‘Żommu l-Għaqda li Għandkom Permezz tal-Ispirtu Qaddis’
L-APPOSTLU PAWLU inkuraġġixxa lill-Kristjani f’Efesu: “Għandkom tkunu paċenzjużi, tissaportu lil xulxin bl-imħabba, u tkunu fil-paċi maʼ xulxin billi tagħmlu l-aħjar tagħkom biex iżżommu l-għaqda li jkollkom permezz tal-ispirtu qaddis.”—Efes. 4:2, 3.
“L-għaqda” li għandna bejnietna tiġi “permezz tal-ispirtu qaddis.” Imma bħalma qal Pawlu, hemm bżonn sforz biex ikollna din l-għaqda. Min irid jagħmel dan l-isforz? Kull Kristjan irid jaħdem biex ‘iżomm l-għaqda li jkollna permezz tal-ispirtu qaddis.’
Bħala eżempju, immaġina li xi ħadd itik karozza ġdida. Min ikun responsabbli biex jieħu ħsiebha? Int. Ovvjament, jekk ma tiħux ħsiebha u din jiġrilha l-ħsara ma tistax twaħħal f’min tahielek.
B’mod simili l-għaqda hi rigal mingħand Ġeħova, imma kull wieħed minna għandu jagħmel li jistaʼ biex jieħu ħsiebha. Jekk għandna xi problema maʼ ħu jew oħt, ikun tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Qed nagħmel l-aħjar li nistaʼ biex insolvi l-problema ħalli nżomm l-għaqda?’
‘AGĦMLU L-AĦJAR TAGĦKOM BIEX IŻŻOMMU L-GĦAQDA’
Minn dak li kiteb Pawlu naraw li mhux dejjem ikun faċli biex inżommu l-paċi mal-aħwa speċjalment jekk jonqosna xi ħadd. Biex inżommu l-għaqda, hemm għalfejn dejjem tmur tgħid lill-persuna li naqsitek kif qed tħossok? Mhux bilfors. Saqsi lilek innifsek: ‘Jekk nagħmel hekk se nirranġa l-problema jew inkabbarha?’ Kultant ikun aħjar li taħfer lil dak li jkun jew tinsa.—Prov. 19:11; Mrk. 11:25.
Saqsi lilek innifsek: ‘Jekk immur ngħid lill-persuna li naqsitni kif qed inħossni, se nirranġa l-problema jew inkabbarha?’
Bħalma kiteb l-appostlu Pawlu, għandna ‘nissaportu lil xulxin bl-imħabba.’ (Efes. 4:2) Dwar din il-frażi, ktieb qal li tistaʼ tfisser “ilqgħuhom kif inhuma.” Dan ifisser li aħna għandna naċċettaw li l-aħwa huma imperfetti bħalna. Aħna kollha qed nippruvaw ‘nilbsu l-personalità l-ġdida.’ (Efes. 4:23, 24) Imma ħadd ma jirnexxilu b’mod perfett. (Rum. 3:23) Jekk naċċettaw dan il-fatt se jkun iktar faċli biex nissaportu lil xulxin, naħfru lil oħrajn, u ‘nżommu l-għaqda li għandna permezz tal-ispirtu qaddis.’
Meta naħfru u ninsew in-nuqqasijiet t’oħrajn, se ‘nżommu l-għaqda’ u ‘nkunu fil-paċi.’ Il-kelma bil-Grieg għal “għaqda” f’Efesin 4:3 ntużat f’Kolossin 2:19 bħala “ligamenti.” Il-ligamenti huma b’saħħithom u jgħaqqdu l-għadam flimkien. B’mod simili, il-paċi u l-imħabba lejn l-aħwa jgħinuna biex ikollna ħbiberija tajba magħhom anki jekk mhux dejjem naqblu.
Mela meta xi ħu jew oħt tonqsok, iddejqek, jew tirritak, ipprova ifhimha minflok tara biss dak li għamlet. (Kol. 3:12) Peress li n-nies kollha huma imperfetti, jistaʼ jkun li anki inti ġieli nqast lil xi ħadd. Jekk iżżomm dan f’moħħok, se tkun tistaʼ tagħmel li tistaʼ biex ‘iżżomm l-għaqda li għandna permezz tal-ispirtu qaddis.’