LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Ottubru pp. 24-29
  • Tinsiex Titlob għal Oħrajn

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tinsiex Titlob għal Oħrajn
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA GĦANDNA NITOLBU GĦAL OĦRAJN?
  • LIL MIN NISTGĦU NSEMMU FIT-TALB
  • KIF TISTAʼ TITLOB GĦAL UĦUD B’MOD INDIVIDWALI
  • KIF IKOLLNA ĦARSA REALISTIKA META NITOLBU
  • Bit-Talb Issir Iżjed Ħabib t’Alla
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Tgħallem Itlob lil Ġeħova mill-Qalb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Il-privileġġ tat-talb
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Ottubru pp. 24-29

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 43

GĦANJA 41 Jekk jogħġbok, ismaʼ talbi

Tinsiex Titlob għal Oħrajn

“ Itolbu għal xulxin . . . It-talb bil-ħniena tal-ġust hu t’għajnuna kbira.”—ĠAK. 5:16.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Għala hu importanti li nitolbu għal oħrajn u xi suġġerimenti kif nagħmlu dan.

1. Kif nafu li t-talb tagħna hu importanti għal Ġeħova?

IT-TALB hu rigal tal-għaġeb. Aħseb ftit: Ġeħova lill-anġli tahom ċerti inkarigi. (Slm. 91:11) Anki lil Ibnu tah inkarigi importanti ħafna. (Mat. 28:18) Imma xi ngħidu għal min jismaʼ t-talb? Dan l-inkarigu tah lil xi ħadd? Le. Hu għażel li jieħu ħsieb it-talb hu. Ġeħova, bħala “Semmiegħ it-talb,” jismaʼ t-talb persunali tagħna.—Slm. 65:2.

2. L-appostlu Pawlu b’liema modi hu taʼ eżempju għalina fit-talb?

2 Għalkemm nistgħu nitolbu lil Ġeħova dwar dak kollu li nkunu għaddejjin minnu, għandna wkoll nitolbu għal oħrajn. L-appostlu Pawlu hekk għamel. Pereżempju, lill-kongregazzjoni taʼ Efesu kitbilha: “Jien inkompli nsemmikom fit-talb tiegħi.” (Efes. 1:16) Pawlu anki talab għal aħwa b’mod individwali. Pereżempju, lil Timotju qallu: “Jien grat lejn Alla, . . . dejjem niftakar fik meta nitlob lil Alla bil-ħniena lejl u nhar.” (2 Tim. 1:3) Pawlu kellu l-problemi persunali tiegħu dwar xiex jitlob. (2 Kor. 11:23; 12:​7, 8) Imma xorta ħa l-ħin biex jitlob għal oħrajn.

3. Għala jistaʼ jkun ninsew nitolbu għal oħrajn?

3 Ġieli jistaʼ jkun ninsew nitolbu għal oħrajn. Għala? Oħt jisimha Sabrinaa ssemmi raġuni waħda. Hi tgħid: “Il-ħajja vera saret mgħaġġla. Ġieli tant inkunu aljenati fuq il-problemi tagħna li nitolbu biss dwarna nfusna.” Tinnota li ġieli jiġrilek hekk? Jekk iva, dan l-artiklu se jgħinek. L-ewwel, se jispjega għala hu importanti li nitolbu għal oħrajn u t-tieni, se jsemmi xi suġġerimenti taʼ kif nistgħu nitolbu għal oħrajn.

GĦALA GĦANDNA NITOLBU GĦAL OĦRAJN?

4-5. Li nitolbu għal oħrajn kif “hu t’għajnuna kbira”? (Ġakbu 5:16)

4 Li nitolbu għal oħrajn “hu t’għajnuna kbira.” (Aqra Ġakbu 5:16.) Meta nitolbu għal oħrajn, vera nistgħu nagħmlu differenza? Iva nistgħu. Ġesù, peress li kien jaf li l-appostlu Pietru daqt kien se jgħid li ma jafux, qallu: “Jien tlabt bil-ħniena għalik ħalli ma titlifx il-fidi tiegħek.” (Luqa 22:32) Anki Pawlu kien jaf li t-talb jistaʼ jagħmel differenza. Meta kien il-ħabs b’mod inġust f’Ruma, hu kiteb lil Filemon: “Qed nittama li permezz tat-talb tagħkom niġi meħlus u nkun nistaʼ niġi ħdejkom.” (Flm. 22; ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż “for I am hoping that through your prayers.”) U hekk ġara! Ftit wara, Pawlu nħeles mill-ħabs u setaʼ jerġaʼ jipprietka.

5 Ovvjament, dan ma jfissirx li bit-talb tagħna aħna se nisforzaw lil Ġeħova. Imma meta nitolbuh, Ġeħova jinnota kif inħossuna dwar dak li qed nitolbu dwaru, u ġieli jagħżel li jwieġeb it-talb tagħna. Li nafu dan jistaʼ jġegħelna nitolbu mill-qalb lil Ġeħova dwar is-sitwazzjoni u nkunu ċerti li hu se jieħu ħsiebha bl-aħjar mod possibbli.—Slm. 37:5; ara t-​2 Korintin 1:11 u n-noti taʼ studju bl-Ingliż.

6. Meta nitolbu għal oħrajn kif niġu effettwati? (1 Pietru 3:8)

6 Li nitolbu għal oħrajn jgħinna nitgħallmu ‘nħennu ħafna.’ (Aqra 1 Pietru 3:8.) Persuna li tħenn tinnota t-tbatija taʼ persuna oħra u tkun trid tagħmel xi ħaġa biex tgħinha. (Mrk. 1:​40, 41) Anzjan jismu Michael jgħid: “Meta nitlob għal oħrajn dwar dak li jkollhom bżonn, nifhem iktar id-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom u dan iġegħelni nħobbhom iktar. Jgħinni wkoll inħossni iktar qrib tagħhom, avolja huma ġieli ma jindunawx.” Anzjan ieħor jismu Richard isemmi benefiċċju ieħor. Hu jgħid: “Meta nitolbu għal xi ħadd, niġu iktar immotivati biex ngħinuh. Meta ngħinu b’mod prattiku lill-persuna li nkunu tlabna lil Ġeħova għaliha, inkunu sa ċertu punt qed ngħinu biex titwieġeb it-talba tagħna.”

7. Li nitolbu għal oħrajn kif jistaʼ jgħinna ma niffokawx fuq il-problemi tagħna biss? (Filippin 2:​3, 4) (Ara wkoll l-istampi.)

7 Li nitolbu għal oħrajn jgħinna naraw il-problemi tagħna minn lenti differenti. (Aqra Filippin 2:​3, 4.) Peress li ngħixu f’dinja kkontrollata mix-Xitan, ilkoll kemm aħna niffaċċjaw xi sfidi. (1 Ġw. 5:19; Riv. 12:12) Meta niħduha drawwa nitolbu għal oħrajn, jgħinna niftakru li “l-aħwa kollha madwar id-dinja għaddejjin mill-istess tbatijiet” bħal tagħna. (1 Pt. 5:9) Oħt pijuniera jisimha Katherine tgħid: “Li nitlob għal oħrajn ifakkarni li mhux jien biss għaddejja mill-problemi. Dan jgħinni ma niffokax iżżejjed fuq il-problemi tiegħi.”

Grupp taʼ stampi: Aħwa li għandhom problemi differenti jitolbu għal xulxin. 1. Tifla bilqiegħda fis-sodda qed titlob; stampa żgħira turi familja f’dgħajsa qed jitilqu mid-dar minħabba għargħar. 2. Il-familja tal-istampa taʼ qabel jitolbu flimkien; stampa żgħira turi lil ħu l-ħabs. 3. Il-ħu fil-ħabs tal-istampa taʼ qabel qed jitlob; stampa żgħira turi oħt kbira fl-età marida l-isptar fis-sodda. 4. L-oħt fl-istampa taʼ qabel qed titlob; stampa żgħira turi t-tifla tal-ewwel stampa bilqiegħda weħidha fil-klassi waqt li t-tfal qed jagħmlu party tal-birthday.

Meta nitolbu għal oħrajn jgħinna biex ma naħsbux biss dwar il-problemi tagħna (Ara paragrafu 7)d


LIL MIN NISTGĦU NSEMMU FIT-TALB

8. Għal min nistgħu nitolbu?

8 Għal min nistgħu nitolbu? Nistgħu nitolbu għal uħud b’sitwazzjonijiet differenti. Pereżempju, nistgħu nitolbu għal dawk li huma morda, għat-tfal u żgħażagħ li jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt jew ikollhom il-pressjoni fl-iskola, jew għal uħud li qed jikbru fl-età. Nistgħu nitolbu wkoll għal aħwa li qed jiffaċċjaw oppożizzjoni minn tal-familja jew mill-gvernijiet. (Mat. 10:​18, 36; Atti 12:5) Xi aħwa kellhom jitilqu mid-djar tagħhom minħabba problemi politiċi fejn jgħixu. Oħrajn qed ibatu minħabba diżastri naturali. Forsi ma nafux b’mod persunali lil dawn l-aħwa. Imma meta nitolbu għalihom, inkunu qed nuru li nobdu l-kmand taʼ Ġesù: “Ħobbu lil xulxin.”—Ġw. 13:34.

9. Għala għandna nitolbu għall-aħwa li qed jieħdu t-tmexxija fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u għan-nisa tagħhom?

9 Aħna nistgħu nitolbu wkoll għall-aħwa li qed jieħdu t-tmexxija fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Dawn jinkludu l-Ġemgħa li Tiggverna u l-ajjutanti tagħha, il-Kumitati tal-Fergħa, l-overseers f’Betel, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, l-anzjani tal-kongregazzjoni, u l-qaddejja ministerjali. Ħafna minn dawn l-aħwa qed jiffaċċjaw problemi persunali waqt li qed jaħdmu iebes għalina. (2 Kor. 12:15) Pereżempju, indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jismu Mark jgħid: “Waħda mill-isfidi li nsib vera diffiċli hi li ngħix ’il bogħod mill-ġenituri tiegħi li huma kbar fl-età. It-tnejn għandhom problemi taʼ saħħa. Għalkemm oħti u żewġha jieħdu ħsiebhom sew, vera nkun imdejjaq li ma nistax nagħmel kemm nixtieq għalihom.” Kemm jekk nafu minn xiex għaddejjin dawn l-aħwa beżlin u kemm jekk le, għandna nitolbu għalihom. (1 Tes. 5:​12, 13) Għandna nitolbu wkoll għan-nisa tagħhom, li dejjem jissapportjaw lir-raġel tagħhom biex ikun jistaʼ jkompli jagħmel l-inkarigu tiegħu.

10-11. Ġeħova jieħu pjaċir b’talb ġenerali? Spjega.

10 Bħalma ddiskutejna, spiss aħna nitolbu għal uħud differenti. Pereżempju, mingħajr ma jkollna xi ħadd partikulari f’moħħna, aħna jaf nitolbu lil Ġeħova biex jgħin lil dawk li qegħdin il-ħabs jew lil dawk li tilfu lil xi ħadd fil-mewt. Anzjan jismu Donald jgħid, “Tant hawn aħwa li qed jissaportu provi differenti li ġieli ngħidu talba ġenerali ħalli nitolbu għal dawk kollha li qed ibatu.”

11 Ġeħova jieħu pjaċir b’talb bħal dan? Iva! Wara kollox, aħna ma nafux eżatt x’għandu bżonn kull ħu jew oħt. Allura jkun xieraq li nitolbu għal uħud b’ċirkustanzi differenti. (Ġw. 17:20; Efes. 6:18) Dan it-tip taʼ talb juri bil-provi li ‘nħobbu lill-aħwa kollha.’—1 Pt. 2:17.

KIF TISTAʼ TITLOB GĦAL UĦUD B’MOD INDIVIDWALI

12. Li tosserva, kif se jgħinek titlob iktar b’mod speċifiku?

12 Osserva. Apparti li nitolbu għal uħud b’ċirkustanzi differenti, għandna anki nitolbu għal uħud individwali b’isimhom. Hemm xi ħadd fil-kongregazzjoni tiegħek li qed ibati minn marda serja? Hemm xi żagħżugħ jew żagħżugħa li hi skuraġġita minħabba li t-tfal tal-iskola qed jipprovaw iġegħluha tagħmel xi ħaġa ħażina? Hemm xi ġenitur waħdu li qed jipprova jiddixxiplina u jittrennja lit-tfal tiegħu “bħalma jrid Ġeħova”? (Efes. 6:4) Meta tosserva, int se tifhem u tħobb iktar lil oħrajn u dan se jġiegħlek tkun trid titlob għalihom.b—Rum. 12:15.

13. Kif nistgħu nitolbu għall-aħwa li qatt ma ltqajna magħhom?

13 Itlob għal oħrajn b’isimhom. Nistgħu nagħmlu dan anki għal aħwa li qatt ma ltqajna magħhom. Pereżempju, aħseb dwar l-aħwa li qegħdin fil-ħabs f’pajjiżi bħall-Krimea, l-Eritrea, ir-Russja, u Singapore. Fuq jw.org, tistaʼ ssib l-ismijiet taʼ dawk li qegħdin fil-ħabs.c Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jismu Brian qal: “Jien sibt li meta nikteb l-isem taʼ ħu jew oħt li qiegħda l-ħabs u mbagħad nipprattika kif ngħidu, jgħinni biex meta nkun qed ngħid talba persunali niftakar biex nitlob għaliha.”

14-15. Kif nistgħu nitolbu għal affarijiet speċifiċi?

14 Itlob għal affarijiet speċifiċi. Michael, li ssemma qabel, jgħid: “Meta naqra minn fuq jw.org dwar aħwa li qegħdin il-ħabs, nipprova nimmaġina kif inħossni kieku kont fis-sitwazzjoni tagħhom. Kieku jien żgur li ninkwieta dwar il-mara tiegħi u nkun irrid nara li ma jonqosha xejn. Allura meta nitlob għall-aħwa miżżewġin li qegħdin il-ħabs, insemmi affarijiet speċifiċi.”—Lhud 13:​3, ntt.

15 Jekk nipprovaw nimmaġinaw kif tkun il-ġurnata tal-aħwa li qegħdin il-ħabs, se nsibu affarijiet oħra li nistgħu nsemmu b’mod speċifiku fit-talb tagħna. Pereżempju, nistgħu nitolbu biex il-gwardjani jkunu qalbhom tajba magħhom u biex dawk f’pożizzjoni t’awtorità jħallu lill-aħwa jqimu lil Ġeħova fil-ħabs. (1 Tim. 2:​1, 2, ntt.) Nistgħu nitolbu biex l-aħwa tal-kongregazzjoni tagħhom ikunu inkuraġġiti bl-eżempju taʼ lealtà li l-ħu jew l-oħt qed turi. Nistgħu nitolbu wkoll biex nies li mhumiex xhieda jinnotaw il-kondotta tagħhom u jkunu jridu jisimgħu l-messaġġ tagħna. (1 Pt. 2:12) Nistgħu nagħmlu xi ħaġa simili meta nitolbu għal aħwa li qed jissaportu provi oħra. Billi nosservaw, nitolbu għal oħrajn b’isimhom, u nitolbu għal affarijiet speċifiċi, nistgħu nuru li għandna “iktar imħabba lejn xulxin.”—1 Tes. 3:12.

KIF IKOLLNA ĦARSA REALISTIKA META NITOLBU

16. Kif jistaʼ jkollna ħarsa realistika lejn it-talb tagħna? (Mattew 6:8)

16 Bħalma rajna, it-talb tagħna jistaʼ jagħmel differenza fis-sitwazzjoni taʼ xi ħadd. Imma jrid ikollna ħarsa realistika lejn it-talb. Irridu niftakru li Ġeħova diġà jaf bis-sitwazzjoni u m’għandux bżonn il-parir tagħna kif jieħu ħsieb din is-sitwazzjoni. Ġeħova jaf x’għandhom bżonn il-qaddejja tiegħu qabel ma nitolbu għalihom. (Aqra Mattew 6:8.) Allura, għala għandna nitolbu għal oħrajn? Apparti għar-raġunijiet li diġà semmejna f’dan l-artiklu, dan hu mod kif nuru kemm jimpurtana minnhom. L-imħabba ġġegħelna nitolbu għal xulxin. U Ġeħova jieħu pjaċir jara lill-qaddejja tiegħu jimitaw l-imħabba tiegħu.

17-18. It-talb li ngħidu għall-aħwa maʼ xiex nistgħu nqabbluh?

17 Anki jekk it-talb tagħna ma jbiddilx is-sitwazzjoni taʼ xi ħadd, it-talb juri kemm inħobbu lil ħutna, u Ġeħova jinnotah dan. Biex inġibu eżempju: Immaġina familja b’żewġt itfal żgħar, tifel u tifla. It-tifel qiegħed fis-sodda marid. Oħtu tgħid lil missierha: “Pa, jekk jogħġbok għin lil ħija għax vera ma jiflaħx!” Il-missier diġà qed jieħu ħsieb is-sitwazzjoni, hu jħobbu lit-tifel u qed jieħu ħsiebu sew. Imma min jaf kemm jieħu pjaċir li t-tifla tant tħobb lil ħuha li qed titolbu bil-ħniena biex jgħinu.

18 Bl-istess mod Ġeħova jixtieq li nħobbu lil xulxin u nitolbu għal xulxin. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nuruh li ma jimpurtaniex biss dwarna nfusna imma li vera nħobbu lil ħutna. Ġeħova jinnotah dan. (2 Tes. 1:3; Lhud 6:10) Ukoll, bħalma ddiskutejna, it-talb tagħna jistaʼ jbiddel is-sitwazzjoni taʼ xi ħadd. Mela ejja nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niftakru nitolbu għal xulxin.

INT KIF TWIEĠEB?

  • It-talb tagħna kif hu “t’għajnuna kbira” għal oħrajn?

  • Għala għandna nitolbu għal aħwa li qegħdin f’sitwazzjonijiet differenti?

  • Kif nistgħu nkunu speċifiċi meta nitolbu għall-aħwa b’mod individwali?

GĦANJA 101 Naħdmu flimkien f’unità

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Ara l-vidjow Takeshi Shimizu: Ġeħova Huwa “Semmiegħ tat-Talb” fuq jw.org.

c Biex issib l-ismijiet tal-aħwa li qegħdin fil-ħabs, fuq jw.org bl-Ingliż ikteb “Jehovah’s Witnesses Imprisoned for Their Faith—By Location.”

d X’TURINA L-ISTAMPA: Aħwa li għaddejjin minn problemi differenti qed jitolbu għal oħrajn.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja