ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 42
GĦANJA 44 Talba taʼ min ikun imnikket
Tgħallem Itlob lil Ġeħova mill-Qalb
“ Jien nitolbok b’qalbi kollha. Wiġibni Ġeħova.”—SLM. 119:145.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif li taħseb sew dwar talb li hemm miktub fil-Bibbja jistaʼ jgħinek titlob lil Ġeħova iktar mill-qalb.
1-2. (a) Meta nitolbu, x’jistaʼ jagħmilha diffiċli biex ngħidu lil Ġeħova kif vera qed inħossuna? (b) Kif nafu li Ġeħova jismaʼ t-talb tagħna?
ĠIELI tħoss li t-talb tiegħek dejjem ikun l-istess u spiss ma tgħidx lil Ġeħova kif vera tkun qed tħossok? Dan jistaʼ jiġri lil kulħadd. Peress li għandna ħajja mgħaġġla ħafna, ġieli t-talb tagħna jkun qasir, jew forsi nsibuha diffiċli niftħu qalbna maʼ Ġeħova għax ma nħossux li jixirqilna nitkellmu miegħu.
2 Il-Bibbja turi li għal Ġeħova l-iktar ħaġa importanti hi li nkunu umli u onesti meta nitolbu, u mhux kemm inkunu nafu ngħidu talb sabiħ. (Slm. 10:17) Ġeħova jismaʼ sew kull kelma li ngħidulu għax hu interessat ħafna fina.—Slm. 139:1-3.
3. X’mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-artiklu?
3 F’dan l-artiklu se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet: Għala m’għandniex inżommu lura milli ngħidu lil Ġeħova kif vera nħossuna meta nitolbu? Kif nistgħu nitolbu b’mod li jressaqna eqreb taʼ Ġeħova? X’nistgħu nitgħallmu minn talb taʼ nies leali li hemm imniżżel fil-Bibbja? Dan it-talb kif jistaʼ jgħinna nitolbu aħjar? U x’nistgħu nagħmlu jekk inkunu tant anzjużi li ma nkunux nafu x’se ngħidu?
QATT IŻŻOMM LURA MILLI TITLOB LIL ĠEĦOVA
4. X’se jgħinna nħossuna komdi nitolbu lil Ġeħova? (Salm 119:145)
4 Meta nifhmu li Ġeħova hu ħabib leali li jixtiqilna l-ġid, se nħossuna komdi nitkellmu miegħu u ngħidulu x’qed jinkwetana u kif inħossuna. Il-kittieb taʼ Salm 119 ipprova jara lil Ġeħova b’dan il-mod meta kien jitlob. F’ħajtu kellu ħafna problemi, pereżempju xi nies qalu gideb ikrah dwaru. (Slm. 119:23, 69, 78) Barra minn hekk, ġieli ħassu skuraġġit minħabba l-iżbalji tiegħu stess. (Slm. 119:5) Minkejja dan kollu, hu xorta ma żammx lura milli jiftaħ qalbu maʼ Ġeħova.—Aqra Salm 119:145.
5. Għala m’għandniex inħallu ħarsa negattiva lejna nfusna żżommna milli nitolbu lil Ġeħova? Agħti eżempju.
5 Ġeħova jixtieq li anki dawk li għamlu żbalji serji jitolbuh. (Isa. 55:6, 7) Allura ma rridux inħallu ħarsa negattiva lejna nfusna żżommna milli nitolbu lil Ġeħova. Biex inġibu eżempju, pilota tal-ajruplani jaf li jekk ikollu bżonn l-għajnuna, jistaʼ jitkellem maʼ dawk li jieħdu ħsieb it-traffiku tal-ajruplani. Imma jekk ma jkunx jaf x’għandu jagħmel jew jagħmel xi żball, taħseb li ħa jżomm lura milli jsaqsi għall-għajnuna tagħhom għax jibda jistħi? Dażgur li le! Bl-istess mod, int m’għandekx iżżomm lura milli titlob lil Ġeħova jekk ġieli ma tkunx taf x’għandek tagħmel jew tkun għamilt xi dnub.—Slm. 119:25, 176.
KIF TITLOB B’MOD LI JRESSQEK QRIB TAʼ ĠEĦOVA
6-7. X’jistaʼ jgħinna niftħu qalbna kompletament maʼ Ġeħova? Agħti eżempju. (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
6 Meta niftħu qalbna kompletament maʼ Ġeħova billi ngħidulu xi nkunu qed naħsbu u nħossu, se nersqu eqreb tiegħu. Imma x’jistaʼ jgħinna nitolbu b’dan il-mod?
7 Aħseb sew dwar il-kwalitajiet li għandu Ġeħova.a Iktar ma taħseb dwar il-kwalitajiet sbieħ li għandu, iktar se jsir faċli tgħidlu x’qed taħseb u kif qed tħossok. (Slm. 145:8, 9, 18) Aħseb dwar l-eżempju taʼ Kristine, oħt li kellha missierha vjolenti. Hi qalet: “Li nitkellem maʼ Ġeħova bħala missier ma kienx faċli. Kont naħseb li ma kontx tajba biżżejjed u li Ġeħova kien se jieqaf iħobbni minħabba l-iżbalji tiegħi.” Liema kwalità taʼ Ġeħova għenitha? Hi tkompli tgħid: “Jien ħsibt ħafna dwar l-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova u dan għenni nkun ċerta li hu jħobbni. Jien naf żgur li hu qatt mhu se jitlaqni waħdi u dejjem se jgħinni. Anki jekk nagħmel xi żbalji, hu xorta se jibqaʼ jħobbni u jgħinni. Meta naħseb dwar kemm għandu mħabba kbira Ġeħova, jgħinni niftaħ qalbi miegħu u ngħidlu xi jkun qed jagħmilni ferħana jew imdejqa.”
8-9. Għala jkun tajjeb li taħseb dwar x’se tgħid qabel ma titlob? Agħti eżempju.
8 Aħseb sew dwar x’se tgħid fit-talba. Qabel ma titlob tistaʼ ssaqsi lilek innifsek xi mistoqsijiet bħal: ‘Xi problemi għandi bħalissa? Hemm xi ħadd li għandi bżonn naħfirlu? Dan l-aħħar inbidel xi ħaġa f’ħajti li għandi bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova fiha?’ (2 Slat. 19:15-19) Barra minn hekk, ftakar dwar kif għallimna nitolbu Ġesù u aħseb x’tistaʼ titlob lil Ġeħova dwar ismu, is-Saltna tiegħu, u biex isir dak li jrid hu.—Mat. 6:9, 10.
9 Oħt jisimha Aliska bdiet issibha diffiċli titlob meta saret taf li r-raġel tagħha ma baqagħlux ħafna ħajja minħabba kanċer f’moħħu. Hi tgħid: “Vera kont stressjata, tant li meta kont nibda talba ma kontx inkun naf x’se ngħid.” X’għenha? Hi tkompli tgħid: “Qabel ngħid talba naħseb sew dwar x’nistaʼ ngħid biex ma nispiċċax nitkellem maʼ Ġeħova dwari u l-problema tar-raġel biss. Meta nagħmel hekk inħossni kalma u nitlob lil Ġeħova dwar ħafna affarijiet differenti.”
10. Għala għandek tieħu l-ħin biex titlob? (Ara wkoll l-istampi.)
10 Ħu l-ħin biex titlob. Hu vera li talb qasir jistaʼ jressaqna eqreb taʼ Ġeħova. Però meta tieħu l-ħin biex titkellem maʼ Ġeħova iktar fit-tul, se tkun tistaʼ tgħidlu iktar kif qed tħossok.b Ir-raġel taʼ Aliska, Elijah, qal: “Matul il-ġurnata nipprova nitlob ħafna drabi, imma meta nieħu l-ħin biex nitkellem maʼ Ġeħova fit-tul, vera nħossni viċin tiegħu. Jien naf li Ġeħova ma jridnix ngħaġġel biex infittex inlesti t-talba, allura nistaʼ nieħu l-ħin tiegħi.” Ipprova dan: Sib ħin u post tajjeb biex titlob fejn taf li ħadd mhu se jtellfek. F’dan il-ħin tistaʼ tipprova titlob b’vuċi għolja wkoll u mhux f’qalbek. Imbagħad ipprova itlob b’dan il-mod taʼ spiss.
Sib ħin u post li tkun tistaʼ titkellem maʼ Missierek tas-sema mingħajr ma jtellfek ħadd (Ara paragrafu 10)
AĦSEB FUQ TALB MILL-QALB LI HEMM IMNIŻŻEL FIL-BIBBJA
11. Kif se nibbenefikaw jekk naħsbu fuq talb tal-qaddejja taʼ Ġeħova tal-passat? (Ara wkoll il-kaxxa “Ġieli Tħossok Bħalma Ħassewhom Huma?”)
11 Tistaʼ ssibha t’għajnuna li taħseb dwar talb mill-qalb li qalu qaddejja taʼ Ġeħova tal-passat f’talb u għanjiet biex ifaħħruh. Meta taħseb kif dawn in-nies qalu kif kienu qed iħossuhom u x’kienu qed jaħsbu, se jgħinek biex titlob bħalhom. It-talb tagħhom jistaʼ jgħinek ukoll issib frażijiet ġodda li tistaʼ tuża fit talb tiegħek. U jaf issir taf b’xi talb fejn dawn il-qaddejja taʼ Ġeħova ħassewhom eżatt bħalek u talbu għall-istess affarijiet li tixtieq inti.
12. Meta naqraw xi talba mill-Bibbja, x’mistoqsijiet nistgħu nsaqsu?
12 Meta taqra talba mill-Bibbja staqsi lilek innifsek: ‘Min qalha din it-talba? Minn xiex kien għaddej u għala talab b’dan il-mod? Jien għaddej minn xi ħaġa simili bħal dan il-karattru mill-Bibbja? X’nistaʼ nitgħallem minn din it-talba?’ Biex twieġeb dawn il-mistoqsijiet jaf ikollok tagħmel iktar riċerka. Però l-isforz li tagħmel se jkun taʼ ġid għalik. Ejja naraw erbaʼ eżempji taʼ talb.
13. X’inhi lezzjoni waħda li nistgħu nitgħallmu mit-talba taʼ Ħanna? (1 Samwel 1:10, 11) (Ara wkoll l-istampa.)
13 Aqra 1 Samwel 1:10, 11. Meta Ħanna qalet din it-talba, kienet għaddejja minn żewġ problemi kbar ħafna. L-ewwel problema kienet li ma setax ikollha tfal. (1 Sam. 1:4-7) It-tieni problema kienet li l-mara l-oħra li kien miżżewweġ ir-raġel tagħha kienet qed tagħmlilha ħajjitha diffiċli ħafna. Jekk int ilek għaddej minn xi problema, x’tistaʼ titgħallem mit-talba taʼ Ħanna? Hi ħassitha aħjar peress li ħadet il-ħin biex tgħid lil Ġeħova kulma kien qed jinkwetaha. (1 Sam. 1:12, 18) Aħna wkoll se nħossuna aħjar meta ‘nħallu l-ansjetajiet tagħna f’idejn Ġeħova,’ jiġifieri ngħidulu b’kulma jkun qed jinkwetana u kif inkunu qed inħossuna.—Slm. 55:22.
Ħanna qalet lil Ġeħova bid-dwejjaq li kellha peress li ma setax ikollha tfal u minħabba l-problemi li kellha d-dar (Ara paragrafu 13)
14. (a) X’nitgħallmu iktar mill-eżempju taʼ Ħanna? (b) Li nimmeditaw dwar il-Kelma t’Alla kif se jgħinna nitgħallmu affarijiet ġodda li nistgħu ngħidu fit-talb? (Ara n-nota taʼ taħt.)
14 Ftit snin wara li twieled Samwel, it-tifel taʼ Ħanna, hi ħaditu għand il-Qassis il-Kbir Għeli. (1 Sam. 1:24-28) F’talba mill-qalb li qalet lil Ġeħova, hi qaltlu kemm tapprezza li hu jipproteġi u jieħu ħsieb lill-qaddejja leali tiegħu.c (1 Sam. 2:1, 8, 9) Vera li l-problemi f’ħajjitha ma kinux spiċċaw, imma minflok ma ffokat fuq il-problemi li kellha biss, hi ffokat iktar fuq kif Ġeħova kien qed iberikha. Dan x’jgħallimna? Jekk niffokaw fuq kif Ġeħova għenna fil-problemi li kellna s’issa, se nkunu nistgħu nkampaw aħjar mal-problemi li se jiġu fil-futur.
15. Meta ngħaddu minn inġustizzji, x’nistgħu nitgħallmu mit-talba taʼ Ġeremija? (Ġeremija 12:1)
15 Aqra Ġeremija 12:1. Meta Ġeremija ra lil xi nies jagħmlu affarijiet ħżiena imma xorta kienu jidhru ferħanin, ħassu vera skuraġġit. Hu kien skuraġġit ukoll għax xi Iżraelin kienu jwaqqgħuh għaċ-ċajt. (Ġer. 20:7, 8) Aħna nistgħu nifhmu kif kien qed iħossu għax ukoll ġieli jwaqqgħuna għaċ-ċajt jew naraw nies li jagħmlu affarijiet ħżiena imma jidhru li għandhom inqas problemi minna. Ġeremija qal lil Ġeħova li kien imdejjaq b’dawn l-affarijiet, imma qatt ma qal li Ġeħova kien inġust. Il-fidi tiegħu fil-ġustizzja taʼ Ġeħova żgur li ssaħħet meta ra kif Ġeħova kkoreġa lin-nies tiegħu. (Ġer. 32:19) Aħna wkoll nistgħu niftħu qalbna u ngħidu lil Ġeħova kemm inweġġgħu meta naraw l-inġustizzji. Imma fl-istess ħin, irridu nuruh li nafdaw li hu se jagħmel xi ħaġa dwar l-inġustizzja fl-aħjar żmien.
16. Jekk ma nistgħux nagħmlu kemm nixtiequ minħabba ċ-ċirkustanzi tagħna, x’nistgħu nitgħallmu mit-talba taʼ Levita? (Salm 42:1-4) (Ara wkoll l-istampi.)
16 Aqra Salm 42:1-4. Din l-għanja ġiet miktuba minn Levita li ma setax iqim lil Ġeħova fit-tempju maʼ Iżraelin oħra. Dan is-Salm juri kif kien qed iħossu. Jistaʼ jkun li int tħossok bħalu jekk ma tistax toħroġ mid-dar, pereżempju minħabba xi marda, jew jekk qiegħed il-ħabs minħabba l-fidi tiegħek. Xi drabi jaf tħossok tajjeb imma drabi oħra jaf tħossok skuraġġit ħafna. Però, inħossuna kif inħossuna jkun tajjeb li nitkellmu maʼ Ġeħova dwar dan permezz tat-talb għax se jgħinna nifhmu iktar kif inkunu qegħdin inħossuna u se jgħinna naraw is-sitwazzjoni tagħna minn perspettiva differenti. Pereżempju, il-Levita rrealizza li kien se jkollu opportunitajiet ġodda biex ifaħħar lil Ġeħova. (Slm. 42:5) Hu ħaseb ukoll dwar kif Ġeħova kien qed jieħu ħsiebu. (Slm. 42:8) Li titlob mill-qalb lil Alla dwar is-sitwazzjoni tiegħek jistaʼ jgħinek tifhem aħjar għala qed tħossok b’ċertu mod, jgħinek terġaʼ tħossok kalm, u jagħtik is-saħħa biex tissaporti.
Il-Levita li kiteb Salm 42 fetaħ qalbu kompletament maʼ Ġeħova. Meta aħna ngħidu x’qed inħossu fit-talb, se jgħinna naraw l-affarijiet minn perspettiva differenti (Ara paragrafu 16)
17. (a) X’nitgħallmu mit-talba tal-profeta Ġona? (Ġona 2:1, 2) (b) Matul żmien diffiċli, għala jkun tajjeb li niftakru f’xi versi mis-Salmi? (Ara n-nota taʼ taħt.)
17 Aqra Ġona 2:1, 2. Il-profeta Ġona qal din it-talba meta kien f’żaqq ħuta kbira. Avolja kien għadu kif m’obdiex lil Ġeħova, Ġona kien ċert li Alla kien se jismagħha t-talba tiegħu. F’dik it-talba, Ġona uża ħafna frażijiet li hemm fis-Salmi.d Wisq probabbli, hu kien jaf dawn is-Salmi sew. Allura, li ftakar fihom u ħaseb sew dwarhom għenu jkun ċert li Ġeħova se jgħinu. Bl-istess mod, jekk nippruvaw nitgħallmu bl-amment xi versi mill-Bibbja, se nkunu nistgħu niftakru fihom u nħossuna inkuraġġiti meta nitolbu lil Ġeħova matul żmien diffiċli.
IBQAʼ ITLOB BIEX TERSAQ EQREB TAʼ ĠEĦOVA
18-19. Jekk ġieli ma tkunx taf kif se tgħid lil Ġeħova kif qed tħossok, Rumani 8:26, 27 minn xiex jaċċertana? Agħti eżempju.
18 Aqra Rumani 8:26, 27. Xi drabi, jistaʼ jkun tant inħossuna anzjużi li lanqas biss inkunu nafu kif se nispjegaw lil Ġeħova x’qed inħossu. Però, għandna l-għajnuna. Fi żminijiet bħal dawn, l-ispirtu qaddis jistaʼ jitlob bil-ħniena għalina. Dan xi jfisser? Ġeħova uża l-ispirtu tiegħu biex il-kittieba tal-Bibbja jiktbu ħafna talb. Meta ma nkunux nafu kif se nesprimu ruħna f’talba, Ġeħova jistaʼ jaċċetta t-talb li hemm miktub fil-Bibbja bħallikieku nkunu qed nitolbuh aħna stess, u jwieġbu.
19 Dan il-ħsieb għenha ħafna lil oħt mir-Russja jisimha Yelena. Hi ġiet arrestata għax kienet qed titlob u taqra l-Bibbja. Tant ħassitha anzjuża li bdiet issibha diffiċli titlob. Hi qalet: “Imbagħad ftakart li meta nħossni anzjuża ħafna u ma nkunx naf kif se nitlob, Ġeħova se jqis it-talb taʼ qaddejja leali tiegħu li hemm imniżżlin fil-Bibbja daqslikieku jien stess inkun qed ngħidu. . . . Matul iż-żmien diffiċli li għaddejja minnu dan vera jinkuraġġini.”
20. X’jistaʼ jagħmilhielek iktar faċli titlob meta tkun stressjat?
20 Meta nkunu stressjati jistaʼ jiġrilna li nibdew talba imma mbagħad nibdew naħsbu fuq affarijiet oħra u ma nibqgħux ikkonċentrati. X’jistaʼ jgħinna? Qabel ma nitolbu, nistgħu naqraw xi Salmi b’vuċi għolja. Nistgħu wkoll nippruvaw nagħmlu bħar-Re David, jiġifieri niktbu dak li nkunu qegħdin inħossu. (Slm. 18; 34; 142; sopraskrizzjonijiet.) Ovvjament, m’hemmx regoli taʼ kif irridu nippreparaw lilna nfusna għal talba. (Slm. 141:2) Agħmel dak li l-iktar tħoss li jaħdem għalik.
21. Għala għandek titlob b’qalbek kollha?
21 Vera hu inkuraġġanti l-fatt li nafu li Ġeħova jaf eżatt kif inkunu qed inħossuna anki qabel ma ngħidu kelma. (Slm. 139:4) Però, hu xorta jrid jismaʼ mingħandna kif inħossuna u kemm nafdawh. Allura, iżżommx lura milli titlob lil Missierek tas-sema. Tgħallem mit-talb li hemm imniżżel fil-Kelma tiegħu. Itlob b’qalbek kollha u għidlu b’kulma jagħmlek ferħan u b’kulma jagħmlek imdejjaq. Kun ċert li bħala l-ikbar Ħabib tiegħek, Ġeħova dejjem se jkun hemm għalik!
GĦANJA 45 Il-meditazzjoni taʼ qalbi
a Fil-ktieb Skritturi li Jgħinuna Ngħixu Bħala Kristjani ara xi kwalitajiet sbieħ li għandu Ġeħova taħt is-suġġett “Ġeħova.”
b Normalment talb li jsir f’isem il-kongregazzjoni fil-pubbliku ma jkunx twil ħafna.
c Fit-talba tagħha, Ħanna qalet kliem simili għal dak li kiteb Mosè. Ovvjament, hi ħadet il-ħin biex timmedita fuq l-Iskrittura. (Dewt. 4:35; 8:18; 32:4, 39; 1 Sam. 2:2, 6, 7) Mijiet taʼ snin wara, Marija, omm Ġesù, użat kliem bħal taʼ Ħanna biex tfaħħar lil Ġeħova.—Luqa 1:46-55.
d Għal eżempji, qabbel Ġona 2:3-9 maʼ Salm 69:1; 16:10; 30:3; 142:2, 3; 143:4, 5; 18:6; u 3:8. L-ordni taʼ kif qegħdin il-versi tas-Salmi huma skont dak li talab Ġona fit-talba tiegħu.