ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 24
GĦANJA 98 L-Iskrittura—Imnebbħa minn Alla
Lezzjonijiet li Nistgħu Nitgħallmu mill-Aħħar Kliem li Qal Ġakobb—L-1 Parti
“Inġabru flimkien sabiex ngħidilkom x’se jiġrilkom fil-futur.”—ĠEN. 49:1.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se naraw x’nistgħu nitgħallmu minn dak li qal Ġakobb lil Ruben, Simegħon, Levi, u Ġuda qabel miet.
1-2. Ġakobb x’għamel qabel miet, u għala? (Ara wkoll l-istampa.)
META Ġakobb kiber ħafna fl-età, telaq minn Kangħan u mar l-Eġittu mal-familja kollha tiegħu. (Ġen. 47:28) Hemm hu baqaʼ jaqdi lil Ġeħova għal 17-il sena oħra. Meta kien l-Eġittu, hu kien ferħan ħafna li reġaʼ ra lit-tifel tiegħu Ġużeppi, għax kien ħaseb li miet. Issa, il-familja kollha tiegħu reġgħet kienet flimkien. Imma Ġakobb kien jaf li dalwaqt kien se jmut, allura qal lit-tfal subien kollha tiegħu biex imorru jarawh ħalli jgħidilhom xi ħaġa importanti.—Ġen. 49:28.
2 Fi żmien Ġakobb kien normali li qabel imut, il-missier kien jiġbor il-familja kollha biex itihom l-aħħar istruzzjonijiet. (Isa. 38:1) Jistaʼ jkun ukoll li kien jgħidilhom min kien se jkun il-kap tal-familja wara li jmut hu.
Ġakobb qabel ma miet qed jgħid profezija lit-12-il tifel tiegħu (Ara paragrafi 1-2)
3. Skont Ġenesi 49:1, 2, dak li qal Ġakobb għala kien importanti?
3 Aqra Ġenesi 49:1, 2. Imma din ma kinitx laqgħa tal-familja normali għax Ġakobb tkellem dwar il-futur. Ġeħova ggwida lil Ġakobb biex jgħid lit-tfal affarijiet importanti li kien se jiġri lilhom u lill-familji tagħhom fil-futur. Allura, l-aħħar kliem li qal Ġakobb kien profezija.
4. Ġakobb dwar xiex tkellem, u aħna x’nistgħu nitgħallmu minnu? (Ara wkoll il-kaxxa “Il-Familja taʼ Ġakobb.”)
4 F’dan l-artiklu se naraw x’qal Ġakobb lil erbgħa mit-tfal tiegħu: Ruben, Simegħon, Levi, u Ġuda. Fl-artiklu taʼ wara se niddiskutu x’qal lit-tmienja l-oħra. Ġakobb ma tkellimx biss dwar it-tfal tiegħu, imma anki dwar id-dixxendenti tagħhom, li kienu se jsiru l-poplu t’Iżrael. Meta naraw l-istorja tal-poplu t’Iżrael, nitgħallmu li dak li qal Ġakobb ġara. Barra minn hekk, dak li qal jistaʼ jgħallimna kif nistgħu nogħġbu lil Missierna tas-sema, Ġeħova.
RUBEN
5. Ruben x’jistaʼ jkun li stenna li jtih missieru?
5 L-ewwel, Ġakobb tkellem maʼ Ruben u qallu: “Int l-ewwel imwieled tiegħi.” (Ġen. 49:3) Peress li Ruben kien it-tifel il-kbir, stenna li jiret iżjed affarijiet minn ħutu l-oħra. Forsi stenna wkoll li wara li jmut missieru, hu jsir il-kap tal-familja u mbagħad il-familja dejjem ikompli jmexxiha xi ħadd mit-tribù tiegħu.
6. Ruben għala ma rċiviex id-dritt tal-ewwel imwieled? (Ġenesi 49:3, 4)
6 Imma Ruben ma rċiviex id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled. (1 Kron. 5:1) Għala? Xi snin qabel, wara li mietet Rakele, Ruben kellu relazzjonijiet sesswali maʼ Bilħa, li kienet il-konkubina taʼ missieru, Ġakobb. (Ġen. 35:19, 22) Ruben kien it-tifel tal-mara l-oħra taʼ Ġakobb, Lea. Jistaʼ jkun li Ruben għamel hekk biex missieru ma jsirx iħobb iktar lilha milli lil ommu. Jistaʼ jkun ukoll li Ruben kellu xewqat sesswali qawwijin għal Bilħa u ma kkontrollahomx. Kienet x’kienet ir-raġuni, dak li għamel kien ħażin ħafna kemm għal Ġeħova u anki għal missieru, Ġakobb.—Aqra Ġenesi 49:3, 4.
7. Xi ġralhom Ruben u d-dixxendenti tiegħu? (Ara wkoll il-kaxxa “Il-Profeziji li Qal Ġakobb Qabel Miet.”)
7 Ġakobb qal lil Ruben: “Mhux se tkun l-aħjar wieħed.” Hekk ġara għax il-Bibbja ma tgħidx li xi ħadd mit-tribù taʼ Ruben sar re, qassis, jew profeta. Imma Ġakobb xorta tah wirt. (Ġoż. 12:6) Drabi oħra, Ruben kien wera kwalitajiet tajbin u ma naqrawx li qatt reġaʼ għamel l-immoralità sesswali. B’hekk, id-dixxendenti taʼ Ruben saru wieħed mit-12-il tribù taʼ Iżrael.—Ġen. 37:20-22; 42:37.
8. X’nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ruben?
8 X’nistgħu nitgħallmu? Nitgħallmu li rridu niġġieldu kontra x-xewqat tagħna stess u nkunu determinati li ma nagħmlux l-immoralità sesswali. Jekk tiġina xi tentazzjoni biex nagħmlu xi ħaġa ħażina, irridu naħsbu fuq kif se jħossuhom Ġeħova, il-familja tagħna, u oħrajn b’dak li nagħmlu. Ikun tajjeb ukoll li niftakru li “dak li wieħed jiżraʼ, jaħsad.” (Gal. 6:7) Imma li ġara lil Ruben ifakkarna fil-ħniena taʼ Ġeħova. Hu mhux se jneħħilna t-tbatija li tiġi mill-affarijiet ħżiena li nagħmlu. Imma jekk nindmu u nipprovaw nagħmlu t-tajjeb, Ġeħova se jaħfrilna u se jkun ferħan bina.
SIMEGĦON U LEVI
9. Ġakobb għala ma kienx ferħan b’Simegħon u Levi? (Ġenesi 49:5-7)
9 Aqra Ġenesi 49:5-7. Imbagħad Ġakobb kellem lil Simegħon u Levi. Imma b’dak li qalilhom wera li ma kienx ferħan bihom. Snin qabel, raġel minn Kangħan jismu Sikem abbuża sesswalment minn oħthom Dina. Is-subien kollha taʼ Ġakobb irrabjaw b’dak li ġara, imma Simegħon u Levi ma kkontrollawx ir-rabja tagħhom. Is-subien taʼ Ġakobb gidbu lil Sikem u lin-nies tiegħu billi qalulhom li jekk jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni, ikun hemm il-paċi bejniethom. L-irġiel qablu. Imma meta kienu għadhom muġugħin, Simegħon u Levi “qabdu x-xabla tagħhom u daħlu fil-belt mingħajr ħadd ma ssuspetta xejn, u qatlu lil kull raġel u tifel.”—Ġen. 34:25-29.
10. Il-kliem taʼ Ġakobb fuq Simegħon u Levi kif ġara? (Ara wkoll il-kaxxa “Il-Profeziji li Qal Ġakobb Qabel Miet.”)
10 Ġakobb kien irrabjat ħafna li Simegħon u Levi kienu qatlu ħafna nies. Hu qal li huma kienu se jiġu mferrxin u mxerrdin mal-art taʼ Iżrael kollha. Din il-profezija ġrat 200 sena wara meta l-poplu t’Iżrael daħal fl-Art Imwiegħda. It-tribù taʼ Simegħon wiret xi artijiet fit-territorju taʼ Ġuda. (Ġoż. 19:1) U t-tribù taʼ Levi wiret 48 belt imxerrdin f’Iżrael kollu.—Ġoż. 21:41.
11. Liema affarijiet tajbin għamlu t-tribujiet taʼ Simegħon u Levi?
11 Id-dixxendenti taʼ Simegħon u Levi m’għamlux l-istess żbalji taʼ missirijiethom. Ħafna mit-tribù taʼ Levi kienu leali lejn Ġeħova. Pereżempju, meta Ġeħova ta l-Liġi lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj, ħafna Iżraelin bdew iqimu barri żgħir tad-deheb. Imma l-Leviti m’għamlux hekk. Huma anki għenu lil Mosè biex jeqirdu lil dawk li qiemu l-barri żgħir. (Eżo. 32:26-29) Ġeħova għażel lill-irġiel mit-tribù taʼ Levi biex ikunu l-qassisin. (Eżo. 40:12-15; Num. 3:11, 12) Iktar tard, it-tribù taʼ Simegħon għen lit-tribù taʼ Ġuda biex jiġġieled lill-Kangħanin u jieħu t-territorju tagħhom fl-Art Imwiegħda.—Imħ. 1:3, 17.
12. X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-eżempji taʼ Simegħon u Levi?
12 X’nistgħu nitgħallmu? Qatt tħalli r-rabja tikkontrolla d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tiegħek. Jekk int jew xi ħadd li tħobb ġieli ġie trattat ħażin, huwa naturali li tħossok imdejjaq. (Slm. 4:4) Imma aħna rridu niftakru li Ġeħova mhux se jkun kuntent bina jekk ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa biex inpattu lura. (Ġak. 1:20) Meta xi ħadd iweġġagħna, kemm jekk ikun ħu u kemm jekk le, għandna nirreaġixxu b’mod li jogħġob lil Ġeħova. Dan se jgħinna biex nevitaw li nagħmlu jew ngħidu xi ħaġa li ħa tweġġaʼ lil ħaddieħor. (Rum. 12:17, 19; 1 Pt. 3:9) Anki jekk il-ġenituri tiegħek jagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova, ma jfissirx li inti ħa tagħmel l-istess bħalhom. Taħsibx li huwa impossibbli għalik li togħġob lil Ġeħova. Hu se jgħinek biex tagħmel dak li hu sewwa u hu żgur se jippremjak.
ĠUDA
13. Għala jistaʼ jkun li Ġuda beda’ jinkwieta meta wasal il-ħin biex missieru jkellmu?
13 Wara, Ġakobb kellem lil Ġuda. Meta semaʼ x’qal missieru dwar ħutu, Ġuda jaf beda jinkwieta. Wara kollox, anki hu kien għamel xi dnubiet serji. Wara li Simegħon u Levi marru biex joqtlu lil Sikem, hu u ħutu l-oħra marru jisirqu l-belt. (Ġen. 34:27) Hu ngħaqad maʼ ħutu biex ibigħu lil Ġużeppi u jqarrqu b’missierhom. (Ġen. 37:31-33) Barra minn hekk, meta t-tifel tiegħu miet, Ġuda kellu x’jaqsam maʼ Tamar, il-mara tat-tifel, wara li ħaseb li kienet prostituta.—Ġen. 38:15-18.
14. X’affarijiet tajbin għamel Ġuda? (Ġenesi 49:8, 9)
14 Madankollu, Ġakobb faħħar lil Ġuda u wiegħdu li hu u l-familja tiegħu kien se jkollhom affarijiet tajbin. (Aqra Ġenesi 49:8, 9.) Ġuda kien wera li kien jimpurtah ħafna minn missieru. U hu kien wera wkoll kemm kien iħobb u jieħu ħsieb lil ħuh iż-żgħir, Benjamin.—Ġen. 44:18, 30-34.
15. Ġuda b’liema mod kien ippremjat?
15 Fil-profezija, Ġakobb qal li Ġuda kien se jmexxi lil ħutu. Imma l-profezija bdiet titwettaq madwar 200 sena wara. Wara li l-Iżraelin telqu mill-Eġittu u mxew fid-deżert lejn l-Art Imwiegħda, it-tribù taʼ Ġuda kien jimxi fuq quddiem bit-tribujiet l-oħra warajh. (Num. 10:14) Snin wara, xħin kienu deħlin fl-Art Imwiegħda, Ġeħova qal lit-tribù taʼ Ġuda biex jiġġieldu l-ewwel kontra l-Kangħanin. (Imħ. 1:1, 2) U David kien l-ewwel re mill-ħafna rejiet li kienu ġew mid-dixxendenti taʼ Ġuda. Imma hemm iktar.
16. Il-profezija f’Ġenesi 49:10 kif twettqet? (Ara wkoll il-kaxxa “Il-Profeziji li Qal Ġakobb Qabel Miet.”)
16 Ġakobb qal li l-Mexxej tan-nies kollha kien se jiġi mit-tribù taʼ Ġuda u li kien se jmexxi għal dejjem. (Aqra Ġenesi 49:10 u n-nota taʼ taħt maʼ “Silo.”) Dak il-Mexxej hu Ġesù Kristu, li Ġakobb sejjaħlu Silo. Dwar Ġesù, anġlu qal: “Alla Ġeħova se jagħtih it-tron tal-antenat tiegħu David.” (Luqa 1:32, 33) Ukoll, Ġesù jissejjaħ “l-Iljun tat-tribù taʼ Ġuda.”—Riv. 5:5.
17. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova fil-mod kif inħarsu lejn oħrajn?
17 X’nistgħu nitgħallmu? Ġeħova bierek lil Ġuda avolja għamel dnubiet serji. Imma forsi ħut Ġuda setgħu ħasbu liema kwalitajiet tajbin Ġeħova ra fih. Kien x’kien il-każ, Ġeħova ra t-tajjeb f’Ġuda u bierku. Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Ġeħova? Meta ħu jew oħt jirċievu xi inkarigu speċjali, mhux dejjem jaf nifhmu għala rċivew l-inkarigu, speċjalment jekk inkunu nafu l-imperfezzjonijiet tagħhom. Imma għandna niftakru li Ġeħova hu ferħan bil-kwalitajiet tal-ħu jew l-oħt. Ġeħova jfittex it-tajjeb fil-qaddejja tiegħu u aħna rridu nagħmlu l-istess.
18. Għala għandna nkunu paċenzjużi?
18 Lezzjoni oħra li nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Ġuda hi li nkunu paċenzjużi. Ġeħova dejjem iżomm kelmtu, imma jaf ikollna nistennew jew jaf jagħmel xi ħaġa differenti minn dak li ħsibna. Id-dixxendenti taʼ Ġuda mhux mill-ewwel ħadu t-tmexxija fost il-poplu taʼ Ġeħova. Imma b’lealtà appoġġaw lil dawk li kienu qed imexxu, bħal pereżempju Mosè mit-tribù taʼ Levi, Ġożwè mit-tribù t’Efrajm, jew ir-Re Sawl mit-tribù taʼ Benjamin. Aħna wkoll għandna nissapportjaw l-aħwa li qed imexxu.—Lhud 6:12.
19. X’tgħallimna dwar Ġeħova mill-aħħar kliem taʼ Ġakobb?
19 X’tgħallimna s’issa mill-aħħar kliem li qal Ġakobb lill-ewwel erbat itfal tiegħu? Nistgħu nitgħallmu b’mod ċar li Ġeħova ‘ma jarax bħalma jara l-bniedem.’ (1 Sam. 16:7) Ġeħova hu paċenzjuż ħafna u jaħfer. Għalkemm hu ma jiħux pjaċir meta nagħmlu affarijiet ħżiena, fl-istess ħin ma jistenniex li nkunu perfetti. Hu jistaʼ jbierek anki nies li għamlu dnubiet serji fil-passat imma li issa nidmu u qed jagħmlu dak li hu sew. Fl-artiklu li jmiss se naraw x’qal Ġakobb lit-tmien subien l-oħra tiegħu.
GĦANJA 124 Dejjem leali