l-frott mingħand l-aħwa. Darba oħt ħalliet it-tieqa tal-kamra miftuħa. Xħin waslet lura, sabet ħafna xadini jieklu l-ikel fil-kamra tagħha. Hi werżqet u telqet tiġri ’l barra. Anki x-xadini werżqu u ħarġu mit-tieqa.

Jien u Pauline bdejna naqdu f’kongregazzjoni tas-Swaħili. Wara ftit qaluli biex nibda nieħu ħsieb l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni (issa jgħidulu Studju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni). Imma jien ma kontx naf nitkellem il-lingwa sew. Jien kont nistudja minn qabel ħalli nkun nistaʼ naqra l-mistoqsijiet. Imma jekk il-kummenti tal-aħwa kienu jkunu ftit differenti milli hemm miktub, ma kontx nifhimhom. Vera kien diffiċli! Kont nitħassarhom lill-aħwa. Jien bqajt impressjonat kif bil-paċenzja u bl-umiltà ħallewni nkompli nikkonduċi l-laqgħa.

L-ISTATI UNITI—FIDI MINKEJJA L-AFFARIJIET MATERJALI

Aħna domna inqas minn sena l-Kenja. Imbagħad fl-1997 stidnuna biex immorru l-Betel taʼ Brooklyn, New York. Issa konna f’pajjiż fejn in-nies kellhom ħafna affarijiet materjali, u dan iġib problemi oħra. (Prov. 30:8, 9) Imma anki f’din is-sitwazzjoni l-aħwa wrew ħafna fidi. L-aħwa kienu jużaw il-ħin u l-affarijiet tagħhom biex jgħinu lill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u mhux biex isiru sinjuri.

Matul is-snin stajna naraw kemm huma leali l-aħwa f’sitwazzjonijiet differenti. Fl-Irlanda, l-aħwa kienu leali minkejja l-vjolenza. Fl-Afrika, l-aħwa kienu leali minkejja li għexu f’postijiet fejn kien hemm il-faqar u ma kienx hemm aħwa. Fl-Istati Uniti, l-aħwa kienu leali minkejja li kellhom ħafna affarijiet materjali. Ġeħova żgur ikun ferħan ħafna meta jara li n-nies tiegħu jħobbuh f’kull sitwazzjoni!

Ma’ Pauline fil-Betel taʼ Warwick

Is-snin għaddew malajr ħafna. (Ġob 7:6) Issa naħdmu fil-kwartieri ġenerali f’Warwick, New York. U vera nieħdu pjaċir naħdmu ma’ nies li jħobbu lil xulxin. Aħna vera ferħanin li qed nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nissapportjaw lir-Re tagħna, Kristu Ġesù, li dalwaqt se jbierek lil ħafna nies leali.—Mt. 25:34.

a Tistaʼ taqra l-bijografija taʼ Isaiah Adagbona f’It-Torri tal-Għassa tal-1 tʼApril 1998, pp. 22-27. Hu miet fl-2010.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja