LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 4/1 pp. 12-16
  • Ix-Xogħol taʼ li Nagħmlu Dixxipli Sawwarli Ħajti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ix-Xogħol taʼ li Nagħmlu Dixxipli Sawwarli Ħajti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Inkarigu li Ma Kontx Qed Nistenna
  • Ħafna X’Nitgħallem
  • Il-​Gwerra Ċivili Ġġib il-​Provi
  • Jien Inħossni Protett Għax Nafda f’Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Missjunarji “sa l-Iktar Parti Mbiegħda taʼ l-Art”
    Kif Jintużaw id-Donazzjonijiet Tiegħek?
  • Rajt il-Fidi tan-Nies taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 4/1 pp. 12-16

Bijografija

Ix-​Xogħol taʼ li Nagħmlu Dixxipli Sawwarli Ħajti

Kif rakkontata minn Lynette Peters

Kienu ġew biex jevakwawna. Tiratur prim kien fuq il-​bejt tal-​bini. Suldati kienu mimdudin fuq il-​ħaxix, bl-​ixkubetti tagħhom immirati. Hekk kif ġrejna lejn il-​ħelikopter li kien qed jistenniena dak il-​Ħadd fil-​għodu, jien u sħabi l-​missjunarji l-​oħrajn ġagħalna lilna nfusna nibqgħu kalmi. F’ħakka t’għajn, konna fl-​ajru. Għaxar minuti wara konna għall-​kenn fuq vapur militari, li kien viċin il-​kosta.

L-​GĦADA fil-​għodu sirna nafu li r-​ribelli kienu splodew il-​lukanda li konna stkennejna fiha l-​lejl taʼ qabel. Is-​snin taʼ taqlib ċivili fis-​Sierra Leone kienu żbroffaw fi gwerra kbira. Il-​barranin kollha, inkluż aħna, ġejna sforzati kważi dak il-​ħin stess biex naħarbu mill-​pajjiż. Sabiex nispjega għala kont f’din is-​sitwazzjoni, ħa nibda l-​istorja mill-​bidu.

Jien trabbejt fil-​British Guiana, magħrufa bħala Gujana mill-​1966 ’l hawn. Il-​ħajja tiegħi hemmhekk fis-​snin 50 kienet bla inkwiet u taʼ pjaċir. Ħafna mill-​ġenituri kienu jpoġġu enfasi kbira fuq l-​edukazzjoni, u ż-​żgħażagħ kienu mistennijin imorru tajjeb fl-​iskola. Niftakar li skrivan il-​bank darba staqsa lil missieri, “Għala tħallas daqstant għall-​edukazzjoni taʼ wliedek?” Missieri wieġeb, “L-​aħjar edukazzjoni biss tistaʼ tiggarantixxi s-​suċċess tagħhom.” Dak iż-​żmien, hu kien jaħseb li l-​aħjar edukazzjoni setgħet tinkiseb minn skejjel taʼ reputazzjoni għolja. Però, ma damx ma biddel fehemtu.

Meta kelli 11-il sena, ommi bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hi kienet żaret waħda mis-​Swali tas-​Saltna maʼ waħda mill-​ġirien tagħna. Dak li semgħu dakinhar ikkonvinċiehom it-​tnejn li huma li kienu sabu l-​verità. Iktar tard, ommi semmiet dak li kien ġie diskuss lil ġâra oħra. It-​tlieta li huma ma damux ma bdew jistudjaw mal-​missjunarji Daphne Harry (iktar tard Baird) u Rose Cuffie. F’inqas minn sena, ommi u ż-​żewġt iħbieb tagħha tgħammdu. Ħames snin wara dan, missieri telaq mill-​Knisja taʼ l-​Avventisti tas-​Sebaʼ Jum u tgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Meta konna żgħar, jien u tnejn minn ħuti bniet​—it-​tlieta l-​kbar minn għaxart itfal​—qattajna ħafna sigħat taʼ ferħ fid-​dar missjunarja fejn kienu jgħixu Daphne u Rose. F’dawn l-​okkażjonijiet konna nisimgħu l-​esperjenzi li kienu jirrakkontaw mis-​servizz taʼ l-​għalqa. Dawn il-​missjunarji kien jixegħlu bil-​ferħ hekk kif kienu jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali t’oħrajn mingħajr waqfien. Kien l-​eżempju tagħhom li naqqax fija x-​xewqa li nkun missjunarja.

Però, x’għenni nibqaʼ ffokata fil-​ministeru full-time fost qraba u sħabi taʼ l-​iskola li kienu interessati f’li jkollhom karriera tajba? Kien hemm ħafna opportunitajiet li jħajruk​—stajt niddedika lili nnifsi għall-​istudju tal-​liġi, il-​mużika, il-​mediċina, jew xi ħaġa oħra. L-​eżempju tajjeb tal-​ġenituri tiegħi tani d-​direzzjoni li kelli bżonn. Huma għexu l-​verità, studjaw il-​Bibbja bir-​reqqa, u ddedikaw lilhom infushom biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova.a Iżjed minn hekk, spiss kienu jistiednu ministri full-time biex jiġu d-​dar tagħna. Il-​ferħ u s-​sodisfazzjon li wrew dawn l-​aħwa saħħew ix-​xewqa tiegħi biex inħalli x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli jsawwarli ħajti.

Meta kelli 15-il sena tgħammidt. Imbagħad, malli spiċċajt mill-​iskola sekondarja, bdejt naqdi fil-​ministeru full-time bħala pijuniera. Philomena, li kienet taħdem l-​isptar, kienet l-​ewwel persuna li għent timxi ’l quddiem lejn id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Il-​ferħ li ħassejt hekk kif rajtha ssir tħobb lil Ġeħova saħħaħ ix-​xewqa tiegħi li nkompli fil-​ministeru full-time. Ftit wara dan, ġejt offruta xogħol aħjar fid-​dipartiment tal-​gvern fejn kont qed naħdem bħala segretarja. Jien irrifjutajtu u minflok għażilt li nkompli fix-​xogħol taʼ pijunier.

Kont għadni qed ngħix id-​dar, u l-​missjunarji baqgħu jżuruna. Kemm kont nieħu pjaċir nismaʼ l-​esperjenzi tagħhom! Dan kollu saħħaħ ix-​xewqa tiegħi li nsir missjunarja, avolja kienet tidher li hi impossibbli. Missjunarji dak iż-​żmien kienu qed jintbagħtu l-​Gujana bħalma għadhom illum. Ġurnata minnhom fl-​1969, bqajt imbellha imma ferħana meta rċivejt invit biex nattendi l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) fi Brooklyn, New York.

Inkarigu li Ma Kontx Qed Nistenna

Kien hemm 54 student minn 21 pajjiż fit-​48 klassi taʼ Gilgħad. Sbatax minna konna aħwa nisa mhux miżżewġin. Għalkemm dan kien 37 sena ilu, għad għandi memorji ċari taʼ dawk il-​ħames xhur. Kellna ħafna x’nitgħallmu​—mhux biss veritajiet Skritturali imma wkoll suġġerimenti u pariri prattiċi għall-​ħajja bħala missjunarji. Per eżempju, tgħallimt li għandi nsegwi d-​direzzjoni, li għandi nkun bilanċjata fejn tidħol il-​moda, u li għandi nistinka minkejja ċirkustanzi mhux favorevoli.

Il-ġenituri tiegħi kienu dejjem jenfasizzaw l-​importanza t’attendenza regulari għal-​laqgħat. Jekk xi ħadd kien ikun marid wisq biex jattendi l-​laqgħa l-​Ħadd ma kienx ifiq f’daqqa waħda biex jattendi xi kunċert tal-​pjanu jew taʼ xi ħaġa oħra l-​għada fil-​għaxija. Madankollu, għal ftit taż-​żmien waqt l-​Iskola taʼ Gilgħad, m’attendejtx il-​laqgħat kollha. Darba minnhom il-​Ġimgħa fil-​għaxija, ipprovajt niġġustifika n-​nuqqas t’attendenza tiegħi lil Don u Dolores Adams, koppja f’Betel li kienu jwassluni għal-​laqgħat. Daqskemm għandi ħowmwerk u rapporti! Kif nistaʼ nattendi għall-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u l-​Laqgħa tas-​Servizz? Wara li qagħad jirraġuna miegħi, Ħuna Adams qal: “Ħalli lill-​kuxjenza tiegħek tiggwidak.” Aċċettajt il-​parir tiegħu u ma tliftx il-​laqgħa dakinhar u ebda laqgħa oħra minn dakinhar ’il quddiem. Matul is-​snin, minbarra f’ċirkustanzi estremi, ma ħallejt xejn itellifni milli nattendi l-​laqgħat Kristjani.

F’madwar nofs il-​kors, kien hemm għajdut dwar l-​inkarigi tagħna. F’moħħi, dejjem ħsibt li kont se niġi assenjata l-​Gujana, fejn kien hemm bżonn taʼ ħafna għajnuna fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Immaġina x’sorpriża ħadt meta sirt naf li ma kontx se nirritorna. Minflok, ġejt inkarigata s-​Sierra Leone, fil-​Punent taʼ l-​Afrika. Kemm kont grata lejn Ġeħova li x-​xewqa tiegħi li nkun missjunarja ’l bogħod mid-​dar fl-​aħħar twettqet!

Ħafna X’Nitgħallem

“Pittoreska” hija l-​aħjar kelma biex tispjega l-​ewwel impressjoni tiegħi tas-​Sierra Leone, li għandha ħafna għoljiet u muntanji, bajjiet u xtut. Madankollu, is-​sbuħija vera taʼ dan il-​pajjiż fil-​Punent taʼ l-​Afrika hija l-​abitanti tiegħu, li l-​imħabba u l-​qalb tajba tagħhom jgħinu lill-​barranin iħossuhom komdi. Dan jgħin ħafna lill-​missjunarji lġodda biex ma jagħmlux f’qalbhom minħabba li huma ’l bogħod mid-​dar. In-​nies tas-​Sierra Leone jħobbu jitkellmu dwar id-​drawwiet u l-​kultura tagħhom u partikolarment iħobbu jgħinu lil uħud ġodda jitgħallmu l-​Krio, il-​lingwa franka tal-​pajjiż.

In-nies li jitkellmu bil-​Krio għandhom ħafna proverbji vivaċi. Per eżempju, Xadin jaħdem, babun jiekol, ifisser li min jiżraʼ mhux dejjem ikun dak li jaħsad. Kemm jiddeskrivi tajjeb l-​inġustizzja mxerrda mad-​dinja!​—Isaija 65:22.

L-ippridkar u x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli kien taʼ ferħ kbir. Kien rari li tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li ma kienx interessat fil-​Bibbja. Matul is-​snin, missjunarji u qaddejja taʼ Ġeħova li ilhom fil-​verità għenu lin-​nies​—kbar u żgħar​—minn kull sfond u oriġini tribwali biex iħaddnu l-​verità.

Erla St. Hill, l-​ewwel missjunarja li kienet taħdem miegħi, kienet ħaddiema li ma tegħja qatt. Id-​diliġenza tagħha f’li tieħu ħsieb ix-​xogħol fid-​dar missjunarja kien importanti kważi daqs il-​ministeru tagħha. Hi għenitni nifhem l-​importanza taʼ ħafna affarijiet, bħal li ssir taf lill-​ġirien, iżżur lix-​Xhieda u lil uħud interessati li huma morda, u tappoġġa arranġamenti għall-​funerali kull meta jkun possibbli. Enfasizzat l-​importanza wkoll li qatt ma titlaq it-​territorju mingħajr ma żżur lill-​aħwa li jgħixu f’dak il-​post, anki jekk ma tkunx tistaʼ ddum ħafna. Billi għamilt dawn l-​affarijiet, malajr ksibt ommijiet, aħwa subien u bniet, u ħbieb, u l-​inkarigu tiegħi malajr sar id-​dar tiegħi.​—Marku 10:​29, 30.

Bnejt ukoll ħbiberiji b’saħħithom mal-​missjunarji mill-​aqwa li qdew miegħi. Fosthom kien hemm Adna Byrd, li konna ngħixu fl-​istess dar u li qdiet fis-​Sierra Leone bejn l-​1978 u l-​1981, u Cheryl Ferguson, li ilna ngħixu fl-​istess dar għal dawn l-​aħħar 24 sena.

Il-​Gwerra Ċivili Ġġib il-​Provi

Fl-​1997, madwar xahar wara d-​dedikazzjoni tal-​fergħa l-​ġdida fis-​Sierra Leone, il-​gwerra sforzatna biex nevakwaw il-​pajjiż, bħalma ssemma fil-​bidu. Sitt snin qabel dan, bqajna impressjonati bil-​fidi tax-​Xhieda mil-​Liberja li kienu ħarbu lejn is-​Sierra Leone minħabba l-​gwerra fil-​Liberja. Xi wħud waslu bla ma kellhom xejn. Minkejja s-​sitwazzjoni diffiċli, huma ħadu sehem fil-​ministeru kuljum. Kienet xi ħaġa verament kommoventi li tara l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova u għall-​poplu tiegħu.

Issa li aħna stess konna refuġjati fil-​pajjiż tal-​Ginea, segwejna l-​eżempju taʼ l-​aħwa mil-​Liberja u komplejna nafdaw f’Ġeħova u nagħmlu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel. Sena wara, irnexxielna nirritornaw is-​Sierra Leone, imma fi żmien sebaʼ xhur, reġgħet qamet il-​gwerra u kellna nerġgħu niġu evakwati lejn il-​Ginea.

Ma domniex ma sirna nafu li membri minn naħa waħda fil-​gwerra kienu daħlu jgħixu fid-​dar missjunarja tagħna f’Kissy u li l-​affarijiet kollha tagħna kienu ġew misruqin jew meqrudin. Minflok ma ħassejna qalbna maqtugħa, konna grati li konna ħajjin. Ma tantx kien fadlilna affarijiet, imma kampajna.

Wara t-​tieni darba li ġejna evakwati, jien u Cheryl, li kienet tgħix miegħi, bqajna fil-​Ginea. Dan kien ifisser li kellna nitgħallmu l-​Franċiż. Uħud minn sħabi l-​missjunarji ma damux ma bdew jużaw il-​Franċiż li kienu tgħallmu, u ma tantx ħabblu rashom minħabba l-​iżbalji tagħhom. Imma jien ma ridtx nagħmel żbalji fi kliemi, allura kont nitkellem bil-​Franċiż biss meta ma stajtx nagħmel mod ieħor. Ħassejtni vera stressata. Kelli nfakkar lili nnifsi kuljum għala kont il-​Ginea​—biex ngħin lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova.

Bil-mod il-​mod għamilt progress billi qgħadt nistudja, nismaʼ lil dawk li jitkellmu l-​lingwa b’mod fluwenti, u billi qabbadt lit-​tfal fil-​kongregazzjoni, li jitkellmu kif iħossuhom, biex jgħinuni. Imbagħad, bla mistenni, irċivejna għajnuna f’waqtha mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Minn Settembru 2001 ’il quddiem, Il-​Ministeru tas-​Saltna beda jipprovdi suġġerimenti għal kif nistgħu noffru r-​rivisti flimkien maʼ ideat għal kif nistgħu noffru kotba u browxers lil nies taʼ reliġjonijiet differenti. Issa nħossni iktar kunfidenti meta nkun fil-​ministeru, anki jekk ma nkunx nistaʼ nesprimi lili nnifsi b’mod tajjeb daqskemm nistaʼ bil-​lingwa tiegħi.

Minħabba li trabbejt f’familja kbira ġejt megħjuna biex inkun nistaʼ ngħix maʼ ħafna nies, darba minnhom konna 17-il ruħ fid-​dar missjunarja. Matul is-​37 sena li ilni naqdi bħala missjunarja, għext maʼ iktar minn 100 missjunarju. Xi privileġġ kien li nsir naf daqstant nies, kollha b’personalitajiet differenti imma kollha jaħdmu għall-​istess skop! U x’ferħ li nkun ħaddiema sħab m’Alla u li jkolli sehem f’li nara nies iħaddnu l-​verità Biblika!​—1 Korintin 3:9.

Matul is-​snin tlift ħafna ġrajjiet kbar fil-​ħajja tal-​membri tal-​familja tiegħi stess, bħat-​tiġijiet tal-​maġġuranza minn ħuti li huma iżgħar minni. U ma rajtx lit-​tfal taʼ ħuti spiss daqskemm xtaqt. Kien sagrifiċċju għalija u għall-​membri tal-​familja tiegħi, li bla egoiżmu inkuraġġewni biex nibqaʼ naqdi bħala missjunarja.

Madankollu, dak li tlift lura d-​dar gawdejtu xi darba jew oħra fis-​servizz missjunarju. Għalkemm għażilt li ma niżżewwiġx, għandi ħafna tfal spiritwali, mhux biss dawk li studjajt il-​Bibbja magħhom imma wkoll oħrajn li sirt qrib tagħhom. Iżjed minn hekk, rajt lil uliedhom jikbru, jiżżewġu, u jrabbu lil uliedhom stess fit-​triq tal-​verità. Uħud minnhom, bħali, ukoll ħallew ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli jsawwar lill-​ħajja tagħhom.

[Nota taʼ taħt]

a Ommi qdiet bħala pijuniera għal iktar minn 25 sena, u meta missieri rtira mix-​xogħol, hu qeda bħala pijunier awżiljarju.

[Mapep f’paġna 15]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Ġejt assenjata fis-​Sierra Leone, fil-​Punent taʼ l-​Afrika

GINEA

SIERRA LEONE

[Stampa f’paġna 13]

Tnejn minn ħuti l-​bniet, li flimkien miegħi qattgħu ħafna sigħat ferħanin mal-​missjunarji fis-​snin 50

[Stampa f’paġna 14]

Maʼ studenti sħabi tat-​48 klassi taʼ Gilgħad

[Stampa f’paġna 16]

Id-​dedikazzjoni tal-​faċiltajiet tal-​fergħa fis-​Sierra Leone

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja