Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Hekk kif deħlin fl-ewwel snin tas-seklu 21, nieħdu pjaċir niktbu lilkom, “is-sħubija kollha kemm hi taʼ l-aħwa” madwar id-dinja, u nfaħħrukom għax-xogħol iebes li tagħmlu. (1 Pt. 2:17, NW) Kważi 2,000 sena ilu, Ġesù staqsa: “Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?” (Lq. 18:8) L-attività żeluża tagħkom matul is-sena taʼ servizz li għaddiet twieġeb il-mistoqsija taʼ Ġesù b’għajta qawwija fl-affermattiv! Xi wħud minnkom qlajtu tgħajjir u ġejtu mwaqqgħin għaċ-ċajt minħabba l-fidi tagħkom. F’ħafna postijiet, tissaportu meta tiffaċċjaw gwerer, diżastri, mard, jew ġuħ. (Lq. 21:10, 11) Grazzi għaż-żelu tagħkom biex tagħmlu xogħlijiet tajbin, Ġesù għadu jistaʼ “jsib il-fidi fuq l-art.” Żgur li hemm il-ferħ fis-sema minħabba f’dan!
Nafu li m’huwiex faċli li wieħed jissaporti. Ikkunsidraw il-provi li jgħaddu minnhom ħutna f’pajjiż wieħed fl-Asja tal-punent. Il-vjolenza kontra x-Xhieda taʼ Jehovah hija kważi xi ħaġa taʼ rutina f’dan il-pajjiż. Dan l-aħħar, il-pulizija ħarbtu assemblea li kienet għaddejja fil-paċi b’xi 700 ruħ fl-attendenza. Elf u tliet mija oħra ma setgħux jattendu minħabba li ġew imwaqqfin fit-toroq huma u sejrin. Marmalja taʼ nies b’wiċċhom mgħotti, xi wħud minnhom pulizija, attakkaw il-post taʼ l-assemblea, sawtu lil ħafna mid-delegati, u taw in-nar ’il-post li kien se jintuża għall-assemblea. Drabi oħra, estremisti reliġjużi sawtu lil ħutna b’mod krudil permezz taʼ bsaten mimlijin imsiemer.
Attakki bħal dawn jaħsduna iżda ma jissorprenduniex. L-appostlu Pawlu kien ispirat biex jikteb: “Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni.” (2 Tim. 3:12) Fl-ewwel seklu, il-Kristjani ssaportew persekuzzjoni verbali u fiżika, u xi wħud ġew saħansitra maqtulin. (Atti 5:40; 12:2; 16:22-24; 19:9) L-istess ġara fis-seklu 20, u bla ebda dubju hekk se jkompli jiġri fis-seklu 21. Xorta waħda, Jehovah jgħidilna: “Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa.” (Is. 54:17) X’assiguranza meraviljuża hi din! Tabilħaqq, tant aħna prezzjużi għal Jehovah li permezz tal-profeta tiegħu Żakkarija, hu qal: “Min imiss lilkom imiss il-mimmi taʼ [għajnejja].” (Żak. 2:12 [2:8, NW]) L-għedewwa taʼ l-adoraturi taʼ Jehovah m’għandhom l-ebda ċans li jkollhom rebħa finali. Il-qima pura se tittrijonfa!
Per eżempju, fil-pajjiż li ssemma qabel, ix-Xhieda taʼ Jehovah gawdew żewġ qċaċet ġodda fin-numru taʼ pubblikaturi matul is-sena taʼ servizz 2001. Iva, ħutna hawnhekk qed jipperseveraw minkejja d-diffikultajiet, bħalma qed jagħmlu l-aħwa maʼ kullimkien. Matul is-sena taʼ servizz li għaddiet, madwar id-dinja tgħammdu 5,066 ruħ kull ġimgħa bħala simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah. Issa dawn l-uħud ġodda huma determinati, flimkien magħna lkoll, li ‘jieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.’—Kol. 4:12, NW.
Ikkunsidraw ukoll, xi żviluppi li seħħew dan l-aħħar fil-Greċja. Minkejja snin t’oppożizzjoni qawwija mill-Knisja Ortodossa Griega, ix-Xhieda taʼ Jehovah issa huma magħrufin mill-gvern bħala “reliġjon rikonoxxuta.” Id-dokument li jagħti dan ir-rikonoxximent ikompli jgħid li l-kumpless tal-Betel fil-Greċja hu “post sagru u konsagrat, iddedikat għall-qima t’Alla.” Aħna ferħanin ngħidulkom ukoll li matul is-sena taʼ servizz li għaddiet, il-qrati għaddew deċiżjonijiet legali favorevoli li jeffettwaw il-qima tagħna fil-Bulgarija, il-Ġappun, il-Ġermanja, l-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Rumanija, u r-Russja. Kemm nirringrazzjaw lil Jehovah talli żamm il-bieb taʼ l-attività miftuħ f’dawn il-pajjiżi!
Filwaqt li nikkunsidraw kif Jehovah jappoġġa lin-nies tiegħu matul dawn l-aħħar żminijiet, naraw kemm hu l-aqwa Ħabib li qatt jistaʼ jkollna. Nitgħaxxqu bir-relazzjoni tagħna miegħu, għax nafu li hu jħobbna, jgħallimna, u jikkoreġina. Iva, il-provi tal-fidi se jibqgħu jiġu kontrina. Iżda fidi li ma titħarrikx f’Jehovah se tgħinna nibqgħu għaddejjin. Ġakbu kiteb: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar.” (Ġak. 1:2, 3) Iktar minn hekk, is-sabar juri l-imħabba tagħna għal Jehovah, u dan iġibilna ferħ kbir! Għeżież aħwa, kunu ċerti li Jehovah se jgħin lil kull wieħed u waħda minna. Jekk nibqgħu leali, bla dubju hu se jgħinna nidħlu fid-dinja l-ġdida. Hu jridna nirnexxu.
Għalhekk, inħeġġukom ħutna rġiel u nisa, kbar u żgħar, biex iżżommu sew f’moħħkom il-barkiet meraviljużi li hemm quddiemna. Jalla l-attitudni tagħna tkun bħal dik taʼ l-appostlu Pawlu, li kiteb: “Jiena għadni persważ li t-tbatijiet taʼ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina.” (Rum. 8:18) Strieħu fuq Jehovah meta tiffaċċjaw kwalunkwe tip taʼ sitwazzjoni diffiċli. Issaportu, u irrifjutaw li taqtgħu qalbkom. Qatt u qatt m’hu se jiddispjaċikom talli tagħmlu hekk. Il-Kelma t’Alla tiżgurana: “Il-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.”—Ħab. 2:4.
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah