LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w23 April pp. 26-31
  • Kif Nistgħu Nsaħħu l-Fidi fid-Dinja l-Ġdida li Wegħedna Ġeħova?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistgħu Nsaħħu l-Fidi fid-Dinja l-Ġdida li Wegħedna Ġeħova?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • META JKOLLNA BŻONN FIDI SODA
  • NIMMEDITAW DWAR IS-SAGRIFIĊĊJU TAʼ ĠESÙ
  • AĦSEB DWAR IL-QAWWA TAʼ ĠEĦOVA
  • AGĦMEL AFFARIJIET LI JRESSQUK EQREB LEJN ĠEĦOVA
  • ‘SE TIĠRI ŻGUR’
  • “Agħtina iktar fidi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Il-fidi—Kwalità li ssaħħaħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Saħħaħ il-​fidi f’dak li tittama għalih
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • “Żommu sod fil-fidi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
w23 April pp. 26-31

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 19

Kif Nistgħu Nsaħħu l-Fidi fid-Dinja l-Ġdida li Wegħedna Ġeħova?

“Jgħid [Ġeħova] xi ħaġa u ma jagħmilhiex?”—NUM. 23:19.

GĦANJA 142 Inżommu mat-tama tagħna sat-tmiem

ĦARSA BIL-QUDDIEMa

1-2. X’għandna nagħmlu waqt li qed nistennew id-dinja l-ġdida?

KEMM napprezzaw li Ġeħova wegħedna li se jibdel din id-dinja f’ġenna tal-art! (2 Pt. 3:13) Minkejja li ma nafux meta ġejja d-dinja l-ġdida, l-affarijiet li qed jiġru juru li ma baqgħalniex ħafna nistennew.—Mt. 24:32-34, 36; Atti 1:7.

2 Sa dak iż-żmien, ilna kemm ilna fil-verità, kulħadd għandu bżonn isaħħaħ il-fidi tiegħu f’din il-wegħda. Għala? Għax il-fidi tistaʼ ma tibqax b’saħħitha. Fil-fatt, l-appostlu Pawlu qal li n-nuqqas taʼ fidi hu “d-dnub li faċilment ifixkilna.” (Ebr. 12:1) Biex il-fidi tagħna tibqaʼ b’saħħitha, b’mod regolari għandna naħsbu sew dwar l-affarijiet li juru li d-dinja l-ġdida dalwaqt se tiġi.—Ebr. 11:1.

3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

3 F’dan l-artiklu se niddiskutu tliet modi taʼ kif nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna fid-dinja l-ġdida li wegħedna Ġeħova: (1) billi nimmeditaw dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù, (2) billi naħsbu dwar il-qawwa taʼ Ġeħova, u (3) billi nagħmlu affarijiet li jressquna eqreb lejn Ġeħova. Imbagħad se naraw kif il-messaġġ taʼ Ġeħova lil Ħabakkuk isaħħilna l-fidi. Imma l-ewwel se naraw xi sitwazzjonijiet li jrid ikollna fidi soda fil-wegħda tad-dinja l-ġdida biex nissaportuhom.

META JKOLLNA BŻONN FIDI SODA

4. Għal liema deċiżjonijiet għandna bżonn fidi soda?

4 Kuljum ikollna bżonn fidi soda biex nieħdu xi deċiżjonijiet. Pereżempju, deċiżjonijiet dwar il-ħbieb, id-divertiment, l-edukazzjoni, iż-żwieġ, it-tfal, u x-xogħol. Ikun tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Id-deċiżjonijiet li nieħu juru li jien ċert li dalwaqt ġejja d-dinja l-ġdida? Jew nieħu deċiżjonijiet bħal nies li ma jemmnux li jistgħu jgħixu għal dejjem?’ (Mt. 6:19, 20; Lq. 12:16-21) Jekk insaħħu l-fidi tagħna li d-dinja l-ġdida se tiġi dalwaqt se nkunu nistgħu nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet.

5-6. Għala għandna bżonn fidi soda meta nkunu għaddejjin mill-provi? Agħti eżempju.

5 Għandna bżonn fidi soda wkoll biex niffaċċjaw il-provi. Forsi qed nissaportu l-persekuzzjoni, xi marda serja, jew affarijiet oħra li jiskuraġġuna. Għall-ewwel, forsi nħossu li nistgħu nissaportu l-problema tagħna. Imma problemi bħal dawn ħafna drabi jdumu għaddejjin għal ħafna żmien. Allura, biex nissaportu u nibqgħu ferħanin naqdu lil Ġeħova għandna bżonn fidi soda.—Rum. 12:12; 1 Pt. 1:6, 7.

6 Meta nkunu għaddejjin minn problema nistgħu nħossu li d-dinja l-ġdida qatt mhu se tasal. Imma dan ma jfissirx li m’għandniex fidi soda. Ejja naraw eżempju. Meta fis-sajf tagħmel ħafna sħana, forsi naħsbu li x-xitwa mhux se tiġi. Imma x-xitwa xorta tasal. B’mod simili, meta nkunu skuraġġiti nistgħu nħossu li d-dinja l-ġdida qatt mhu se tasal. Imma jekk il-fidi tagħna tkun b’saħħitha, inkunu nafu li Alla se jżomm il-wegħdi tiegħu. (Salm 94:3, 14, 15; Ebr. 6:17-19) Dan se jgħinna nkunu ċerti li l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna hi li naqdu lil Ġeħova.

7. X’għandna nevitaw li nagħmlu?

7 Għandna bżonn fidi soda wkoll biex nippritkaw. Ħafna nies li nitkellmu magħhom jaħsbu li “l-aħbar tajba” dwar id-dinja l-ġdida hi impossibbli. (Mt. 24:14; Eżek. 33:32) Aħna qatt m’għandna niddubitaw bħalhom. Biex nevitaw li jiġrilna hekk, għandna nkomplu nsaħħu l-fidi tagħna. Ejja naraw tliet modi kif nistgħu nagħmlu dan.

NIMMEDITAW DWAR IS-SAGRIFIĊĊJU TAʼ ĠESÙ

8-9. Meta naħsbu dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù kif insaħħu l-fidi tagħna?

8 Mod wieħed kif insaħħu l-fidi tagħna hu billi naħsbu dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Il-fidwa hija garanzija li l-wegħdi t’Alla se jiġru. Meta naħsbu sew għala Ġeħova pprovdielna l-fidwa u x’kellu jagħmel, se nsaħħu l-fidi li l-wegħda t’Alla dwar ħajja f’dinja aħjar żgur se tiġri. Għala nistgħu nkunu ċerti?

9 Il-fidwa x’kienet tinvolvi? Ġeħova bagħat lill-ewwel Iben tiegħu li tant iħobb u l-iktar persuna li kienet qrib tiegħu, biex jitwieled bħala bniedem perfett fuq l-art. Waqt li Ġesù kien fuq l-art, hu ssaporta ħafna provi differenti. Imbagħad hu bata u miet mewta b’ħafna wġigħ. Xi prezz kbir kellu jħallas Ġeħova! Alla ma kienx ħa jħalli lil Ibnu jbati u jmut għalina biex ikollna ħajja aħjar għal ftit żmien biss. (Ġw. 3:16; 1 Pt. 1:18, 19) Minħabba li Ġeħova ta lil Ibnu l-maħbub biex jgħinna, hu se jagħmel ċert li aħna nkunu nistgħu ngħixu fid-dinja l-ġdida għal dejjem.

AĦSEB DWAR IL-QAWWA TAʼ ĠEĦOVA

10. Skont Efesin 3:20, Ġeħova x’jistaʼ jagħmel?

10 Mod ieħor kif insaħħu l-fidi tagħna hu billi naħsbu dwar il-qawwa taʼ Ġeħova. Hu għandu l-qawwa biex jagħmel dak kollu li wegħedna. Ħafna nies jaħsbu li l-ħajja taʼ dejjem fil-ġenna tal-art hi impossibbli. Imma Ġeħova spiss iwegħedna affarijiet li l-bnedmin ma jistgħux jagħmlu. Hu jistaʼ jagħmel dawn l-affarijiet għax hu l-Alla li Jistaʼ Kollox. (Ġob 42:2; Mk. 10:27) Allura ma niħduhiex bi kbira meta jwegħedna li se jagħmel affarijiet tal-għaġeb.—Aqra Efesin 3:20.

11. Agħti eżempju taʼ waħda mill-wegħdi tal-għaġeb li għamel Ġeħova. (Ara l-kaxxa “Xi Wegħdi tal-Għaġeb li Ġraw.”)

11 Aħseb dwar xi affarijiet li Ġeħova wiegħed lill-poplu tiegħu fil-passat u li dehru impossibbli. Hu qal lil Abraham u Sara li kien se jkollhom tarbija meta kienu diġà kbar fl-età. (Ġen. 17:15-17) Hu qal lil Abraham ukoll li d-dixxendenti tiegħu kienu se jieħdu l-art taʼ Kangħan. Matul is-snin li l-Iżraelin, jiġifieri d-dixxendenti t’Abraham, kienu skjavi fl-Eġittu setaʼ deher impossibbli li din il-wegħda tiġri, imma hekk ġara. Iktar tard, Ġeħova qal li Eliżabetta kien se jkollha tarbija minkejja li kienet kbira fl-età. Hu qal ukoll li Marija, tfajla verġni, kienet se twelled lil Ibnu Ġesù. Ġeħova kien wiegħed dan eluf taʼ snin qabel fil-ġnien tal-Għeden. Din il-wegħda ġrat ukoll!—Ġen. 3:15.

XI WEGĦDI TAL-GĦAĠEB LI ĠRAW

Abraham u Sara jżommu f’idejhom lit-tifel tagħhom Iżakk.

Wegħda

Abraham u Sara kellu jkollhom tifel minkejja li kienu kbar fl-età.—Ġen. 18:14.

Għala Kienet Tidher Impossibbli

Sara kienet kbira wisq fl-età biex ikollha t-tfal.—Ġen. 18:11.

Kif Ġrat

Ġen. 21:1, 2

Ġożwè jżomm xabla u jħares lejn is-sema.

Wegħda

Id-dixxendenti t’Abraham kellhom jgħixu f’Kangħan.—Ġen. 17:8.

Għala Kienet Tidher Impossibbli

L-Iżraelin spiċċaw skjavi fl-Eġittu.—Eżo. 1:13, 14.

Kif Ġrat

Ġoż. 11:23

Ġużeppi u Marija qegħdin fejn Ġesù fil-maxtura.

Wegħda

Dixxendent taʼ David kellu jmexxi għal dejjem.—2 Sam. 7:8, 16.

Għala Kienet Tidher Impossibbli

Wara li Sedekija miet, ma kienx hemm iktar rejiet f’Iżrael li kienu dixxendenti taʼ David.—Ġer. 52:11.

Kif Ġrat

Lq. 1:32, 33

Iżraelin qed jitilqu minn Babilonja.

Wegħda

Wara li l-Lhud ittieħdu f’Babilonja għal 70 sena, huma kellhom jerġgħu jibnu Ġerusalemm.—Ġer. 29:10.

Għala Kienet Tidher Impossibbli

Ġerusalemm kienet vojta, u n-nies kienu jafu li l-Babiloniżi qatt ma jeħilsu l-priġunieri. —Is. 14:17.

Kif Ġrat

Esd. 1:1-3; 2:1

Anġlu b’xabla qed itir lejn l-armata Assirjana.

Wegħda

L-Assirjani ma kinux se jirbħu lil Ġerusalemm.—2 Slat. 19:32-34.

Għala Kienet Tidher Impossibbli

L-armata Assirjana kienet b’saħħitha u kienet diġà rebħet ħafna bliet u rħula f’​Ġuda.—2 Slat. 18:13.

Kif Ġrat

Is. 37:36, 37

Eliżabetta tilqaʼ lil Marija.

Wegħda

Eliżabetta kellu jkollha tarbija u Marija kellha twelled l-Iben t’Alla.—Lq. 1:13, 31.

Għala Kienet Tidher Impossibbli

Eliżabetta ma setax ikollha tfal u kienet kbira fl-età. Marija kienet verġni.—Lq. 1:18, 34.

Kif Ġrat

Lq. 1:57; 2:7

12. Ġożwè 23:14 u Isaija 55:10, 11 x’juruna dwar il-qawwa li għandu Ġeħova?

12 Meta naħsbu dwar il-wegħdi kollha li għamel Ġeħova u kif wettaqhom, aħna nifhmu li hu għandu qawwa kbira. Imbagħad il-fidi tagħna fid-dinja l-ġdida li wegħedna se ssir iktar b’saħħitha. (Aqra Ġożwè 23:14; Isaija 55:10, 11.) Dan se jgħinna biex inkunu preparati aħjar biex ngħinu lil oħrajn jifhmu li din il-wegħda mhix xi ħolma jew fantasija. Dwar sema ġdid u art ġdida, Ġeħova stess qal: “Dan il-kliem hu żgur u veru.”—Riv. 21:1, 5.

AGĦMEL AFFARIJIET LI JRESSQUK EQREB LEJN ĠEĦOVA

L-aħwa fil-kongregazzjoni qegħdin attenti jisimgħu lil ħu jagħti taħdita.

IL-LAQGĦAT

Dawn kif isaħħulek il-fidi? (Ara paragrafu 13)

13. Il-laqgħat kif isaħħulna l-fidi? Spjega.

13 It-tielet mod kif insaħħu l-fidi tagħna hu billi nagħmlu affarijiet li jressquna eqreb lejn Ġeħova. Pereżempju, aħseb kif nistgħu nibbenefikaw mil-laqgħat. Anna, li qdiet lil Ġeħova fis-servizz full-time għal ħafna snin, qalet: “Il-laqgħat għenuni nżomm fidi soda. Anke jekk il-kelliemi ma jkunx daqshekk tajjeb jew ma jgħid xejn ġdid, ħafna drabi jgħid xi ħaġa li tgħinni nifhem il-Bibbja aħjar u dan isaħħaħli l-fidi.”b Meta nisimgħu l-kummenti tal-aħwa wkoll insaħħu l-fidi.—Rum. 1:11, 12; 10:17.

Ħu qed jagħti xhieda lil raġel li jaħdem miegħu.

IL-MINISTERU

Dan kif isaħħaħlek il-fidi? (Ara paragrafu 14)

14. Il-ministeru kif isaħħilna l-fidi?

14 Mod ieħor kif insaħħu l-fidi tagħna hu billi nieħdu sehem fil-ministeru. (Ebr. 10:23) Barbara, li ilha taqdi lil Ġeħova għal iktar minn 70 sena, tgħid: “Il-ministeru dejjem saħħaħli l-fidi. Iktar ma nitkellem m’oħrajn dwar il-wegħdi sbieħ taʼ Ġeħova iktar tissaħħaħ il-fidi tiegħi.”

Oħt qed tuża l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja biex tagħmel studju personali.

L-ISTUDJU PERSUNALI

Dan kif isaħħaħlek il-fidi? (Ara paragrafu 15)

15. L-istudju persunali kif isaħħilna l-fidi? (Ara l-istampi.)

15 Ejja naraw xi ħaġa oħra li ssaħħilna l-fidi: l-istudju persunali. Susan tgħid li meta tagħmel skeda biex tistudja, tgħinha. Hi tgħid: “Il-Ħadd nipprepara It-Torri tal-Għassa tal-ġimgħa taʼ wara. It-Tnejn u t-Tlieta nipprepara għal-laqgħa taʼ matul il-ġimgħa. Fil-ġranet l-oħra nagħmel studju persunali.” Peress li dejjem timxi mal-iskeda li għamlet, Susan dejjem issaħħaħ il-fidi tagħha. Irene, li ilha taqdi fil-kwartieri ġenerali għal ħafna snin, tgħid li meta tistudja l-profeziji tal-Bibbja ssaħħaħ il-fidi. Hi tgħid: “Għalija hu tal-għaġeb kif il-profeziji taʼ Ġeħova jiġru sal-iċken dettall.”c

‘SE TIĠRI ŻGUR’

16. Dak li wiegħed Ġeħova lil Ħabakkuk għala japplika għalina wkoll? (Ebrej 10:36, 37)

16 Xi qaddejja taʼ Ġeħova ilhom ħafna jistennew id-dinja l-ġdida. Xi wħud minnhom jaħsbu li qed iddum wisq. Imma Ġeħova jaf kif ikunu qed iħossuhom il-qaddejja tiegħu. Fil-fatt hu wiegħed lil Ħabakkuk: “Il-viżjoni qed tistenna ż-żmien stabbilit tagħha, u tibqaʼ tilheġ lejn it-tmiem, u mhix se tigdeb. Saħansitra jekk iddum, int ibqaʼ stennieha; għax se sseħħ żgur. Mhix se tkun tard!” (Ħab. 2:3) Dak li wiegħed Alla kien għal Ħabakkuk biss jew għalina wkoll? Ġeħova qal lill-appostlu Pawlu biex japplika dak il-kliem għall-Kristjani li qed jistennew id-dinja l-ġdida. (Aqra Ebrej 10:36, 37.) Jekk naħsbu li l-wegħda taʼ Ġeħova biex isalvana qed iddum, nistgħu nkunu ċerti li “se sseħħ żgur. Mhix se tkun tard!”

17. Oħt kif applikat il-parir li Ġeħova ta lil Ħabakkuk?

17 Ħafna mill-qaddejja taʼ Ġeħova applikaw il-parir tiegħu biex jibqgħu jistennew. Xi wħud minnhom ilhom jistennew għal ħafna snin. Pereżempju, Louise bdiet taqdi lil Ġeħova fl-1939. Hi qalet: “Dak iż-żmien kont naħseb li Armageddon se tiġi qabel nispiċċa l-iskola. Imma mhux hekk ġara. Maż-żmien sibtha t’għajnuna li naqra rakkonti mill-Bibbja dwar nies li stennew lil Ġeħova biex jagħmel dak li wiegħed. Jien qrajt dwar Noè, Abraham, Ġużeppi, u oħrajn li kellhom jistennew sakemm Ġeħova berikhom. Li nemmen li l-wegħdi taʼ Ġeħova se jiġru għen lili u lil oħrajn inkunu ċerti li d-dinja l-ġdida dalwaqt se tiġi.” Ħafna aħwa li ilhom jaqdu lil Ġeħova jaqblu magħha!

18. Il-ħolqien kif isaħħilna l-fidi fid-dinja l-ġdida?

18 Veru li għadna m’aħniex ngħixu fid-dinja l-ġdida. Imma aħseb dwar l-affarijiet li qed ingawdu bħalissa, bħall-istilel, is-siġar, l-annimali, u n-nies. Ħadd ma jistaʼ jgħid li dawn l-affarijiet ma jeżistux, avolja kien hemm żmien meta vera ma kinux jeżistu. Aħna nistgħu narawhom għax Ġeħova ħalaqhom. (Ġen. 1:1, 26, 27) Alla wegħedna wkoll li se jagħmel dinja ġdida. Hu żgur se jżomm kelmtu. Fid-dinja l-ġdida n-nies se jieħdu pjaċir jgħixu għal dejjem b’saħħa perfetta. Aħna nistgħu nkunu ċerti li d-dinja l-ġdida se tiġi eżatt meta ddeċieda Alla.—Is. 65:17; Riv. 21:3, 4.

19. Kif tistaʼ ssaħħaħ il-fidi tiegħek?

19 Sakemm tiġi d-dinja l-ġdida, agħmel li tistaʼ biex issaħħaħ il-fidi tiegħek. Dejjem uri li tapprezza s-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Aħseb dwar il-qawwa taʼ Ġeħova. Agħmel affarijiet li jressquk eqreb lejh. Jekk tagħmel hekk, tistaʼ tkun ma’ “dawk li bil-fidi u l-paċenzja jirtu l-wegħdi.”—Ebr. 6:11, 12; Rum. 5:5.

KIF NISTGĦU NSAĦĦU L-FIDI BILLI  . . .

  • nimmeditaw dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù?

  • naħsbu dwar il-qawwa taʼ Ġeħova?

  • nagħmlu affarijiet li jressquna eqreb lejn Ġeħova?

GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid

a Ħafna nies illum ma jemmnux fil-wegħda tad-dinja l-ġdida li hemm fil-Bibbja. Huma jaħsbu li hi biss ħolma jew xi ħaġa impossibbli. Imma aħna ċerti li Ġeħova se jżomm il-wegħdi kollha tiegħu. Però xorta rridu nkomplu naħdmu biex inżommu l-fidi tagħna b’saħħitha. Dan l-artiklu se jispjega xi rridu nagħmlu.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

c Tistaʼ ssib ħafna artikli dwar il-profeziji tal-Bibbja fil-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet taħt is-suġġett “Bibbja” mbagħad “Profezija.” Pereżempju, ara l-artiklu “Dak li Jbassar Ġeħova Jitwettaq” f’​It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Jannar 2008.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja